16.12.13

Mill-Parti ta’ Fuq*



1.          Trid tiġi fil-parti ta’ fuq tal-Unjoni Ewropeja biex tmiss ma’ realtà kompletament differenti minn tagħna. Id-dinja ta’ hemm fuq għandha illum lezzjonijiet li jekk ma tmissx sewwa magħha mhux neċċessarjament tifhimhom jew teħodhom. Kelli din l-opportunità din il-gimgħa waqt li kont ġewwa l-belt ta’ Talinn fl-Estonja, ndur fi ftit siegħat l-irkejjen u t-toroq akkumpanjat minn storiku Estoni Juri Kuuskumaa li huwa il-Kuratur tal-Mużew ta’ l-Arti Kadriorg nara l-influwenzi varji li il-poplu Estoni, prevalentement luteran, ra b’għajnejh.

2.          Bejn post storiku u ieħor intlift niddibatti diversi punti. Il-perjodu tat-Tieni Gwerra Mondjali bil-preżenza tal-Ġermanja Nażista sabet ruħha komparata f’diversi mumenti ma’ dik tar-Russja Sovjetika.  Kemm qatlu Estoni n-Nażisti u kemm il-komunisti, x’kienet l-attitudni ta’ wieħed fil-konfront ta’ l-ieħor. Bnedmin li sabu ruħhom iridu jgħixu ma’ min kien deċiż li ma tantx jittollerahom. Sibtni quddiem l-uffiċċju tal-Prim Ministru, li aktar tard kelli l-opportunità niltaqa’ miegħu wkoll, u hemm mal-ħitan esterni hemm lista twila  ta’ Ministri tar-Repubblika libera Estoni li nqatlu ffuċillati, jew minn naħa jew minn oħra.

3.          Illum iħossuhom liberati, poplu li għandu t-tmun tal-pajjiż f’idejh preparat sabiex jaffronta sfidi ġodda. Il-bandiera bil-faxxex blu, suwed u bojod tperper minn fuq il-bjut qisu ma huwa xejn, biss taħt Josef Stalin (li ddeskriva lil Estoni bħala problema li tista’ tiġi solvuta billi jittneħħew minn wiċċ id-dinja) kont teħel ħamsa u għoxrin sena ħabs u ħamsa minnhom fis-Siberja jekk kemm–il darba ittellagħha.  Beda jidħak waqt li ddeskriva l-perjodu ta’ Nikita Kruschev bħala aħjar għax kont teħel għaxar snin biss! Il-bandiera tperper bir-raġun fl-ogħla istituzzjonijiet tfakkar ma’ kull radda tas-salib f’dak li kienu u f’dak li huma.

4.          Waqt li tgħaddi mit-toroq tara li l-belt qegħda tipprova terġa’ tieħu r-ruħ. Miżgħuda bi knejjes, palazzi, lukandi u ristoranti hemm ħajja differenti. Jidher ċar li t-turiżmu qiegħed jikber b’rata interessanti. F’kull stabiliment tara li hemm qabża li qegħda issir minn dan il-poplu paċifiku li għamel wisq snin iddominat. Hemm rabtiet storiċi li jmorru minn naħa mill-preżenza tal-Kżari Russi jidwu minn Pietru il-Kbir u Katarina l-Kbira u dan flimkien mad-diversi djar u mħażen tan-negozjanti f’parti mill-bliet hansejatici li kienu tant b’saħħithom sew fil-kummerċ. Hemm passat magħġun ukoll f’influwenza Ġermaniża li tkabbar iktar.  Dan Juri qalli li jaf il-Ġermaniż u r-Russu tajjeb u dawn servewh għar-riċerki varji fl-istorja ta’ pajjiżu.

5.          Biss, minn kelma għal oħra, stajt nara kemm quddiemi kelli persuna li għadda minn mumenti iebsa. Stajt napprezza dak li għadda minnu hu u l-poplu. Ħelsu minn poter politiku estrem, ma hemmx dubbju, imma meta tara l-idejat li huwa jħaddan tinduna li l-influwenza kulturali ta’ dak l-perijodu hemm għada. Il-liġijiet, in-normi, ir-regoli li huwa jħaddan ġewwa fih issawru minn żmien il-materjaliżmu stoiku.  Il-kunċett tal-bniedem, l-identità tiegħu, il-bilanċ intern bejn dak li huwa moralment konvint u dak li huwa kundannabli għadu taħt il-ħakma ta’ ideat oħra.

6.          Waqt li konna mexjin fuq is-swar tal-parti ta’ fuq tal-belt appena titlaq il-knisja ta’ Santa Marija, urieni fil-bogħod blokk kbir ta’ djar barra l-parti ċentrali li fhimt li ġiet imtellgħa mis-Sovjetiċi għas-suldati tagħhom. Hemm il-maġġoranza tagħhom baqgħet b’diffikultajiet illum ta’ integrazzjoni. Ippreferew jgħixu ma’ l-Estoni minflok imorru lura. Sfida verament kbira għall-futur meta wieħed jara kif rajt ġewwa Narva li l-fruntiera mar-Russja qegħda hemm. Ir-rapport ta’ dominaturi ma’ dominati qed jaqbad toroq li għad irridu naraw kemm u sa fejn ser ikun hemm għaġna sħiħa.

7.          Il-ġenerazzjonijiet il-ġodda, mhux dawk ta’ Juri li għad għandhom wisq feriti fil-memorja tagħhom, iridu jibnu dan. Mhux ser ikun faċli. F’mumenti tista’ tmiss l-ateiżmu komunista jaħdem id f’id ma’ dak tal-liberaliżmu ta’ llum. F’oħrajn hemm min qiegħed jipprova jiddistingwi ruħu. Din hija l-qabża l-kbira, l-isfida li dawk li għexu taħt reġim fejn kien aċċettabli li tkun ateu sabiex tidħol fix-xogħol mal-istat, u anzi li ġew magħġuna minn dan il-kunċett tal-ħajja li jippruvaw jibnu stat u kunċetti tal-ħajja kompletaent differenti. Hemm sinjali ta’ bidla. Hemm ċar diversi li jridu juru li biex tibni soċjeta’ differenti trid tibbaża fuq normi, liġijiet li m’għandhom x’jaqsmu xejn ma’ dak li l-materjaliżmu storiku, l-ateiżmu kienu kapaċi jagħtu. Prinċipji li jħarsu lejn il-ħajja u li jitilqu mill-bżonn li jiġi.

 *Dan l-artikolu kien deher fil-Mument fil-21 ta Lulju 2009.

No comments:

ITTRI MID-DEŻERT

1. Mhux faċli tifhem dejjem l-għażliet ta’ bnedmin oħra. Trid ħafna ħin, speċjalment ma’ dawk li jagħmlu għażliet differenti. Tieqaf t...