16.12.13

Għaddiet is-Sena Pawlina *


1.         Ftit jiem ilu kellna magħna l-Kardinal Ennio Antonelli, mibgħut speċjali mill-Papa Benedittu XVI.  Kelli x-xorti li niltaqa’ miegħu appena niżel f’pajjiżna.  Laqatni l-mod miftuħ, preparat, li bih jersaq lejn l-argumenti, huma x’inhuma.  Tiskanta kif fi ftit mumenti jfehmek mill-ewwel l-abbiltà tiegħu.  Ma tantx issib persuni bħalu.  Konna ilna ma naraw Kardinal li, mingħajr ma trid, jiġbdek bit-tbissima u bid-diskors intelliġenti tiegħu.  Kien verament f’waqtu li resaq f’Malta u fl-aħħar tas-sena li ddedikajna lil Missierna San Pawl.

2.         Id-29 ta’ Ġunju ta’ din is-sena ser jibqa’ mfakkar għaċ-ċelebrazzjonijiet sbieħ li seħħew.  Kien hemm parteċipazzjoni attiva ħafna min-naħa tal-pajjiż kollu.  Mhux biss f’festi esterni, imma f’diversi riflessjonijiet u diskussjonijiet fuq kitbet u ħidmet San Pawl.  Ħarġu diversi aspetti li ssoltu ma narawx.  Rajna mill-ġdid din ir-rabta speċjali li bniedem ta’ intelliġenza kbira u superjuri kellu magħna.  Rapport li nbena proprju b’fatt sekondarju, dak li fid-dinja legali jissejjaħ “act of God”.  Dak li seħħ snin ilu f’maltempata fil-Mediterran jitlob riflessjoni kif mill-gżejjer kollha li fihom seta’ mar, spiċċa proprju hawn.

3.         Dan il-jum ħabat ukoll mal-aħbar li l-Papa ta li ġewwa l-Knisja ta’ San Paolo fuori le Mura hemm żgur midfun l-Appostlu.  Hemm l-għadam tiegħu proprju f’din il-knisja li, oriġinarjament kienet intenzjonata sabiex tagħti ġieħ lilu daqskemm dik dedikata lil San Pietru, li bdiet tinbena lejn is-sena 384 WK mill-Imperatur Valentinianu II.  Dan l-Imperatur ried li qabel kull bidu ta’ kostruzzjoni sija s-Senat kif ukoll il-poplu Ruman jiġu konsultati u llum għandna monument li ppreservawh għalina.  Il-ħidma metikoluża għal dan saret taħt is-sorveljanza tal-Kardinal Andrea Cadero Lanza di Montezemolo, l-Arċipriet li huwa perit speċjalizzat fit-teknika u x-xjenza tal-kostruzzjoni.

4.         Dawn iż-żewġ eventi jixirqilhom attenzjoni partikolari fl-iżvilupp sħiħ ta’ dak li nafu fuq dan il-persuna eżemplari u dak li għad fadlilna niskopru.  Hemm diversi biċċiet li l-arkeoloġija moderna kapaċi tagħti u għadhom għad-disposizzjoni tagħna fil-fdal li Ruma għadha kapaċi tagħti.  Jiġi mill-ewwel quddiemi l-wiċċ li għad għandna ppriservat fil-Katakombi ta’ Santa Tecla f’Ruma.  Dik l-immaġini ta’ persuna b’wiċċ ta’ paċi interna kapaċi jifhem u jaħdem b’ħiltu kollha lejn għan wieħed – dak tat-tixrid tal-messaġġ Nisrani.  Qegħda hemm immortalizzata għalina lkoll.  Xiehda ċara li l-bniedem għex u uża tajjeb il-ħin li ġie lilu misluf.

5.         Pajjiżna għandu diversi punti wkoll x’jiskopri u jivverifika fuq dan.  Għax bejn il-leġġenda u l-preżenza hemm numru ta’ fatti li nittama li għada pitgħada l-arkeoloġija tagħna ssib iktar informazzjoni għalina.  Għax ma hemmx dubju li San Pawl wasal f’Malta – dan illum huwa aċċertat, biss hemm postijiet fuq din il-gżira marbuta miegħu fuq dak li ngħad minn ġenerazzjonijiet twal bħal, per eżempju, li wasal f’San Pawl il-Baħar u li wara telaq minn Bormla li forsi għada pitgħada nsibu aktar messaġġi mill-passat li jgħinu lilna napprezzaw dak li għandna.

6.         Hu x’inhu, dawn il-gżejjer huma fortunatament marbuta miegħu.  Din is-sena żgur servietna biex nidħlu f’dan il-proċess li permezz tiegħu stajna niskopru aħjar l-għeruq tagħna.  Il-kitba tiegħu hija parti mill-patrimonju tad-dinja, mhux biss dak Nisrani.  Jifforma parti mill-proċess ta’ l-iżvilupp taċ-ċiviltà fl-Ewropa u fid-dinja li pajjiżna huwa pass importanti fiha.  Iċ-ċerimonja ta’ l-għeluq għalhekk iċċelebrat b’mod qawwi dan il-messaġġ li ma għandniex ikunu boloh u narmu jew b’xi mod inċekknu.


 *Dan l-artikolu kien deher fil-Mument fit-12 ta Lulju 2009. 

No comments:

IL-FURJANA – TRIQ ĠNIEN DANTE ALIGHERI – SIĠAR TAĊ-ĊITRU

17508. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba tal-m...