5.5.16

Id-Dinja Preżenti tax-Xogħol.



1. Il-maltempati ekonomiċi tal-aħħar snin biddlu ħafna. Ġew attakkati numru ta’ kunċetti u pilastri fl-istruttura ekonomika tagħna. Morna direttament għal dak li deher bħala li ser iżommna għaddejjin mingħajr ma kellna l-ispazju sabiex nikkonsidraw dak li kien qiegħed iseħħ u li aħna konna parti volontarjament jew involontarjament fih. Wara dan u fi klima ekonomika differenti llum hemm bżonn li nqisu mill-ġdid id-dinja tax-xogħol. Nieħduh lura għall-pożizzjonijiet li kellu qabel u nassigurawlu iktar dinjità.

Ix-xogħol għandu jkollu salarju gust
2.  Ma nistgħux, jkun xi jkun iż-żmien fid-dinja tagħna, ma ngħidux dan mill-ġdid - li ngħidu li l-għajta għal paga serja u sura mhix ħaġa trivjali imma waħda vitali. Kif politiċi qabilna kienu konvinti minnu, il-bniedem illi jitlob li jgħix u jasserixi is-sinifikat ekonomiku tal-parteċipazzjoni tiegħu fl-istruttura finanzjarja għandu jiġi rispettat. Għax din l-għajta hi rifless logiku tal-fatt indiskuss li kull bniedem għandu d-dinjità tiegħu li l-istat u d-dinja tax-xogħol għandha d-dmir li tirrispetta. Biss kemm dan qiegħed isir fil-present hemm bżonn li nistaqsuh mill-ġdid.

Użu u abbuż tal-kelma xogħol
3.Kull persuna għandu d-dritt li jaħdem. Biss id-dinja tax-xogħol ġiet u għadha maħkuma minn kunċetti politiċi li jħarsu u jafdaw lilhom infushom fil-forzi tas-suq. Is-salarju, il-kundizzjonijiet u d-dinjità li jiġu offruti lill-ħaddiem illum b’mod partikolari marru iktar f’ħoġor is-suq tax-xogħol. Dak li jsir huwa stmat f’termini materjalisti, ta’ konsum u ta’ opportunità partikolari. Fejn min ma huwiex jew “kwalifikat” jew kwalifikat b’dak li s-suq ma għandux bzonn, qiegħed jerġa’ jmiss ma pożizzjonijiet li jixbħu dawk li l-iskjavitu kienet tokkupa f’sekli oħra.

L-Ekonomija hija għas-servizz ta’ min?
4. Bħala partit demokratiku kristjan sostnejna dejjem li aħna nqiegħedu l-ekonomija għas-servizz tal-bniedem u mhux il-bniedem għas-servizz tal-ekonomija. Mhux biss, imma li nemmnu fil-bżonn li nibnu u nassiguraw demokrazija ekonomika li fiha x-xogħol jiġi kkunsidrat aktar mill-kapital u li din hija essenzjali jekk irridu ngħixu f’soċjetà ġusta u demokratika. Biss, illum fiċ-ċirkostanzi tagħna nistgħu naffermaw li m’aħniex ngħixu f’soċjetà fejn il-liberalizmu ekonomiku huwa tant b’saħħtu li l-bnedmin huma għas-servizz tal-ekonomija - fejn rridu naċċettaw li x-xogħol manwali, speċjalment dak marbut ma dawk s-setturi fejn bnedmin minn kulturi oħra u mhux ċittadini Ewropej jaħdmu, jew dawk ta’ kuntratti qosra,  tilef fid-direzzjoni lejn dinjità u salarju ġust.

Hawn klassi ġdida jew tkattir ta’ dik antika?    
5. Il-politika eġemonika li permezz tagħha l-kunsens elettorali jitwieled minn faxxex fis-soċjeta li huma kuntenti a skapitu ta’ oħrajn inqas minnhom hija b’saħħitha u parti mill-hekk imsejjah neo-liberaliżmu - konsolidazzjoni riċiklata ta’ dik l-allejanza trasversali fejn il-kondizzjoni ta’ affluenza fil-ħajja hija iktar importanti mill-ġlieda għas-sewwa u l-gustizzja soċjali. Dan iktar fil-kuntest tan-nuqqas ta’ għarfien ta’ dawn iċ-ċirkostanzi mid-difensuri ta’ dawk li huma taħt. Hemm jinġema fis-soċjetà proċess qawwi forsi għal neo-marksisti naturali ta’ riżentiment, rabja ta’ dawk li iktar ma jgħaddu s-snin iktar qed jaraw l-pożizzjoni ekonomika tagħhom ibbażata fuq l-istima ta’ ħidmiethom mill-materjaliżmu tas-suq tax-xogħol, hija għalihom wieqfa permanentment.

Tmiem iċ-ċaqliq ‘l fuq tal-ħaddiem        
6. L-isforzi li qed jsiru u saru f’dawn is-snin huma mmirati sabiex s-suq jibqa jgawdi minn pożizzjoni iktar ta’ sfruttament li għandu. M’aħniex bħala politiċi jew persuni fis-soċjeta nifhmu li hemm ġlieda li m’aħniex nagħmlu biżżejjed sewwa - dik li tassigura li min jidħol fid-dinja tax-xogħol nassigurawlu dinjità bis-saħħa tal-forza li l-istat qed jafda fil-liġi - dinjità fl-ambjent sħih tiegħu u fis-salarju li jieħu miegħu id-dar. Nassiguraw dak li bħala bniedem għandu dritt fundamentali għalih u mhux konċessjoni ex gratia mis-suq - dik li jitla ‘l fuq fil-livell tal-għixien u mhux jieqaf mblukkat. Minflok dan għandna realtà ta’ koppji miżżewġin jew mhux fejn l-ewwel il-ħaddiem qiegħed l-iktar l-isfel u għax hekk jrid huwa jmur għall-ħidma part-time u t-tieni li n-nisa tagħhom iridu huma wkoll jidħlu jaħdmu fl-inqas livelli tal-iskala tax-xogħol.  

Rivalutazzjoni tad-dinja tax-xogħol
7. Quddiem l-għajta kostanti ta’ figuri li jidhru jleqqu rridu niddiskutu mill-ġdid ix-xogħol fid-dinja illum. L-istatistika li turi li hemm inqas jirregistraw jew li iktar nisa ħargu jaħdmu m’humiex garanzija ta’ iktar ġustizzja soċjali u demokrazija ekonomika. Ix-xogħol preżenti offrut ma fihx pakketti ta’ salarji aqwa jew ambjenti aħjar. Anzi, hawn iktar il-perċezzjoni żbaljata li hawn klassi tal-ħaddiema li ma tridx taħdem. Għalhekk qed jikkonsolida l-argument żbaljat li hemm bżonn oħrajn minn barra li lesti joqgħodu. F’soċjeta fejn hawn iktar ġid ekonomiku kif nistgħu nippretendu li l-ħaddiem Malti li huwa intelligenti u jgħaraf iż-żminijiet ma jimmirax u ma jitlobx xogħol aqwa?  

Illum l-ewwel ta’ Mejju

8. Fl-ewwel ta’ Mejju, il-jum iddedikat lid-dinjità tax-xogħol għandna dmir nirriflettu u nibdew proċess ta’ bidla - wieħed li jifhem li fiċ-ċirkostanzi ta’ saħħa ekonomika nazzjonali il-ġid għandu jitqassam aħjar. Fejn nassiguraw li l-ħaddiem tagħna jikber iktar fid-dinjità fuq il-post tax-xogħol u li nassigurawlu kundizzjonijiet ogħola milli għandu. Din hija l-isfida fis-snin li ġejjin. Trid tinbeda u trid tiġi affrontata jekk rridu iktar ġustizzja soċjali u paċi soċjali fis-soċjeta tagħna. Nawgura minn qalbi l-festa t-tajba lil kullħadd.   

2 comments:

enca said...
This comment has been removed by the author.
enca said...

Naħseb li wasal iż-żmien li t-trejd unjins, meta jkunu qed jinnegozzjaw ftehim kollettiv, aktar milli jiffukaw fuq pagi, iridu jisħqu aktar dwar titjib fil-ħiliet tal-ħaddiema. Ma rridx ninstema' li jien kontra ż-żidiet, anzi jien wieħed minn dawk li bbenefikajt. Imma nemmen li l-ħaddiema iridu jiġu inċentivati aktar sabiex wieħed jitħarreġ u jtejjeb il-ħiliet tiegħu. Hawn irid jidħol rwol ġdid tat-trejd unjin illum li teduka dwar l-importanza li l-ħaddiem jibqa' jitħarreġ ħalli jkun aktar ippreparat għall-bidliet li hawn għaddejjin madwarna.