17.5.16

Tal-ħafna jew tal-ftit?


1.       Jinkiteb u jingħad ħafna, xi drabi żżejjed, fuq punt politiku partikolari.  Mhux dejjem però ssib dak li verament huwa sewwa u  jolqtok.  L-analiżi ssib li hija immedjata, esterna, fil-wiċċ u rari ssir fil-fond.  Ftit huma dawk li jridu jaraw x’hemm wara pass u x’prinċipju etiku qiegħed jidħol b’ħaġa jew oħra fit-tessut soċjali tagħna.  U wieħed jifhem għax l-esperjenza ta’ dawn l-aħħar snin turi aktar li hemm distanza bejn min jiddeċiedi u min jiġi deċiż fuqu.  Bejn min jiġi elett u jsib il-poter f’ħoġru u min jeleġġi u jmiss l-effett tal-użu ta’ dak il-poter.

“Recklessness and overconfidence”

2.       Hekk kiteb Martin Scicluna din il-ġimgħa, dwar min għandu l-poter f’idejh u kompla: “It is characterised by arrogance, overwhelming self-assertiveness and a disregard for others”.  Dan ingħad għax huwa ċar li l-politika li bħalissa għaddejja qed titwelled minn nuqqas tar-rabta umana bejn il-politiku u l-elettur.  Kif sibt forsi espress aħjar f’post ieħor: “distance and depersonalization of contemporary life”.  F’kelma oħra, min jiddeċiedi mhuwiex: l-ewwel, viċin in-nies; it-tieni, mhuwiex jara jekk huwiex jiġbor il-kunsens popolari jew huwiex espressjoni tagħha; u t-tielet, mhux imiss l-effetti tagħha.

“Unwise and risky decisions”

3.       Il-mexxej li ma jibqax jew għax ma jkunx mill-bidu, jew għax tinbidel il-vuċi tal-poplu, l-espressjoni popolari tagħha, jidħol f’diffikultajiet.  Kif ikompli jgħid: “It often involves an overestimation of one’s own competence and capabilities, which result in a leader’s misinterpretation of reality.  This can lead to his making unwise and risky decisions to the detriment of the people he is meant to serve”.  Hekk diversi qed jaraw li qiegħed jiġri llum, b’numru ta’ persuni li ngħataw pakketti qawwija u sproporzjonati f’konsulenzi, kuntratti diretti, mentri hemm maġġoranza mifruxa ta’ dawk li mhumiex ilaħħqu.  Fejn qiegħed joħroġ evidenti l-iżbilanc bejn il-ħidma u d-dħul, fejn għal uħud huwa faċli u għal oħrajn iebes iżżejjed.

Il-kumdità materjali

4.       Il-kunsens tal-partit fil-Gvern iċċaqlaq wara l-elezzjoni.  Minn wieħed popolari sar issa wieħed bażat fuq dawk li huma komdi bis-sitwazzjoni ekonomika li jinsabu fiha.  Il-bażi tat-tmexxija mhix ispirata minn ħsieb, prinċipju, ideoloġija popolari u cioѐ li tifrex għas-soċjetà kollha.  Dak li ġie fil-poter b’mewġa tipika ta’ partit ta’ massa rriduċa lilu nnifsu lura għal wieħed ta’ opinjoni, ta’ minoranza.  Fejn l-interessi partikolari, settorjali, mwielda mill-forza tat-teoriji ekonomiċi tas-suq qed ikissru l-familja, il-komunitajiet u jiftħu l-bieb lejn iktar estremiżmu u faqar.

Il-periklu demokratiku?

5.       F’pajjiżna għandna demokrazija li sabet għodda utili bil-fatt li ż-żewġ partiti prinċipali kienu għal żmien twil ta’ massa.  Anzi, l-prinċipji demokratiċi nsara mexxewna bħala Partit Nazzjonalista biex napprezzaw iktar l-inter-klassiżmu.  Dak li qed niddeċiedu ma jistax ikun għal parti żgħira a skapitu ta’ oħrajn.  Hemm ġid komuni li jrid jiġi mħares li bħalissa mhuwiex.  Hemm il-bżonn li wieħed joqgħod attent minn dak li qiegħed jitwettaq li llum mhuwiex.  Għax hemm bilanċ delikat intern fejn kull parti fis-soċjetà trid tgħix, tgawdi d-drittijiet u l-libertajiet tagħha.


Il-kunsens popolari

6.       Kull min fil-politika għadu viċin tal-pajjiż qiegħed illum jinduna li qed jintilef ħafna mill-kunsens popolari.  Kull liġi, kull pass li jsir mil-leġislatura jridu, biex jimirħu, l-aċċettazzjoni tagħhom mill-poplu.  Biex liġi, sistema, li trid, taħdem l-elettur irid ikun konvint minnha, jħaddimha u jirrispettaha.  Bħalissa hemm qasma qawwija.  Dak li qiegħed jiġi mressaq mhuwiex jinżel tajjeb.  Diversi liġijiet il-poplu qiegħed jistaqsi l-bżonn, l-utilità jew l-opportunità tagħhom.  Diversi oħra ssibhom jargumentaw il-kontra fuq bażi ta’ prinċipju, speċjalment b’mod dirett u partikolari dawk li qed imorru kontra l-prinċipji etiċi nsara li, ngħidu x’ngħidu, huma parti integrali mis-soċjetà u mill-eletturi taż-żewġ partiti l-kbar.

Avversità u rifjut

7.       Jekk wieħed isegwi jifhem iktar li hawn parti sostanzjali tal-poplu li qegħda tiddikjara lilha nfisha insodisfatta proprju b’dan.  Hawn avversità ġdida li qed tara li l-politika preżenti mhix tipproteġi s-sentimenti reliġjużi tagħha.  Hawn rifjut tal-ħsieb li l-politika trid tkun bla prinċipju, amorali u f’ħafna immorali.  Iktar kattoliċi qed jitkellmu fil-beraħ u jiktbu li mhumiex kuntenti b’din is-sitwazzjoni.  Hemm sejħa sabiex il-pedamenti li sarrfu fi żvilupp soċjali, kulturali, ekonomiku u demokratiku qawwi ma jitneħħewx u anzi, li jiġu difiżi u protetti.  Il-votanti taż-żewġ partiti prinċipali qed juru din l-iskumdità.

Il-valuri nsara essenzjali


8.       Il-ħsieb li l-kattoliku huwa dak li jirreprimi lill-oħrajn fl-ideat u fil-miżuri hija parti mill-mitoloġija tal-oħrajn.  Is-soċjetà libera u demokratika li għandna kellha qabżiet fil-kwalità proprju għax kienet ispirata mill-valuri nsara.  Il-libertà tal-bniedem, il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tiegħu twieldu bil-mod tagħhom proprju għax kien hemm dan it-tessut nisrani.  Ma hemmx dubju għalhekk u hu proprju fuq dan it-tagħlim li ħadd ma huwa jippretendi li l-maġġoranza tirreprimi l-minoranza.  Biss, daqshekk ieħor illum hemm il-perikolożità fil-kontra – ta’ dawk li qegħdin jaraw u jħossu li dak li jemmnu fih, li anzi dejjem sostna l-paċi u l-istabilità f’pajjiżna, issa qed jarawh jiġi skartat.  Dawn huma l-isfidi li nfetħu llum li tajjeb li jiġu indirizzati u mhux injorati.  Dan sabiex il-ftit u l-ħafna jkomplu jgħixu flimkien f’soċjetà ġusta, inter-klassista u li ma tagħmilx preferenzi, kif sfortunatament qed naraw isiru.  

No comments:

ITTRI MID-DEŻERT

1. Mhux faċli tifhem dejjem l-għażliet ta’ bnedmin oħra. Trid ħafna ħin, speċjalment ma’ dawk li jagħmlu għażliet differenti. Tieqaf t...