6.5.16

Mhux Minsi



1.         Ftit ilu sibt ruħi fir-raħal żgħir ta’ Castel Gandolfo, 'il barra minn Ruma, magħruf bħala l-post fejn il-Papiet imorru jistrieħu fis-sajf.  Il-Kastel ta’ Gandolfo nnifsu, li kien inxtara mis-Santa Sede fl-aħħar tas-Seklu Sittax u li ġie trasformat l-ewwel f’residenza u iktar tard f’osservatorju spazjali, mhuwiex miftuħ għall-pubbliku.  Però anki jekk ma tidħolx ġewwa, xorta tieħu ftit mill-atmosfera tal-villaġġ żgħir (kważi erba’, ħames toroq kollox) li hemm.  Pjazza mill-isbaħ, bi knisja żgħira tal-Bernini dedikata lil San Tumas ta’ Villanova, li kif tiskapulaha ssib ruħek tgawdi l-veduta tal-Lago Albano.

22..    2.     Tifhem iktar għala l-uffiċjali tal-Knisja Rumana għażlu li jibgħatu lill-Papa f’post sabiħ bħal dan.  Fis-sekli, it-tradizzjoni li l-mexxejja tal-Knisja Kattolika jinqatgħu mill-Vatikan innifsu, nżammet.  Papa wara Papa kien u għadu sallum isib il-post bħala lok ta’ ħsieb u riflessjoni.  Li hu però interessanti hu li fis-sekli twal, f’dak li għadda preċiżament fis-6 ta’ Awissu 1978, miet Papa mhux fl-appartamenti tiegħu imma ġewwa Castel Gandolfo.  Papa mill-aqwa, illum forsi m’għadux jissemma’ daqshekk, imma li ħalla marka importanti fil-ħajja tal-bnedmin li għarfuh u semgħuh.

3.         Dak li kien il-Kardinal Giovanni Montini, Arċisqof ta’ Milan, inħatar fil-21 ta’ Ġunju 1963 bħala s-suċċessur ta’ Ġwanni XXIII bl-isem ta’ Pawlu VI.  Persuna bi kwalitajiet mill-isbaħ.  Moħħu ċar, dirett, kapaċi jifhem u jfiehem.  Kitbietu għadhom sallum meqjusa bħala dawl għal ħafna, proprju għax kien ġej b’esperjenza partikolari.  Bniedem li għex għas-sewwa, li kien dejjem dikjaratament anti-faxxista, li bata u sofra ma’ ġenerazzjoni ta’ bnedmin li raw l-atroċitajiet tal-gwerra.  Persuna li ma kienx maqtugħ mill-poplu.  Ebda forma ta’ elitiżmu, anzi impenn dirett mal-bnedmin fl-inqas tagħhom.

4.         Id-dinja hija magħrufa li tinsa malajr dak li ġara fil-passat.  Iktar u iktar meta warajh ġiet persuna bħal Ġwanni Pawlu II.  Però tajjeb li b’dawn il-ftit kliem infakkruh, illum fit-tlieta u tletin anniversarju mill-mewt tiegħu.  Pawlu VI kien l-ewwel Papa li beda jiftaħ il-bibien tal-Vatikan sabiex jivjaġġja.  Niftakru lil dak ir-raġel qsajjar, irqiq u apparentement xipli minn barra, jmur fejn ebda Papa qablu ma mar – il-Palestina, l-Indja.  Fetaħ fruntieri li ma kienx hemm, witta t-triq għall-oħrajn u fl-istess ħin għamel dikjarazzjoni ta’ prinċipji.

5.         Aqwa minn hekk kienu l-enċikliċi tiegħu, b’mod partikolari l-aħħar tlieta: Popularum Progressio (1967), Sacerdotalis Caelibatus (1967) u Humanae Vitae (1968).  Baqgħu dawl u għalkemm hemm trapass ta’ żmien, dak li nkiteb fihom tant huwa ċar, loġiku, li huwa tajjeb li wieħed jerġa’ jmur lura u jaqrah .  Is-sens u sustanza li fihom fil-fatt iħarsu ferm 'il bogħod.  Huma dokumenti u manifesti li jħarsu b’viżjoni oġġettiva u diretta lejn il-ħajja.  Nixtieq niċċita fit-tul, imma ovvjament, ma nistax.  Ser nillimta ruħi għal din il-parti fl-ewwel enċiklika: “It is not just a question of eliminating hunger and reducing poverty.  It is not just a question of fighting wretched conditions, though this is an urgent and necessary task.  It involves building a human community, where men can live truly human lives, free from discrimination on accout of race, religion or nationality, free from servitude to other men or to natural forces which they cannot yet control satisfactorily.”

6.         Żgur mhux forsi però, Pawlu VI jibqa’ impress f’diversi memorji fil-quddiesa tal-funeral ta’ Aldo Moro.  Imrobbija fl-istess ambjent, bl-istess ħsibijiet, impenjati direttament favur min qiegħed 'l isfel fis-soċjetà.  F’dak il-mument, ħadd ma seta’ ma japprezzax ferm iktar l-impenn dirett tiegħu.  Verament għaddew is-snin, però għadu mhux minsi.




Artikolu li kien deher fil-gazzetta Illum tas- 7 ta’ Awissu 2011


No comments:

ITTRI MID-DEŻERT

1. Mhux faċli tifhem dejjem l-għażliet ta’ bnedmin oħra. Trid ħafna ħin, speċjalment ma’ dawk li jagħmlu għażliet differenti. Tieqaf t...