21.5.16

Stabilità madwarna


1.      Il-gżejjer tagħna għandhom numru ta’ ġirien madwarhom.  Ma konniex aħna li għażilnihom, imma ngħarfu li magħhom irridu ngħixu.  Uħud ikunu fil-paċi u fl-istabilità, oħrajn le.  Meta dawn jgħaddu mill-inkwiet, aħna wkoll b’xi mod niġu effettwati, ngħidu kemm ngħidu.  Dan, terġa’, jikkomplika ruħu ferm iktar meta jkun hemm ġlied, fi gwerra speċjalment meta tkun interna.  Hekk ilna għal dawn l-aħħar ħames snin naraw għaddej fil-poplu li jgħix proprju taħtna, dak Libjan.  Hemm inbeda proċess ta’ bidla li qiegħed isir daqqa bl-użu tal-armi, daqqa b’dak tad-diskussjonijiet.

2.      Tul dawn is-snin, ir-rabtiet kulturali, soċjali u ekonomiċi li kellna u li bnejna rajnihom jgħaddu minn kumplikazzjonijiet.  Biss, żammejna sija mill-aspett diplomatiku tal-Istat Malti, kif ukoll mill-aspett reliġjuż rapport kemm jippermettu ċ-ċirkostanzi mill-viċin.  Ilkoll nafu li l-Isqof Sylvestro Magro għamel snin twal iservi u jgħin ‘l-insara u lil kull min kien jirrivolġi ruħu lejh b’imħabba, dedikazzjoni u riskju kbir għal ħajtu.  Xiehda ħajja ta’ nsara li jgħixu dak li jiddikjaraw li jemmnu fih.  Impenn verament qawwi li ulied il-Knisja Kattolika jafu jagħtu lid-dinja.  Servizz li dejjem ġie mfaħħar u apprezzat f’dak il-poplu bi prevalenza musulmana.  Preżenza rilevanti u determinanti.

3.      Il-poplu Malti, kif tixhed l-istorja però, għaraf mil-limitazzjonijiet tiegħu jagħti assistenza lil dan il-pajjiż fil-problemi li sab ruħu fihom.  Iktar u iktar f’dawn l-aħħan snin.  Id-dittatura ħarxa, kiefra u disumana ta’ Muammar Ghaddafi ħalliet il-marka tagħha.  Dawk li sofrew, li sabu ruħhom imsakkra f’ħabsijiet taħt l-art, li nqatlu, li ġew imsawta ta’ xejn b’xejn kienu ħafna.  Kull min kien kontra tiegħu sab ruħu vittma ta’ dan.  Smajna u rajna b’dawn l-atti, speċjalment wara l-waqa’ tiegħu meta diversi setgħu jgħaddu x-xiehda tas-sofferenzi tagħhom.

4.      Jingħad x’jingħad, kien għalhekk determinanti għal dak il-pajjiż u l-Mediterran li l-gwerra ċivili Libjana li nbdiet ħames snin ilu minn numru ta’ eroj, tirnexxi.  Li d-dittatur Ghaddafi jitneħħa u l-pajjiż ikun jista’ jibda jimxi ‘l quddiem.  Min illum jgħid li kien żball li tneħħa mhuwiex proprju korrett.  Il-bidla kienet neċessarja sabiex setgħet tinbeda triq differenti.  Għalkemm kien hemm min iddubita, kienet f’dan deċiżjoni determinanti dik li ttieħdet mill-Gvern preċedenti li pajjiżna jgħin sabiex jiġi assigurat li l-vuċi tal-poplu tirbaħ u s-sejħa għal-libertà u l-ġustizzja tikber u tittrijonfa f’dak il-pajjiż.

5.      Sfortunatament ħafna ħasbu li kull ma kien hemm bżonn biex il-pajjiż jikber kien li jitneħħa dan il-bniedem.  Biss, fir-realtà, ħadd ma jista’ jippretendi li min ikun taħt dittatura ħarxa għal xnin twal iqum filgħodu mibdul demokratiku.  Hemm proċess twil li jieħu l-ħin tiegħu.  Rajnih dan kollu jseħħ diġà fil-pajjiżi li kienu taħt il-ħakma tal-komuniżmu sovjetiku fid-diffikultajiet li għaddew minnhom.  Biss, hawn huwa ferm iktar diffiċli u kumplikat.  Anke jekk biss biss tqis li dan il-pajjiż ingħaqad mhux naturalment imma b’riżoluzzjoni tal-Ġnus Magħquda fl-1951 taħt monarkija.

6.      Proprju għalhekk li f’dawn l-aħħar sentejn rajna s-sitwazzjoni tikkomplika ruħha bi ġlied ulterjuri.  B’żewġ parlamenti u pajjiż maqsum f’iktar minn tlett biċċiet.  Tul il-ġimgħa li għaddiet smajna li dak li ilu jiġi negozjat mill-istess partijiet wasal fi ftehim li jidher li beda jieħu r-ruħ.  Dan għax Fayez al-Sarraj, li huwa l-persuna li ġie ndikat bħala l-Prim Ministru futur tagħhom wasal u daħal ġewwa l-belt kapitali ta’ Tripli.  Al-Sarraj, li ġej mid-dinja tal-kummerċ, mar ma’ numru ta’ membri tal-kabinett tiegħu bil-baħar u b’dan il-pass importanti beda jgħaqqad dak li huwa mifrud.  Wieħed li Martin Kobler, li huwa l-mibgħut u negozjatur dirett ta’ Ban Ki Moon indikah bħala “marks an important step in Libya’s democratic transition and path to peace, security and prosperity”.

7.      Bil-preżenza ta’ gruppi estremisti u dawk li jappartjenu lil dak tal-ISIS huwa determinanti li dan il-proċess jirnexxi u jingħata l-appoġġ sħiħ li ħaqqu.  Iġib paċi u stabilità għalihom u għalina li ngħixu magħhom.  Mhuwiex ser ikun faċli għalihom imma naħseb li dawn l-aħħar snin ta’ ġlied u nkwiet kabbar iktar l-għarfien li hemm bżonn li jsir dan l-isforz għax inkella ma jkunx hemm futur fis-sewwa għalihom.  Mhuwiex il-bogħod u anqas ma huwa impossibbli li jseħħ.  Diġà għandna quddiemna l-eżempju mill-iktar feliċi tat-Tuneżija li fl-istess żmien kien inbeda l-proċess tal-bidla lillum qed jagħmel passi kbar ‘il quddiem fid-demokrazija.  Nemmen b’konvinzjoni kbira li dak li ġara hemm jista’ jseħħ anke fil-Libja.

8.      Pajjiżna għandu missjoni akbar hawn.  Għandna dmir li ma noqogħdux lura u nkunu minn ta’ quddiem biex ngħinu fil-bini ta’ soċjetà demokratika, libera u ġusta.  Mhux biss għall-Istat Malti fir-relazzjonijiet diplomatiċi tiegħu, imma wkoll għall-Knisja Kattolika Maltija li, kif rajna fil-passat u preżentement, diversi membri minn ħdanha ntagħżlu.  Il-vuċi tas-sewwa, tkun fejn tkun, tagħmel il-ġid.  Ix-xiehda ta’ Charles de Foucould u uliedu fil-fidi hija f’dan iktar u iktar relevanti.  Stabilità f’dak il-pajjiż hija essenzjali u importanti għalina.  Ċert li għandna l-kapaċità partikolari u speċjali tagħna sabiex inwettqu dan.





No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...