7.7.14

Żbalji demokratiċi u żelqiet politiċi.



1.      Tul din il-ġimgħa, il-ħajja politika ħadet xejriet interessanti għal dawk li għadhom iridu jsegwu l-eventi f’dawn il-gżejjer.  Bdejna t-Tnejn bl-istqarrija parlamentari tal-Prim Ministru wara l-Kunsill tal-ġimgħa ta’ qabel, komplejna bil-mozzjoni tal-Oppożizzjoni dwar l-aġir tal-Ministru tal-Intern fil-konfront tal-Ombudsman u spiċċajna bid-dikjarazzjonijiet tal-kap tal-OLAF.  Ġimgħa fil-politika hija twila verament għax fuq kull punt minn dawn it-tlieta tista’ tikteb u tiddibatti.  Tifhem x’inhuma fihom infushom u wara x’jirriflettu fuq min ikun parti minnhom.

2.      Juru li iktar ma jgħaddu l-ġimgħat, iktar is-sitwazzjoni tidher li qegħda toħroġ barra mill-kontroll tal-Prim Ministru.  Fuq naħa hemm id-diskors li ma jonqosx, la fil-volum u wisq anqas fil-preżentazzjoni, u fuq l-oħra il-fatti.  L-Oppożizzjoni qegħda twettaq dmirha u tipprova bil-mezzi li għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex twassal il-messaġġ li l-affarijiet m’humiex sew.  Sfortunatament, il-Gvern m’huwiex jagħti każ u qiegħed ikompli jagħżel li jibqa’ għaddej minn fuqna.  Jibqa’ jwarrab fil-ġenb dak li qed ngħidu għax f’rasu għandu li l-vuċi tagħna m’hix tasal u għalhekk jista’ jkompli jagħmel li jrid bi ħsara u dannu.

3.      Ma hemmx dubju, għandu din is-saħħa, imma rridu ngħidu li dak li qiegħed jiġri m’huwiex aċċettabbli f’soċjetà moderna, Ewropea u demokratika.  M’huwiex aċċettabbli li l-Gvern jibqa’ jaħrab milli jikkonfronta d-diffikultajiet li l-isfida tal-immigrazzjoni irregolari toffri.  Fil-Parlament, il-Prim Ministru t-Tnejn ġie biex ikompli jżid ma’ dak li diversi kkontestawh fuqu.  Ġie biex jipprova jgħid li qiegħed isir xi avvanz differenti u ġdid f’dan is-settur.  Minflok fuq id-domandi li għamiltlu, flok wieġeb għalihom skartahom kompletament.  Skarta għalhekk sabiex jgħid l-ewwel, x’hemm verament ġdid wara l-laqgħa li kellu; it-tieni, skarta biex jgħid jekk din il-famuża Task Force hijiex suċċess jew falliment; u t-tielet, skarta wkoll x’ser iseħħ jekk il-pajjiż ġirien tagħna l-Italja, li qed tieħu piż qawwi, tnaqqas jew tneħħi l-operazzjoni li għaddejja minnha.

4.      Is-sistema demokratika għandha vantaġġ kbir: dik li ma tħallis lil min qiegħed fil-poter jaħrab jew jaħbi l-verità.  Proprju għalhekk li in segwitu għal dan l-Oppożizzjoni, wara l-ħidma intensiva tagħna tat-Tnejn, daħlet terġa’ l-Erbgħa għad-dibattitu dwar il-kunflitt tal-mistħija li żviluppa bejn il-Ministru tal-Intern u l-Uffiċċju tal-Ombudsman.  Tal-mistħija għax m’għandux ikun li f’soċjetà demokratika bħal tagħna Ministru, bl-intransiġenza tiegħu, jwassal lil istituzzjoni oħra biex ikollha tmur ‘il-Qorti biex tippreżenta protest ġudizzjarju biex forsi dan jibda jagħtiha widen.  Iktar u iktar, għax m’għandux ikun li jkun hemm dawn il-kumplikazzjonijiet f’ħaġa daqshekk ċara.  L-aġir tal-Gvern jibqa’ wieħed li jrid jaħrab mir-realtà u jipprova jgħatti dak li għandu jkun miftuħ u trasparenti.

5.      Il-kwistjoni tal-preżenza tal-kap tal-OLAF f’pajjiżna hija wkoll kumplikazzjoni ulterjuri fit-tessut demokratiku tagħna.  Flok qed noħorġu bħala pajjiż li jirrispetta l-istituzzjonijiet u l-proċess sħiħ parlamentari, qed nidhru li ma nafux kif immexxu.  Dak li qed jingħad m’għandux biss konsum lokali, iżda iktar minn hekk wieħed Ewropew u internazzjonali.  Id-dikjarazzjonijiet varji ħsara lilna qed jagħmlu.  Dannu li ma jgħinx u diffiċli sabiex tkun tista’ tirribattih, proprju għax dak li qed jisimgħu u jaqraw ċittadini Ewropej oħra m’għandekx kontroll fuqu.

6.      Dawn huma kollha żelqiet politiċi u żbalji demokratiċi li l-Gvern daħħal lilu nnifsu għalihom.  Il-kredenzjali tagħna f’dawn l-aħħar jiem ma żdiedux, anzi naqsu sew.  Naqsu sija għal dawk li jridu jaraw u jaqraw f’dan il-gżejjer tagħna, kif ukoll għal dawk li qegħdin barra minn xtutna.  Il-ħsara faċli ssirlek.  L-effetti tagħha diffiċli tifhimhom jew tikkontrollahom.  Anzi, id-dimensjoni sħiħa tagħha tiġi u takkumula ruħha maż-żmien.  Li huwa fiċ-ċert hu li l-Gvern tal-ġurnata, flok qed jifhem u jirrealizza dan kollu qiegħed minflok iwebbes rasu u jkompli fejn m’għandux.  Nittamaw li l-jiem tas-sajf jgħinu sabiex ikun hemm bidla u dak li qed naraw ma jkomplix iseħħ.



No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...