21.7.14

Il-PN jippreżenta mozzjoni biex is-sitwazzjoni fil-Libja tiġi diskussa b'mod urġenti fil-Parlament Malti


Fid-dawl tal-fatt li diversi persuni qegħdin fil-periklu għal ħajja tagħhom fil-Libja u b'mod speċjali, wara rapporti li l-Ambaxxata Maltija mhix qed tagħti l-assistenza li hemm bżonn, dalgħodu, l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin Carmelo Mifsud Bonnici ppreżenta mozzjoni fil-Parlament biex jiġu diskussi u dibattuti r-relazzjonijiet diplomatiċi preżenti fis-sitwazzjoni politika li għaddejja bejn pajjiżna u dak ġirien tagħna l-Libja.

Il-mozzjoni ġiet ippreżentata lill-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia, fil-preżenza tal-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista David Agius. L-Oppożizzjoni Nazzjonalista ressqet din il-mozzjoni għaliex tinsab imħassba dwar il-mod ta’ kif qed tiżviluppa s-sitwazzjoni politika fil-Libja.

Permezz ta’ din il-mozzjoni, l-Oppożizzjoni qed titlob li jkun hemm dibattitu liberu u informattiv dwar dak li huwa għaddej. B’dan il-mod, il-poplu Malti u Għawdxi jkollu aċċess għall-informazzjoni kollha dwar dak li qed jiġri u dettalji dwar il-Maltin li jinsabu fil-Libja. Mifsud Bonnici talab lill-iSpeaker tal-Kamra sabiex din is-sitwazzjoni tiġi liberament dibattuta u li fiha l-Gvern ikun trasparenti u jinforma lill-Kamra x’inhuwa jagħmel u x’qed jiġri fl-investigazzjonijiet li għaddejin. 

Mifsud Bonnici tkellem dwar dak li allegatament żviluppa fil-Konsolat Malti, dwar dak li qed jiġi msejjaħ bħala traffikar illegali u inkontrollat ta’ żejt lejn pajjiżna mill-Libja u dwar il-komplikazzjonijiet marbuta mal-immigrazzjoni irregolari. Fl-isfond ta’ dan kollu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni saħaq dwar l-importanza li l-Gvern Malti jieħu passi għaliex jekk le pajjiżna jkun qed jirriskja li jkollu tnaqqis mir-relazzjonijiet diplomatiċi eċċellenti ta’ pajjiżna mal-ġirien tagħna. Dawn l-osservazzjonijiet jafu jnaqqsu mill-isforzi u r-rapport kummerċjali ta’ diversi negozjanti Maltin u Għawdxin.

Permezz ta’ din il-mozzjoni, il-Partit Nazzjonalista qed jitlob li fil-Parlament il-Gvern jgħid x’passi ttieħdu, waqt li jagħti l-assigurazzjonijiet meħtieġa li r-rapporti diplomatiċi qed jiġu kultivati mill-ġdid. Aktar minn hekk il-Gvern qed jitlob lill-Gvern sabiex jagħti rendikont lill-Parlament dwar x’passi, x’assistenza u nvestiment qed jiġu meħuda mill-Gvern sabiex ir-rapporti kummerċjali mal-Libja jiġu msaħħa u mhux jitpoġġew f’periklu.

L-iSpeaker Anġlu Farrugia qal li s-sedja qed isegwi dak li qed jiġri fil-Libja waqt li esprima t-tħassib tiegħu lejn dak li reġa’ għaddej minnu dan il-pajjiż. In-nuqqas ta’ trankwilita’ fil-Libja għandha twassal sabiex il-Gvern u l-Oppożizzjoni f’Malta iħarsu kif se jtejbu r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi b'mod speċjali għaliex hemm diversi Maltin li qed jaħdmu fil-Libja u/jew jagħmlu l-kummerċ tagħhom ma’ dan il-pajjiż. 
​ 
--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments:

ITTRI MID-DEŻERT

1. Mhux faċli tifhem dejjem l-għażliet ta’ bnedmin oħra. Trid ħafna ħin, speċjalment ma’ dawk li jagħmlu għażliet differenti. Tieqaf t...