21.7.14

Jiem importanti għalina



1.       Fl-istorja twila ta’ dan il-poplu u tar-rabta qawwija tiegħu mar-reliġjon Kattolika, minn ftit żmien 'l hawn infetaħ kapitolu ġdid.  Għax għalkemm ilna nsostnu l-identità tagħna ta’ nsara, qatt ma kellna l-opportunità li naraw Papa jirfes l-art tagħna.  Kien Ġwanni Pawlu II li fetaħ din it-triq b’żewġ żjarat li baqgħu impressi fil-memorji ta’ dawk li rawh.  Rajnieh bniedem b’saħħtu, mimli enerġija u erġajna rajnieh fl-aħħar ta’ żmienu, meta kien sejjer lura ftit ftit.

2.       Għalkemm għandna f’rasna xeni ta’ esperjenzi li diffiċli li jiġu ripetuti, xorta nafu li kellu diffikultajiet fuq spallejh.  Ebda Papa, la f’dawn l-aħħar sekli u anqas qabel ma kien nieqes minnhom.  Il-Knisja Kattolika rat u affrontat diversi sitwazzjonijiet li dehru tant ikkumplikati li ftit setgħu jaħsbu li kienu ser jintrebħu, però l-istorja turi biċ-ċar li hekk ġara.  Baqgħet għaddejja.  Għadha xxandar messaġġ li jagħmel il-ġid u jagħti skop, sens lil ħajjet il-bniedem.

3.       Il-Papa Benedittu XVI m’għandu xejn differenti minn ta’ qablu.  Għandu x’jaffronta u ser jibqagħlu quddiemu, ma hemmx dubju.  Anki jekk l-irwiefen tad-dinja jidhru li qamu kontrih, xorta waħda nafu li qiegħed fuq it-triq it-tajba.  Is-segwaċi ta’ Sidna Ġesù Kristu jafu li jekk huma denji ta’ l-isem “insara” jridu jgħaddu mid-diffikultajiet li għadda minnhom Hu u li qalilna li ser ngħaddu minnhom.  Għalhekk kull Papa jaf li hemm mumenti iebsa għalih, bħal ma Piju XII kellu t-Tieni Gwerra Dinjija, Ġwanni XXIII l-kwistjoni Kubana, Pawlu VI l-martirju ta’ Aldo Moro, Ġwanni Pawlu II li kellu jaffronta l-marda serja tiegħu u dan għandu problemi oħra x’jaffronta.

4.       Aktar ma jidhru kbar l-intoppi, aktar nifhmu l-kobor ta’ min irid jaffrontahom.  L-għażla hemm qegħda – jekk taħrab il-kalċi ta’ l-imrar, inkella tidħol għalih.  Ebda deċiżjoni ma hija faċli, però dan il-Papa qiegħed jaffronta sidru b’kuraġġ u determinazzjoni, mingħajr ma b’xi mod jonqos lill-proxxmu, anki lil dawk li qed jakkużawh bl-iktar mod inġust.  Meta taqra partijiet minn kitbietu tifhem li huwa persuna preparata li jaffronta d-diffikultajiet, anke jekk żgur li fihom ser ibati.

5.       F’dawn il-jiem qrajt il-parti tar-rakkont ta’ Suor Lucia, li kienet waħda  mit-tlett itfal li dehritilhom il-Madonna ġewwa l-villaġġ Portugiż ta’ Fatima, fejn issir referenza għall-Papa.  Fih, iż-żgħira Ġjaċinta ddeskriviet lill-Papa mingħajr anqas kienet tafu, li qiegħed ibati ħafna u hemm diversi nies barra jixħtulu l-ġebel u jgħajruh kemm jifilħu.  Meta tirrifletti fuq dan il-passaġġ, mingħajr ma trid terġa’ tara lil kull Papa jgħaddi minn dan il-martirju ta’ denigrazzjoni.

6.       Il-pajjiż tagħna, kif ta, għandu jkompli jagħti dan is-sostenn qawwi lil din il-vuċi għas-sewwa.  Kliem ta’ fidi huma dawk li jispjegaw, ifehmu, iġibu għal-loġika dak li kollha rridu ngħaddu minnu, anke jekk nippruvaw naħirbuh.  Dan il-Papa huwa bniedem impenjat għal bnedmin oħra.  Ħajtu ddedikaha għall-proxxmu.  Magħna għandu rabtiet kbar ukoll għax kien hu li ddikjara Malti bħalna qaddis.  M’għandix dubju li ħidmietu fil-Vatikan u f’pajjiżna ser jibqgħu mmarkati.  Għaddejjin minn jiem importati.  Nibqgħu ffukati u attenti sabiex ma nintilfux, imma nżommu l-messaġġ ta’ paċi, ġustizza u s-sewwa li jwassal u li għandna l-għażla li nsegwu.


 Dan l-artikolu kien deher fil-harga tal-Mument tat-18 ta April 2010.

No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...