21.7.14

Tfal bi bżonnijiet speċjali għandhom jingħataw appoġġ u aċċess fis-summer schools kollha


Stqarrija maħruġa mill-Kelliem għall-Edukazzjoni Joe Cassar

It-tfal kollha għandhom ikollhom l-istess opportunitajiet u aċċess miftuħ sabiex jieħdu sehem fis-summer schools, speċjalment dawk it-tfal li għandhom ħtiġijiet speċjali u tfal b’diżabilità. Il-Partit Nazzjonalista jinnota li l-familji ta’ tfal b’diżabilità u bi bżonnijiet speċjali qegħdin jiltaqgħu ma’ diffikultajiet biex uliedhom ikunu jistgħu jattendu summer schools tal-għażla tagħhom. 

Dawn it-tfal għandhom jingħataw l-għajnuna u l-appoġġ kollu biex ikunu jistgħu jattendu f’dawn iċ-ċentri mingħajr xkiel. Il-Gvern, permezz ta’ għajnuna finanżjarji jew ta’ riżorsi umani oħra, għandu jgħin lis-summer schools kollha, anke dawk tal-Knisja u tas-settur privat, sabiex tfal bi bżonnijiet speċjali jkunu jistgħu jieħdu sehem bħal tfal oħrajn.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li dan l-impenn għandu jwassal biex it-tfal kollha jingħataw aċċess ugwali mingħajr distinzjoni, u tkun meżż ieħor kif tkompli titjieb l-inklużjoni soċjali minn età żgħira. Din ir-responsabbiltà għandha tkun tal-Gvern, li jipprovdi l-meżżi biex dawn it-tfal jipparteċipaw bis-sħiħ fis-summer schools li huma jixtiequ jattendu mingħajr ma jkun ta’ xkiel għalihom minħabba nuqqas ta’ riżorsi li jagħmel din l-opportunità possibbli.

Kien Gvern Nazzjonalista li estenda l-appoġġ tal-Learning Support Assistants fl-iskejjel ta-Knisja u fl-iskejjel privati għal tfal b’diżabilità u bi bżonnijiet speċjali. Issa wasal iż-żmien li l-Gvern Laburista jkompli fuq dawn il-passi u jestendi dan is-servizz fis-summer schools tal-Knisja u dawk privati, speċjalment għal dawk it-tfal l-iktar fil-bżonn.

Il-Partit Nazzjonalista jixtieq jawgura esperjenza sabiħa u edukattiva lil dawk it-tfal kollha li qed jieħdu sehem f’summer schools, kemm dawk li se jiġu organizzati mill-Gvern, mill-Knisja u mis-settur privat.

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments:

ITTRI MID-DEŻERT

1. Mhux faċli tifhem dejjem l-għażliet ta’ bnedmin oħra. Trid ħafna ħin, speċjalment ma’ dawk li jagħmlu għażliet differenti. Tieqaf t...