3.7.14

L-Oppożizzjoni ssejjaħ għal front komuni dwar l-immigrazzjoni mibni fuq ħames prinċipji


“Wasal iż-żmien li bħala politiċi nittrattaw l-isfida tal-immigrazzjoni rregolari b’mod aktar matur. Għandna nindirizzaw l-isfida tal-immigrazzjoni bi front komuni, u għalhekk illejla qed nipproponi li nneħħu l-materja tal-immigrazzjoni darba għal dejjem mil-lista twila ta’ kwistjonijiet li jqanqlu l-partiġjaniżmu politiku u minflok nibnu front komuni f’dan il-qasam. Dan nistgħu nagħmluh jekk naqblu fuq il-prinċipji li għandhom jiggwidaw id-deċiżjonijiet li nieħdu f’dan il-qasam, u għal dan il-għan l-Oppożizzjoni qiegħda tressaq ħames punti ta’ prinċipju li fuqhom tista’ tiġi msejsa l-politika nazzjonali tagħna dwar l-immigrazzjoni.”

Dan stqarru l-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Simon Busuttil fid-diskors tiegħu b’reazzjoni għall-Istqarrija Ministerjali tal-Prim Ministru dwar il-laqgħa tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tas-26 u s-27 ta’ Ġunju. 

Simon Busuttil stqarr li s-suġġett tal-immigrazzjoni huwa wieħed sensittiv u hu mistenni li l-Prim Ministru jkun serju u trasparenti bil-mod kif jikkomunika l-politika tal-Gvern u tal-Unjoni Ewropea dwar dan is-suġġett. Mhijiex serjetà li l-Prim Ministru jipprova jgħid li pajjiżna kiseb xi ħaġa għax il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jitkellmu dwar “fair sharing of responsibility” meta l-fatti juru li dan sar f’għadd kbir ta’ konklużjonijiet oħra fis-snin li għaddew. 

Il-Partit Laburista dejjem qagħad lura milli jagħti l-appoġġ lill-Gvern f’dan is-settur meta kien il-Partit Nazzjonalista li qed imexxi lil Malta. Iżda l-Partit Nazzjonalista jrid jaħdem b’mod differenti billi flimkien nibnu front komuni f’dan il-qasam li jkun imsejjes fuq ħames prinċipji. Jekk il-Gvern lest jaċċetta dawn il-prinċipji allura jkun jista’ jistrieħ fuq l-appoġġ tal-Oppożizzjoni:

1. Li l-ħajja umana mhix negozjabbli u li l-prijorità dejjem għandha tkun li nsalvaw il-ħajja tan-nies;

2. Li darba nkunu tajna sehemna biex jiġu salvati n-nies, fl-interess nazzjonali għandna nagħmlu li nistgħu biex nikkontrollaw l-influss ta’ immigranti lejn pajjiżna biex dan ma jkunx ta’ piż li aħna ma nifilħux għalih. Dan ifisser li nkomplu nsaħħu s-sorveljanza tal-fruntieri marittimi ta’ pajjiżna, kif ukoll li naħdmu fuq livell Ewropew u internazzjonali biex l-influss jiġi kkontrollat mill-punt tal-pajjiżi tal-oriġini, ta’ transitu u eventwalment ta’ destinazzjoni u sabiex il-piż ma jintrefax biss mill-pajjiżi li bħalna, jinsabu fuq l-għatba tal-Ewropa, iżda jinqasam b’mod ġust bejn kulħadd skont il-prinċipju tas-solidarjetà;

3. Li kulħadd għandu d-dritt li jiġi trattat b’dinjità u li jingħata d-dritt li jitlob il-protezzjoni f’pajjiżna. Għaldaqstant, il-politika tal-pushbacks m’għandhiex tkun aċċettabbli minn Gvern li jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem. Daqstant ieħor, kull min m’għandux dritt għall-protezzjoni m’għandux jintbagħat lura;

4.         Għandha titwarrab il-politika populista dwar l-immigrazzjoni għaliex din ma twassal għall-ebda soluzzjoni ħlief li trewwaħ il-biża’ u l-mibegħda inutilment u twassal għal ksenofobija u razziżmu, u tagħti lok għal partiti politiċi ksenofobiċi kif rajna fl-aħħar elezzjoni tal-Parlament Ewropew; u 

5.         Għandu jkun hemm kooperazzjoni sinċiera bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni, fejn il-Gvern iżomm lill-Oppożizzjoni infurmata kontinwament dwar l-andament tas-sitwazzjoni, b’mod partikolari permezz ta’ laqgħat regolari tal-Kumitat Parlamentari dwar l-Immigrazzjoni, li għandu jitlaqqa’ anke fuq talba tal-Oppożizzjoni. 

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...