21.7.14

Għadu ħaj f’qalbna.



1.         Diġà għaddew ħames snin minn dik il-ġurnata li fiha Ġwanni Pawlu II ġie msejjaħ fid-dar ta’ missierna.  Għalkemm il-jiem skorrew xorta waħda baqa’ ħaj.  Baqa’ strument importanti li jnebbaħ u jgħin lill-bnedmin jibdlu għemilhom.  Isibu l-iskop ta’ ħajjithom u jidħlu fit-triq li jservu lill-oħrajn bl-imħabba f’qalbhom.  M’hemmx dubbju li hija l-imħabba li ċċaqlaqna 'l quddiem, li tmexxina nwettqu dak li fl-aħħar tal-ġurnata nħossu li biha għamilna l-ġid.

2.         Tul il-papat tiegħu, li fortunatament kien twil, ħalla diversi kitbiet li għadna llum nistgħu nerġgħu naqraw.  Jekk qatt bniedem kellu jiddubita mill-eżistenza u l-ħidma ta’ l-id tal-providenza, mill-fatt li hemm sens u skop f’dak kollu li jiġri, li dan ma jseħħx b’kumbinazzjoni jew serje tagħhom, fl-elezzjoni tiegħu hemm il-prova ċara.  Inqabad fl-aħjar tal-età tiegħu, meta kien għadu mimli saħħa u enerġija.  Ma ġiex magħżul fi żmien iktar tard imma fil-mument preċiż.  Daħal u daħħal forza u determinazzjoni li ftit papiet qablu ma kien irnexxilhom iwasslu.  Ġieb kunċett dinamiku ta’ pożizzjoni li kienet qabel aktar “riflettiva”, “distakkata” u ma kenitx daqshekk interattiva.

3.            Qaleb id-dinja ta’ taħt fuq, anke jekk qablu kellu l-ewwel lil Ġwanni XXIII u wara Pawlu VI (li nammetti li għadni nħobb u nammira) li kienu mimlija għerf, intelliġenza, sens komun u aġġornaw il-Knisja għaż-żminijiet.  Ma hemmx dubbju li sab il-pedamenti tal-Knisja l-ġdida diġà f’posthom u seta’ jaħdem mill-ewwel fuqhom.  Kellu f’ħafna sens “daru f’postha” u għalhekk seta’ jindirizza l-enerġija tiegħu fuq dak li kien qiegħed iżomm lill-Knisja milli tkompli tavvanza.  L-isfida prinċipali tiegħu kienet indirizzata lejn il-komuniżmu Sovjetiku.  Daħal għal konfront din id-darba mill-vantaġġ li papat jagħti fix-xenarju mondjali.

4.         Il-papiet ta’ qablu ħadu l-pariri tal-ġenju kattoliku prattikanti Marshall Mc Luhan li kien tal-opinjoni li l-kamera televiżiva hija waħda devastanti għas-sekularizzazjoni totali tas-soċjetà.  Ħaduh għax bdew mill-ewwel jagħmlu użu mill-istrumenti li s-soċjetà mass medjatika għandha.  Biddlu diversi prattiċi minn Piju XI 'l quddiem sabiex il-Papa “jidher” iktar u ma jibqax aktar dak li qiegħed imsakkar fil-Vatikan.  Jidħol huwa wkoll fid-djar tal-poplu.

5.         Ġwanni Pawlu ħa ħsieb li jżid fid-doża, li kliemu jidwi sew mal-irkejjen kollha tad-dinja.  Anzi ħa lil kull min is-soltu kien imdorri jaħdem fis-settur b’sorpriża.  Baqgħu ma jistgħux jirreaġġixxu għalih, għelibhom billi ġabhom miegħu u anzi jagħtuh l-appoġġ fl-ispazju fil-gazzetti.  Il-ġlieda għall-imħuħ tal-bnedmin tas-seklu li għadda u dak li qegħdin fih ma ppruvax jasal għalihom bl-“Osservatore Romano”, il-gazzetta tal-Knisja, imma daħal f’kull waħda, hi liema hi.  Okkupa l-ispazju li s-soltu jittieħed minn dawk li m’humiex proprju segwaċi tal-Knisja.  Fehem li dik hi u tibqa’ l-ġlieda għall-bniedem, u daħal għaliha b’determinazzjoni.

6.         Kien għalhekk jassigura li hemm xi ħaġa ġdida x’tikteb dwarha.  Fatt ġdid x’tirrapporta sabiex il-ġurnalist ikollu biex jinforma lill-qarrejja tiegħu.  Ma kienx jistenna imma żamm il-mazz f’idejh, dejjem erba’ passi ‘l quddiem.  Għalhekk żamm appuntament ta’ importanza bi kważi kull jum.  Vjaġġi mad-dinja, diskorsi mimlija sens, diretti, ċari mingħajr kliem diffiċli.  Biddel l-immaġini tal-Papat u tal-Knisja fi ftit snin u l-verità hija li konna drajnieh hekk.  Kellu f’idejh it-tmexxija ta’ miljuni ta’ kattoliċi li ħassewhom immexxija minn persuna li, għalkemm żgur spiritwali, però kien marbut mal-bżonn li jagħti tweġibiet lin-nies fuq din l-art.

7.         Fetaħ it-triq għal ħidma ġdida li huwa mexxa 'l quddiem.  Anki kitbietu jibqgħu mfakkra mhux biss għax fihom x’taqra imma għax huma ndirizzati sabiex jinqraw minn kemm jista’ jkun persuni.  Kull darba kellu “best sellers”.  Riċentement, fuq dan reġa’ ġie f’idejja t-testment tiegħu.  Miktub b’sempliċità kbira, bl-ewwel sentenza fis-6 ta’ Marzu 1979 u mġedded regolarment ma’ kull irtir li kien jagħmel.  Imħabba lejn il-ħidma tiegħu u abbandun f’idejn Marija Immakulata.  Kull persuna tista’ taqrah u ġġib lilha nfisha tiktbu.  Papa, imma bniedem miftuħ u mogħti għall-oħrajn.

8.         Għaddew is-snin u kif kien qal il-Kardinal Stefan Wyszynski, il-primat tal-Polonja, kellu jkun hu li jdaħħal lill-Knisja f’dan il-millennju.  Ħalla ħafna warajh u hija iebsa għal Benedittu XVI sabiex isegwih bis-sħiħ.  Ħadd ma jista’ jippretendi dan, però nammettu li għadna kkundizzjonati u marbuta ma’ dak li kien hu.  Għalhekk wieħed ma jistax ma jammirax ħidmet Joseph Ratzinger li, minkejja l-età, xorta qiegħed jagħmel ħiltu biex ilaħħaq u jżomm ir-ritmu.  Mhux faċli żgur, u għalhekk napprezzaw aktar u aktar l-viżita tiegħu f’pajjiżna.  Kien Ġwanni Pawlu II li ġab għall-ewwel darba Papa f’pajjiżna, fortunatament din il-linja ser tibqa’ tinżamm.  Il-wirt ta’ Ġwanni Pawlu jibqa’ magħna u għandna dmir li nippriservawh.


 Dan l-artikolu kien deher fil-harga tal-Illum tal-11 ta April 2010.

No comments:

ITTRI MID-DEŻERT

1. Mhux faċli tifhem dejjem l-għażliet ta’ bnedmin oħra. Trid ħafna ħin, speċjalment ma’ dawk li jagħmlu għażliet differenti. Tieqaf t...