7.7.14

Min ifassal il-politika?


1.      Il-politika taf tkun komplikata.  Diversi qed jieħdu toroq li flok iħalluha dak li suppost hi, jittrasformawha f’dak li mhix.  Politika bla forma ta’ ideat jew valuri, waħda li timxi skont il-kurrenti, burdati u reazzjonijiet.  Hemm min qiegħed jidħol fil-linja li jaħtaf dak li qiegħed għaddej, mentri ħaddieħor sar iktar u iktar indifferenti.  Preżentement hawn kriżi ta’ ideat u ta’ viżjoni vera ta’ dak li hemm bżonn li l-ħidma politika tkun qegħda sservi.

2.      Il-politika mhix l-arti ta’ kif togħġob lil dak u lill-ieħor, anqas li tiġġieled ma’ dak u l-ieħor, imma proprju dik li twassal għas-sewwa.  Fis-soċjetà tagħna, bl-isfumaturi kollha tagħha, hemm diversi fil-politika li qed iduru ‘l hemm u ‘l hawn, minn paġna għal paġna, daqqa jgħidu ħaġa u daqqa oħra, mingħajr direzzjoni vera.  Il-politika titlob li tkun għas-servizz ta’ min irid jibdel għas-sewwa soċjetà fid-dimensjonijiet sħaħ tagħha.  Għandha għad-disposizzjoni tagħha l-użu tal-kelma u magħha dik li tikkonvinċi lil ħaddieħor.

3.      F’dan l-istaġun jidher dejjem iktar ċar li l-politika Maltija qegħda f’numru ta’ fażijiet kuntrarji.  L-ewwelnett, hemm l-abdikazzjoni tal-użu tar-raġuni biex iġġib bnedmin ta’ ideat u ħsibijiet differenti miegħek.  Hemm it-triq li għal uħud tidher faċli, li fiha flok jaħdmu biex jibdlu u jipperswadu, qegħdin jippruvaw jingħaqdu ma’ dawk li diġà għandhom idea.  Il-politiku Malti qiegħed fl’hekk imsejħa “fażi moderna” li jitmexxa u mhux imexxi, li jgħid dak li jriduh jgħid u mhux dak li jemmen fih.

4.      It-tieni hemm il-problema iktar qawwija ta’ dawk li jew ma għandhom ebda forma ta’ ħsieb politiku u ta’ dawk li jidentifikaw ruħhom fi proġetti ta’ soċjetajiet li ma jistgħux iseħħu.  Ir-realtà hija li sfortunatament il-kultura politika, it-tagħlim ta’ dak li huwa verament politika fi stat modern u Ewropew ma teżistix f’din is-soċjetà.  Li huwa iktar agħar hu li hemm għaddej taħwid ta’ ideat makkjavelliċi li kull ma jridu jgħidu hu li l-politiku jista’ jingħad li huwa “veru” mhux għax għandu l-abbiltajiet it-tajba, iżda sempliċement għax lest li jagħmel azzjonijiet ħżiena lil terzi.

5.      It-tielet appuntu dan: ma hemmx formazzjoni politika soda u vera.  Diversi, jekk ikun hemm ftit kura u attenzjoni, jindunaw kemm hemm fejn timraħ aktar ‘il quddiem fuq naħa, u fuq l-oħra jindunaw li dak li qed jippropagaw ser iġib il-kontra ta’ dak li attwalment iridu.  Il-politika hija għodda għas-servizz tal-bniedem.  Biss bħalissa titħares bħala l-arti ta’ kif takkwista l-poter u xejn iktar u xejn inqas.  Hemm abbandun tal-vantaġġ li tinfluwenza lejn it-tajjeb, li taħdem billi dak li tkun qiegħed tipproponi jwassal sabiex il-problemi tas-soċjetà jiġu konfrontati u mcekkna jew imneħħija.

6.      Ir-raba’, qed tidħol iktar fil-kumplikazzjonijiet li l-użu tal-immaġini fil-medja jġib mal-ħsieb li l-politika hija azjenda kummerċjali oħra.  Kumpannija li tiddependi biss f’kemm tista’ tbiegħ lilha nnifisha mhux bħala post tal-ħsieb, ideat, iżda sempliċement bħala prodott.  Il-politika li ssir b’dan il-mod jista’ jkollha l-impatti tagħha, però mhix dik li twettaq verament is-sewwa.  Anzi f’ħafna drabi agħar, għax flok qegħda twassal għall-ideat ta’ rispett lejn id-dinjità tal-bniedem, lejn l-ugwaljanza, qegħda tħares lejn li jkollha min jiddomina u jikkontrolla fuq l-ieħor fejn l-interessi tal-flus jirbħu fuq kull kunsiderazzjoni.


7.      Il-politika hija strument kompletament differenti.  Il-lezzjonijiet tal-aħħar elezzjonijiet lill-partit tagħna huma f’din il-linja.  Il-politiċi huma aħna u għalhekk aħna għandna d-dmir u r-responsabbiltà li nagħmlu l-politika.  Aħna mmexxu ‘l quddiem, nieħdu żgur parir imma d-direzzjoni hija tagħna.  Fil-politika qegħdin biex nassiguraw iktar ugwaljanza, iktar ġustizzja soċjali.  M’aħniex strumenti sabiex min għandu jibqa’ jkollu u min m’għandux jibqa’ fejn huwa.  L-isfidi huma kbar, ma hemmx dubju, però f’dan l-eżami nintgħażlu mill-poplu sabiex nuru li mhux biss kapaċi nirbħu elezzjoni, imma kapaċi mmexxu wkoll pajjiż.

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...