8.6.09

WASLULNA DIVERSI MESSAĠĠI

1. L-elezzjoni tas-Sibt li għadda diġà hija parti mill-passat. Il-Partit Nazzjonalista għandu jeżamina sewwa u fid-dettall dak li seħħ u jislet lezzjonijiet u linji gwida għas-snin li ġejjin. Ma hemmx dubju li min qiegħed fil-Gvern għandu dejjem l-iżvantaġġ li jitlef il-voti, daqqa fuq ħaġa u daqqa fuq oħra. Però huwa jrid jassigura li jaħdem kontra dan bi programm ta’ informazzjoni u konvinzjoni. Ma hemmx mod ta’ kif issib ir-raġunijiet kollha għala persuna vvutat u għala oħra le, biss tajjeb li nistabilixxu bi proċess ta’ djalogu r-realtà tal-vot.

2. Xenarju xejn favorevoli nbena kontra tagħna bħala Gvern li ma jagħtix każ tal-problemi tal-ħajja ta’ kuljum. Din l-impressjoni għal kollox żbaljata ngħaqdet mal-ħsieb li aħna ġabra ta’ persuni arroganti li ma tistax titkellem magħhom. Ir-realtà mhix hekk. Nagħtu każ, u sew, tal-intoppi li jara ċ-ċittadin tagħna u aħna m’aħniex persuni arroganti, anzi nagħmlu ħilitna biex b’umiltà naffrontaw ix-xenarju dejjem iktar diffiċli li rajna jiżviluppa fix-xhur li għaddew.

3. Ktibt diġà fuq dan u nemmen ħafna fih. Il-partit irid jerġa’, issa qabel għada, jiftaħ staġun ġdid ta’ djalogu ma’ kemm jista’ jkun nies. Ma għandux jiġi permess li ma mmorrux sabiex nerġgħu nġeddu l-apprezzament tal-polz tal-poplu. Min qiegħed fil-poter jaf li m’huwiex ripożitorju tal-informazzjoni kollha u anqas ma għandu jeskludi ruħu minn suġġerimenti u proposti li jistgħu jitħaddmu. M’huwiex faċli twettaq dan il-programm, m’hemmx dubju, biss irid jibda jsir mingħajr diffikultà jew eżitazzjoni.

4. Il-persuni li għażlu li ma jeżerċitawx il-vot tagħhom għandhom ir-raġunijiet tagħhom – uħud partikolari għalihom, oħrajn marbuta ma’ problemi nazzjonali. Dan hemm bżonn li, fil-limitu ta’ kollox, jiġi għad-dawl tagħna. Dawn għandhom jingħataw attenzjoni mingħajr ma wieħed jitlef mil-linja ġenerali ta’ ħidma. Irridu ngħarfu li għandna nħarsu ‘l quddiem lejn politika li permezz tagħha nfehmu aħjar dak li qed inwettqu u għala qegħdin nagħmlu dan. Jekk għandna setturi li hemm bżonn jiġu regolati ħa jiġu, jekk hemm bżonn li nirriformaw oħra ħa nimxu ‘l quddiem.

5. Dan m’għandux anqas, fuq in-naħa l-oħra li rridu nieħdu kont ta’ l-elettorat li fehem li, minkejja d-diffikultajiet ekonomiċi li kissru pajjiżi oħra u minkejja l-fatt li għadna fl-ewwel sena ta’ ħidma, xorta ħass li nimmeritaw il-vot tiegħu. Dan l-appoġġ għandna wkoll naraw minn fejn ġej u għala. Il-Partit Nazzjonalista f’dawn l-appuntamenti elettorali mexa ‘l quddiem għax kellu programmi tajba, linji ta’ ħidma li taw ir-riżultati u jrid jara li dan ikompli jiġi assigurat. Il-poplu dejjem kellu l-libertà li jivvutalna jew le, u hekk ser jibqa’ jkollu taħt dan il-Gvern, ma hemmx dubju. Għalhekk trid issir evalwazzjoni tal-partijiet kollha tal-elettorat sabiex nagħmlu l-ġid lill-poplu.

6. Illum it-Tnejn, jum ieħor ta’ ħidma għall-Gvern. Għad fadal leġislatura quddiemna u dmiri huwa li nassigura li mmexxi s-settur tal-Ġustizzja u l-Intern. Dan determinat li nkompli nwettqu b’umiltà u bil-ħsieb ċar li qiegħed hawn għax hekk kienet ir-rieda tal-poplu. Aħna qegħdin għas-servizz tal-poplu kollu sija għal dawk li vvutawlna, u anki lil dawk li le, għax hekk biss wieħed jista’ jassigura futur aħjar għall-pajjiż. Il-messaġġi waslu. Ser nagħtu każ tagħhom u nimxu ‘l quddiem fihom.

Dan l-artiklu deher fil-ħarġa speċjali tal-ġurnal Illum fit-8 ta’ Ġunju 2008.

1 comment:

Vincent Gafa' said...

Prosit tal-Blog,ipprezentat tajjeb hafna. Vince Gafa'