25.6.09

Dak Li Messna Għedna

1. Mhux darba jew tnejn issib ruħek f’konversazzjonijiet, f’dibattiti, u wara li jgħaddu jibda għaddej minn ġo rasek dak li messek għedt u ma lissintx. Hemm, meta tibda tħossok fuq sieq waħda, tkun moħħok f’ħaġa oħra u ssibek ħabta u sabta fi ħwejjeġ oħra. Ma tistax tikkontrolla l-ħajja, tista’ biss tirrifletti wara u tgħid: dik stajt nagħmilha u dik messni le. L-importanti li tagħraf fejn ma kontx daqshekk tajjeb u preċiż u timxi ‘l quddiem. Għax irid jingħad ukoll li hemm mumenti meta jew tkun inti stess iebes fuqek innifsek jew issib lil ħaddieħor jikkritikak iktar u dan għax hemm dejjem fin-nofs il-pretensjoni tal-preċiżjoni assoluta.

2. Ma hemmx dubju li, tagħmel x’tagħmel, ser issib min ma jaqbilx miegħek. Għax hemm wisq min huwa ppreparat jitlaq jiġri malajr mingħajr ma jaħseb biżżejjed u jipprova jsiblek difetti żejda. Dik hija r-realtà tal-ħajja u ma tistax tibdilha. Tipprova tistinka u fl-aħħar tal-jum taf li huwa biss int innifsek li trid issib il-paċi. Il-paċi li qed tipprova tagħmel il-ħajja tal-proxxmu aħjar milli hi mit-talenti li ngħatawlek u li tħaddem. F’dan trid tibqa’ tħares lejn l-aspetti pożittivi tal-ħajja, lejn dawk il-bnedmin li japprezzaw u m’humiex tant lesti li jieħdu għalihom imma li janalizzaw u jqisu sewwa.

3. Din l-aħħar elezzjoni Ewro-Parlamentari sabitna fuq naħa naħdmu sabiex nibdlu u, fuq l-oħra, li ser niġu ġġudikati qisna għamilna ħames snin u mhux sena biss fil-Gvern. Naħseb li f’dan messna semmejna numru ta’ punti pożittivi li, sforz il-fatt li konna qed nippreparaw oħrajn ġodda, bqajna ma għedna xejn fuqhom. Qisna ħsibna li kulħadd ser jiftakar fihom għax naħsbu li kull persuna hija ffissata fil-politika. Ir-realtà hija vermanet differenti u forsi stajna semmejna dak li bqajna ħallejna barra u li fil-fatt għamel il-ġid lill-poplu.

4. Ngħid dan għax din il-ġimgħa fhimt li ħallejna barra mid-diskussjoni Ewropa l-vantaġġi tas-sistema Schengen. Minn meta dħalna f’dan il-mekkaniżmu ta’ sigurtà l-Maltin u l-Għawdxin, bħala ċittadini tal-Unjoni Ewropea għandhom il-vantaġġ li jistgħu jsiefru f’diversi pajjiżi tal-Unjoni mingħajr id-diffikultajiet li kellhom qabel. M’għadx hemm il-bżonn li naħlu ħin twil minn ajruplan għall-ieħor biex nuru l-passaport jew li noqogħdu kull darba ngħaddu mill-mekkaniżmi ta’ sigurtà, li kibru tant wara l-11 ta’ Settembru. M’għandix dubju li qattajna ħafna ħin nistennew fuq ix-xwiek bil-biża’ li ser nitilfu ajruplan. Dan illum għaddejnieh. Mhux biss, imma żidna fis-serjetà tagħna għax il-pajjiż ingħaqad ma’ oħrajn f’iktar koperazzjoni.

5. Mhux biss is-Schengen, imma anqas ma tkellimna fuq il-vantaġġi li l-Ewropa ġabitilna fis-settur finanzjarju. Il-pajjiż kellu diġà sistema verament avvanzata u ħadd ma jista’ jneħħi minn dan il-mertu tal-Partit Nazzjonalista, però bid-dħul tagħna fl-Unjoni żidnieh sew. L-investiment finanzjarju hawn kien u għadu għaddej b’ritmu tajjeb. Ovvjament u naturalment, dan ma jseħħx mix-xejn imma frott il-fatt li dan il-pajjiż gawda f’dawn is-snin minn paċi, stabilità u prosperità li qabel ma kellux. Min qiegħed f’dan is-settur jgħidilna kemm dan huwa minnu. Jgħidulek ukoll kemm dan is-settur ħoloq xogħol u kemm irnexxielu jiggarantixxi l-ekonomija tagħna. Dan seħħ mertu ta’ dan il-Gvern, li mhux biss mexxa ‘l quddiem imma ħa ħsieb li jsostni kollox bid-dħul fl-Unjoni.

6. Aktar minn dan, bnejna wkoll b’ħafna passi tajba s-settur marittimu u dak tat-turiżmu. Il-fatt li għandna servizzi verament avvanzati għal dawk il-ħafna li qed ifittxu li jduru l-portijiet tal-Mediterran tul is-sajf bid-dgħajjes lussużi, u l-fatt li komplejna kabbarna l-abbiltajiet tagħna fir-reġistrazzjoni tal-bastimenti huwa żgur mertu ta’ din il-politika li ħaddan il-Partit u li fl-Unjoni Ewropea m’hemmx dubju li ssudat. L-istess is-settur tat-turiżmu, li ħadd ma jista’ jmeri li kien ukoll il-viżjoni fit-tul tiegħu li biddlitu u ttrasformatu fil-potenzjal enormi li għandu fil-preżent. Ħadd ma jista’ jiddubita, l-ewwel, li kull Gvern Nazzjonalista ħadem bis-sħiħ għal dan u, t-tieni, li d-dħul tagħna fiż-żona ewro u fl-Unjoni ġiebuna f’possibiltà li niġbdu aktar turisti lejna milli qatt stajna qabel.

7. Hemm ferm iktar punti li nista’ nagħmel, bħal pereżempju l-biljuni li l-kumpannija Lufthansa Teknik investiet magħna, però dan l-artikolu qasir wisq. Il-punt li hemm bżonn li jsir huwa li rnexxielna nibnu pajjiż ferm iktar sod milli ħaddieħor jipprova jpinġih. Wieħed li qiegħed javvanza sew u qiegħed jagħti frott lil dan il-poplu. Dan kollu nafuh u jmissna nsemmuh u nispjegawh iktar. Il-poplu jitolbu u jifhem kemm xogħol sar u qed ikompli jsir.

Dan l-artiklu kien ippubblikat fil-ġurnal Il-Mument nhar il-Ħadd, 21 ta’ Ġunju 2009

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...