13.1.24

TALLI TALAB ARRESTAWH

1. Nibdew is-sena b’noti varji li jmexxuna f’mumenti lejn ideat differenti, fosthom l-ottimiżmu. Drabi nwettqu dak li ma nkunux irnexxilna f’sena sħiħa. Drabi mixja twila, oħrajn attivitajiet varji li konna ilna nixtiequ. Drabi aktar ix-xewqa ta’ iktar ġabra li tiġi fil-laqgħat mal-ħbieb u l-familja estiża. F’dan forsi nintilfu fid-dinja żgħira tagħna. Dak l-ambjent sħiħ li nduru fih jew naħsbuh li jdur madwarna. Ftit inħarsu ’l bgħid miċ-ċint tal-moħħ tagħna. Ftit inħarsu biex nifhmu dak li d-dinja għaddejja tagħti. Fuq naħa trid tiddikjara ruħha progressiva, miexja ’l quddiem u fuq l-oħra tibqa’ twettaq dak li ilha sekli ċċappas idha bihom. L-istess żbalji, l-istess dnubiet.

Miftuħa iktar

2. F’dan għandna d-dmir li nkunu iktar miftuħa għal ideat u informazzjoni li ħafna drabi ningħalqu għalihom. Infittxu aktar ’il bgħid minn dak li oħrajn jisquna. Dak li mezzi tal-aħbarijiet ixandru huma minnhom infushom limitati. Min jiddependi biss minn uħud, terġa’, ikun qiegħed huwa stess ikompli jassigura li qiegħed jillimita lilu nnifsu. Proprju f’dan, jekk wieħed irid ikun ta’ servizz għal min isegwih, irid ifittex iktar informazzjoni. Ifittex li jiftaħ il-bibien tiegħu għal iktar ċentri ta’ ideat u ġbir, analiżi ta’ fatti. Wieħed f’dan ċertament jieħu pjaċir jara avvanzi fi ħdan il-mezzi tal-partit. Imma wkoll wieħed irid ikompli jirrifletti jekk konniex qed nagħtu dak li oħrajn, f’mument jew ieħor jagħtu, jew dan sarx għax kien hemm iktar dettalji minn oħrajn. F’dan għalhekk iqum il-punt li jista’ jkun hemm iktar aħbarijiet li ħadd ma jirrapporta li hemm għatx klubi għalihom.

Id-dinja magħluqa

3. F’dan wieħed irid jifhem li fid-dinja “miftuħa” hemm ħafna kapitoli magħluqa. Ngħid dan għax il-mezzi lajċi mhux kommessi f’fidi u li anzi determinati li jridu jħarsu li jikkultivaw bħala valur għalihom proprju li jkunu anti-Kristjani. Dan billi jew ma jxandrux aħbarijiet marbuta mad-dinja Kattolika u Kristjana, inkella billi jġibu biss dak li jkerraħha jew jiddenigraha. Qisu biex tiddikjara l-“indipendenza” fl-aħbar trid taqbad dawn il-linji strateġiċi biex turi kif timxi d-dinja materjalista. Jew għax b’daqshekk inkella ser iġġib xi forma ta’ rispett minn dawk li huma l-kontra. Fir-realtà tkun qiegħed teskludi lil min jaqrak u jsegwik minn parti importanti ta’ dak li qiegħed iseħħ fi ħdan l-umanità kollha. Prattika u realtà li ilna mmissu magħha għal dawn is-snin.

Solidarjetà

4. F’dan wieħed jifhem il-mudell li qiegħed jiġi segwit b’persistenza fuq naħa, u fuq l-oħra fil-kuntest ta’nuqqas ta’ riflessjoni jew diskussjoni. Wieħed jifhem mingħajr ma janalizza fil-fond għala, minkejja kull sforz, ġejna f’pożizzjoni fejn il-gazzetti qed ibatu biex jinxtraw. Mhux biss, imma f’kif fuq il-mezzi teknoloġiċi hija l-ewwel sentenza li tgħodd. Fil-ftit sekondi ta’ deċiżjoni tiftaħx, tarax jew taqrax hemm pożizzjoni evidenti: dik li toħroġ mill-fatt li min qiegħed jara mhuwiex ċert li fl-aħħar ser ikollu lura l-esperjenza ta’ informazzjoni vera. Biss dan huwa diskors li jrid isir fi sfond iktar wiesgħa. Nagħmlu in parti hawn għax xtaqt inġib għall-attenzjoni tagħkom dak li bnedmin bħalna qed ibatu għall-ideat tagħhom fin-Nikaragwa.

Isqfijiet

5. F’dan wieħed irid iġib lura quddiemna dak li d-dittatorjat ta’ Daniel Ortega u martu, flimkien mal-Viċi President Rosario Murillo għaddejjin bih f’dak il-pajjiż. Il-livell ta’ ripressjoni huwa għoli ħafna u kull min għandu għal qalbu d-demokrazija u l-valuri li bnewha għandhom iħossuhom urtati. The Economist tal-aħħar tas-sena, fl-editorjal bit-titlu ‘The Centre can hold' jgħid hekk: “Historians will not look back on 2023 as a happy year for humanity. Wars blazed, autocratic regimes swaggered and in many countries strong men flouted laws and curbed liberty.” (L-istoriċi mhux ser iħarsu lura lejn l-2023 u jaraw fiha sena ta’ ferħ għall-umanità. Gwerer komplew għaddejjin, reġimi awtoritarji kattru fil-kunfidenza u f’diversi stati bnedmin b’saħħithom kisru u njoraw il-liġi u neħħew il-libertà.) Dan huwa ċertament minnu, aktar u aktar f’dan il-pajjiż fejn il-Knisja Kattolika qegħda tiġi kontinwament ippersegwitata.

It-tieni wieħed

6. Kont diġà ktibt f’din il-gazzetta dwar l-Isqof Rolando Alvarez, li kien ġie arrestat inġustament u llum ikkundannat mingħajr proċess legali veru għal piena ta’ sitta u għoxrin sena ħabs, fejn għadu jinsab. Għaddew diġà tmintax-il xahar, u flok infetħu l-bibien ta’ djalogu, ir-reġim issa għadda minflok sabiex jarresta isqof ieħor, Isodoro del Carmen Mora Ortega. Miegħu hemm ukoll ħmistax-il saċerdot u żewġ seminaristi. Arrestati għal ilkoll esprimew fil-miftuħ l-ideat tagħhom, fosthom dawk li ma jaqblux ma’ dak kollu li qiegħed iseħħ fil-pajjiż. Ir-ripressjoni anti-demokratika li għaddejja fil-konfront ta’ diversi persuni hija l-Knisja li qed titkellem dwaru. Aġir varju li huwa mill-iktar kundannabbli u li jseħħ f’kull stat dittatorjali, ikunx tax-xellug jew ikunx tal-lemin. F’dan kollu hija l-Knisja Kattolika li hija fuq quddiem biex taqbeż għall-poplu. Hija hi li qed tkun vuċi ta’ nuqqas ta’ qbil ma’ dak kollu li qiegħed isir.

Proprju għalhekk

7. F’dan proprju għalhekk li l-libertà reliġjuża qegħda tiġi ikkontrollata. Il-Knisja Kattolika hemm min, għar-raġunijiet tiegħu, irid joħnoqha. Iridha ma tgħid xejn, kif jagħmlu diversi dittaturi. Tiskanta, ċertament f’dan, kemm il-persekuzzjoni Nisranija għadha ħajja u attiva. Tista’ taħseb li hija memorja tal-passat, tal-Imperu Ruman, imma fil-verità llum għadha magħna. F’diversi pajjiżi, tagħna inkluż, hemm forom varji ta’ aġir kontra dawk li huma Nsara. Uħud jiġu arrestati, oħrajn imsawta, oħrajn imwarrba, u diversi maqtula. Kuljum, fid-dinja tallum, din il-prattika għadha ħajja u għaddejja. Tiskanta kif fil-progress u fl-avvanz sħiħ tagħna għad għandna bnedmin li jaġixxu b’dawn il-metodi intolleranti u ripressivi. Aġir li jistħoqq kundanna universali.

Gustavo Sandino

8. F’dan kien iktar evidenti dak li għaddej imma li issa kabbar il-livell ta’ disperazzjoni da parti tar-reġim. Kiber f’termini akbar għax issa, kull min b’xi mod jitniffes, jiġi arrestat. Hekk ġara lil dan is-saċerdot twajjeb fil-Knisja iddedikata lid-Duluri f’Santa Maria Pastasma fl-aħħar tas-sena. Dan għax waqt il-quddies tal-31 ta’ Diċembru talab għal-liberazzjoni tal-Isqof Rolando Alvarez. Jidher li ġie irrappurtat mill-ewwel għax filgħaxija stess inġabar. Anqas wieħed jemmen li f’din l-età, il-bniedem jitneħħulu l-libertajiet l-iktar fundamentali tiegħu għal tali raġuni. Iżda iktar li lanqas wieħed jemmen li salv il-medja Kattolika, ebda oħra fid-dinja li tiddikjara ruħha libera ma tat informazzjoni dwar dak li seħħ. Qisu l-fatt li l-Kattoliċi jiġu ippersegwitati mhuwiex aġir gravi u skandaluż minnu nnfisu u li għandu jiġi ikkundannat bil-qawwa. F’din l-assurdità qisu huwa aċċettabbli għall-oħrajn li, għax bniedem talab, jiġi arrestat.

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...