16.1.24

LEJN FEJN SEJJER PAJJIŻNA?

1. F’din is-sena, forsi ftit aktar minn ta’ qabel, wieħed għandu jistaqsi. Jipprova jifhem fejn aħna u fejn għandna nimmiraw li mmorru biex nimxu f’dak li naraw li huwa ’l quddiem. Fil-forza interna li għandna diġà, jew li hemm bżonn li nibnu, irridu nibnu l-qafas ta’ proġetti ġodda. Nibnu linja programmatika, u din ibbażata fuq viżjoni ċara u kemm jista’ jkun marbuta ma’ kunsens u parteċipazzjoni popolari aqwa. Mument aktar importanti llum waqt li sejrin għall-elezzjonijiet Ewropej. Jekk l-Ewropa u pajjiżna f’dan iridu jżidu u jsaħħu l-fiduċja tal-poplu jridu jgħaddu minn din il-prospettiva lejn il-futur. Mhux biss, imma miegħu, kif l-istrutturi u l-istituzzjonijiet ħadmu, qed jaħdu u mistennija li jaħdmu biex inwieġbu għal din ir-realtà politika. Iktar u iktar jekk jonqsu dawk li jivvutaw. Għax hemm, tul dawn l-aħħar ħames snin, inkunu fallejna biex inrendu l-Unjoni aktar viċin il-poplu.

Jean Monnet (1888-1979)

2. Monnet. Dan il-bniedem tant influwenti fix-xenarju politiku Franċiż u Ewropew kien qal: “Niente è possibile senza gli uomini ma niente è durevole senza le istituzioni. (Xejn m’huwa possibbli mingħajr il-bnedmin imma xejn ma jdum fit-tul mingħajr l-istituzzjonijiet.) Proprju f’dan il-mument, u iktar wara l-bidliet li rajna, għandna nistaqsu jekk dak li għandna huwiex iwieġeb għar-realtà. Dan wara li nżommu quddiemna t-tibdiliet li rajna fl-Ewropa tul dawn l-aħħar mitt sena. Ibda mill-proċess ta’ dekolonizzazzjoni u kompli f’dak li l-gwerra bierda ġiebet magħha. Fejn għandna ċertament inħarsu lejn dak li ġieb miegħu t-tmiem tal-Patt ta’ Varsavja u l-Unjoni Sovjetika, u fuq in-naħa l-oħra r-riunifikazzjoni tal-Ġermanja u t-tisħiħ tal-Unjoni Ewropea. Theddid passat li għadda iżda li issa ġew theddidiet oħrajn. Kemm l-elettorat Ewropew huwa mgħarraf u jara l-istituzzjonijiet demokratiċi Ewropej bħala prijorità għalih?

Ilħaqna kollox

3. Huwa f’dan li nistgħu nargumentaw li llum huwa mument ta’ sfida ferm ikbar minn qabel. B’dak li għaddej fl-Ukrajna bil-kumplikazzjonijiet li qed naraw. Dak li żviluppa f’Gaża, b’iktar sfidi li ma jridux jieqfu. B’dak li qomna nifhmu f’dak li għaddej fil-Jemen. B’dak li jista’ jiżviluppa f’postijiet oħra bl-elezzjonijiet li għaddejjin u li ġejjin. Xenarji li huma mimlija għoqiedi. Iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li f’ħafna, l-aġenda ekonomika Ewropea waslet fl-ogħla pożizzjoni tagħha. Filwaqt li ċertament is-suq Ewropew huwa realtà, fuq l-oħra wieħed jistaqsi jekk f’dan ġietx eżawrita. Filwaqt li l-libertà interna fil-muviment ta’ merkanzija u bnedmin, faċilitata iktar bl-użu tal-munita Ewro li kompliet tespandi u tikber fl-esperjenza.

Fejn iktar

4. F’dan għalhekk, l-Ewropa tallum, bl-unità tagħha grazzi għall-fatturi varji li żviluppaw, ibda minn dik ekonomika li tidher kontinwament bħala soluzzjoni ta’ paċi bejn il-pajjiżi membri u prosperità reċiproka. Kompli wkoll bil-fatt li minkejja l-isfidi li l-ħruġ tar-Renju Unit ġieb miegħu, xorta flok iddiżintegrat issudat ruħha. Anzi, hemm issa ġejja biċċa biċċa lura d-diskussjoni f’dak il-pajjiż ta’ jekk dak li sar kienx parti minn proċess ta’ żvilupp jew le. Minkejja dan irridu naċċettaw li għadha soda f’dak li l-fundaturi tagħha ħarsu li xtaqu jibnu fiha. Għadha tiġbed attenzjoni u tispira. Biss, f’dan kollu għandna nħarsu biex nifhmu jekk l-Unjoni Ewropea hijiex biss għaqda ekonomika jew hijiex aktar. F’ħafna, jekk għadhiex mimlija bil-valuri li sawwruha.

Fejn sejrin?

5. F’dan il-prospett wieħed irid jistaqsi x’inhuma l-Ewropa u l-Unjoni Ewropea f’dan il-mument. Għadha dak li qalu dwarha Mikhail Gorbachev (1931-2022) li hija “Casa comune” (Dar komuni), jew dak li Jacques Delors (1925-2023) “Villaggio europeo” (Villaġġ Ewropew), jew hija kompletament differenti? F’dan aktar, x’injija l-pożizzjoni politika tagħna? Bħala pajjiż, x’irridu u x’nippretendu li l-Ewropa għandha tirrappreżenta u tmexxina ’l quddiem? Iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li, għal diversi, l-affluwenza ekonomika hija l-prijorità kważi assoluta, u fuq in-naħa l-oħra jaraw magħha d-diżintegrazzjoni ta’ dak kollu li jista’ jġib lura sens u ordni morali. Dak li m’aħniex forsi ninsistu fuqu huwa proprju li s-suċċess ekonomiku ġie minħabba l-valuri Ewropej; u t-tieni, fl-għarfien li joħroġ mid-domanda ta’ kemm, fid-dawl ta’ dak li qiegħed iseħħ, dan ser jibqa’.

Dibattitu

6. F’dan, iktar u iktar ngħid li bħala partit li ġieb il-pass politiku li bih sirna Stat Membru tal-Unjoni Ewropea għandna nistaqsu f’kemm qegħdin inġorru din ir-responsabbiltà. F’kemm aħna qegħdin inkunu katalisti sabiex ikompli l-proċess ta’ bidla fl-Unjoni Ewropea sabiex nimxu iktar ’il quddiem. Mhux biss, imma wkoll biex nassiguraw li r-raġunijiet li dħalna parti minnha ma jiġux abbandunati. Ma nintelqux fil-ħsieb li jiffurmana bħala Ewropa iffurmata fil-kunċetti etiċi Nsara. Dawk li ispiraw u ssudaw id-demokrazija u d-difiża tad-dinjità tal-bniedem fid-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tiegħu. Kif ma nibqgħux iktar il-melħ tal-art u d-dawl tad-dinja fl-ideat tagħna nkunu qed inċekknu lilna nfusna u lill-istess Unjoni Ewropea.

Bidliet

7. Dak li sa issa għadu mhuwiex isir hemm bżonn li jsir. Il-Partit Nazzjonalista għandu d-dmir li jimbarka sabiex l-aġena Ewropa ssir aktar tiegħu. Jekk bdejna fix-xenarju politiku Malta bħala dawk identifikati ma’ din il-linja ta’ ħsieb, illum irridu nagħrfu li dan naqsilna. Il-kunċett sħiħ tagħna fil-linja u l-viżjoni li nħaddnu mhumiex joħorġu. F’dan irridu programm tal-partit li mhux biss jillimita f’ċertu sens ruħu mal-elezzjonijiet Ewro-parlamentari li ġejjin, imma iktar f’dak li ser inwettqu nazzjonalment. F’dan, ċertament għandu jkollna prijorità li niddiskutu internament u nazzjonalment ferm iktar dak li għaddej fl-Unjoni Ewropea. L-iktar fl-għarfien tar-rilevanza attwali u kostanti tal-linja ta’ ħidma hemm. Fl-għarfien li ħafna mill-aġenda nazzjonali tista’ sseħħ mertu ta’ dik Ewropea. Għandna għalhekk, ċertament dmir li nibqgħu nistaqsu: fejn, f’dan kollu, sejjer pajjiżna biex iseħħu l-bidliet li ħaqqu?

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...