23.1.24

L-IBEN DENJU, PATRI EWSEBIO

1. Ftit jiem ilu ġiet nieqsa persuna speċjali. Bniedem li nista’ ngħid li akkumpanjani tul parti kbira minn ħajti. Persuna li messejt miegħu minn meta kont tifel u baqa’ miegħi. Mhux il-ħin kollu. Wisq inqas b’insistenza; anzi, bi prudenza. Imma fl-appuntamenti li l-ħajja tagħti lil kull wieħed u waħda minna. Niftakar sew lil Patri Ewsebio (1936-2023), kif kien magħruf ma’ kulħadd fit-tfulija, kif ukoll aktar ’il quddiem f’ħajti. Ta’ tifel fil-primarja, kont immur għall-quddiesa tas-7:30 ta’ filgħodu u nservi ta’ abbati fil-Knisja ta’ Santa Tereża, Bormla. Niftakar bdejt ma’ Patri Elija u wara ftit sibt ruħi ma’ żewġ persuni friski friski ġejjin minn barra. Ġejjin mill-istudji tagħhom, mimlija intelliġenza u ħeġġa sabiex jibdlu u jiġbdu. Kien minnu nnifsu żmien ta’ bidla u huwa wieġbu għas-sejħa.

Kienu f’daqqa

2. Kienu differenti mill-patrijiet l-oħra li konna drajna. Ta’ qabel kienu iktar riservati u kien hemm linja li ma tistax tinqabeż. Riservati u dedikati għall-ordni fl-ispirtu pre-Vatikan it-Tieni. Iktar lejn il-Latin, iktar lejn sistema li kienet sawwret u nbniet fil-Knisja Kattolika f’sekli twal qabel. Però kien hemm kuntrasti kbar f’dan. Niftakar proprju lil Patri Redent u lilu flimkien f’dak l-ispirtu tal-Knisja jiġbru kwantità ta’ tfal tampari fil-ftuħ u r-riħ frisk li kien ġej. Għal kull raġuni. Daqqa għall-kor u daqqa għal-logħob tal-ballun. Imma fuq kollox riedu jinfluwenzaw għat-tajjeb. Il-kunvent kien, f’daqqa waħda, ċentru ta’ attività ikbar. Nies deħlin u ħerġin, illkoll b’missjoni partikolari li huma kienu jagħtu. Kienu aktar żewġ ulied inseparabbli. It-tnejn bil-karattri partikolari u distinti tagħhom. It-tnejn, però, mimlija determinazzjoni sabiex jevanġelizzaw. Hemm għamlu miegħi u ma’ diversi oħrajn bħali.

Flimkien

3. Redent tas-Salib u Ewsebio ta’ San Mikiel kellhom karattru kompletament differenti, imma kienu jaħdmu flimkien b’sintonija perfetta. Għexu flimkien f’diversi sitwazzjonijiet. Niftakarhom f’Bormla u f’Tas-Silġ. Fit-tieni sirt iktar viċin tagħhom it-tnejn. Kont nifhem kif qasmu d-dmirijiet u r-responsabbiltajiet li dak il-post sabiħ tal-irtiri kien jitlob. Wieħed kellu żgur il-kmand fil-kċina u l-ieħor iktar fit-tiżjin tal-knisja. Niftakar fil-jiem li kont ninġabar magħhom, l-iktar fi żmien il-Ġimgħa l-Kbira. Nidħol f’Jum id-Duluri u nibqa’ magħhom sat-Tlieta. Meta kienu jkunu barra t-tnejn iqaddsu, speċjalment fid-Duluri stess, mad-diversi postijiet li kienu jmorru fihom kienu dejjem milqugħa. Meta kienu jiġu lura, kienu jkunu t-tnejn imkissrin u għajjenin bil-ħidma li kienu jidħlu għaliha, fejn il-kunvent kien jaqa’ f’silenzju kważi assolut salv għat-tvenvin tar-riħ. Kienu, f’dan, jafdawni hemm ġew. Jippreparawli l-ikel bl-abbundanza li l-karattru ġeneruż tagħhom kien jesiġi u jippretendu li nieklu.

Diskorsi

4. F’dan kien ikun sabiħ l-għada s-Sibt, meta Patri Redent kien jinsisti li f’nofsinhar ninġabru isfel għall-ikel. U hemm kien il-ħin li Patri Ewsebio kien jiġi ħdejja sabiex nieqaf mill-ewwel minn dak li nkun qiegħed mitluf naqra u ningħaqad magħhom. Tul dawk il-mumenti kont nifhem aktar is-sabiħ tal-Ordni. Kont nifhem il-ferħ kbir li kellhom f’qalbhom it-tnejn li huma. Rakkonti ta’ dak li kienu t-tnejn jaqraw f’kotba reliġjużi ma kienux jonqsu. Rakkonti oħra ma kienux jonqsu lanqas, marbuta ma’ kemm persuni b’esperjenzi varji kienu ħabbtu wiċċhom magħhom. Bħal ta’ dak il-bniedem li kien qajjem lil Ewsebio proprju meta kienet għadha kif marret għajnejh bih wara ġurnata iebsa sew, jitlob li jiskorri. Flok bagħtu, qam u niżel biex jisimgħu. Niftakru jirrakkonta kemm kien grat ta’ din l-esperjenza. Għax dak li kien qallu li kien ilu snin ma jqerr, imma għax ħabib tilef ħajtu ried jitqarben fil-funeral tiegħu. Ftit jiem wara ġie msejjaħ lura lejn il-Ħallieq huwa wkoll.

Ħadd il-Palm

5. F’dan kollu kien ikun hemm il-preparazzjoni għal Ħadd il-Palm. Kappella mżejna, kull sena trid tissupera lil ta’ qabilha. Imexxi kien ikun Ewsebio. Nibdew bil-purċissjoni u l-weraq taż-żebbuġ u l-priedka tiegħu kienet tkun mimlija b’għerf u informazzjoni. Hemm ukoll kien ikun hemm baħar ta’ nies, l-iktar Xlukkajri, li kienu jieħdu sehem f’kollox u jekk ma taħsibx qabel ma kontx issib post sew fejn toqgħod. L-għada filgħodu bil-quddies fil-ħamsa u fis-sitta kien jerġa’ jkun hemm. Biss, fl-ikla tal-Ħadd f’nofsinhar kien ikollu ħin ikellimni. Rakkonti varji ġejjin fuq dak kollu li rnexxa f’kunvent li ġie trasformat. Niftakru jgħidli li kellu persuni varji jgħinu, benefatturi speċjalment minn barra minn pajjiżna. Dettalji varji kif post li kien ġie abbandunat wara li l-missjoni Taljana li kienet qed tiegħu ħsieb l-iskavi telqet. Niftakru jurini r-ritratti li kien ħa ta’ kif kienu sabu l-post u kif, bis-saħħa u bl-enerġija tagħhom, bidluh. Biss kont nibqa’ impressjonat bl-umiltà u bl-imħabba li kellu lejn l-oħrajn. Aktar minn hekk, l-innoċenza tant fonda u pura li skoprejt.

Tas-Silġ

6. Niftakru f’dan li baqa’ jhewden dwar fejn ittieħdu l-kaxxi varji ta’ oġġetti li l-iskavi irrendew. Jekk kienux kurati, inkella le. Kien inkwetat sew dwar dan u kellu skruplu li naqas b’xi mod għax il-prijorità tiegħu kienet li l-kunvent jiġi lura għall-ħidma reliġjuża u mhux fejn kienu ser jittieħdu dawn. Kont indagajt u sibt li kollox kien f’postu. Miżmuma u ikkurati, jistennew li jirċievu attenzjoni aqwa. Kont għidtlu, imma ħassejt li ried prova ikbar. Għalhekk, xi ġimgħat wara t-tnejn li aħna, flimkien mal-uffiċjali tad-Dipartiment, morna narawhom. Waqt li kien qiegħed jimxi fil-kuriduri reġa’ għaraf diversi u hemm wiċċu nbidel. Straħ fit-tjubija kbira tiegħu li ma kienx naqas lil pajjiżu. Niftakru aktar f’dan kollu meta fiċ-ċelebrazzjoni tas-saċerdozju tiegħu ġabar il-ħbieb u lill-familja biex niċċelebraw flimkien. Festa fl-umiltà u fl-isbuħija. Jifraħ b’kulħadd u jisma’.

Vokazzjonijiet

7. Kien, f’dan, mimli attenzjoni u mħabba lejn il-proxxmu. Ebda preferenza, kull persuna ndaqs. Ftit mid-doża li oħrajn ikollhom ta’ simpatija u antipatija. Kien jagħti pariri siewja u direzzjoni lil kull min ried jisma’. Kapaċi jibdel dak li qiegħed tara biex jikkonvinċik. Niftakru fis-sagristija żgħira li hemm mal-kappella sabiħa ta’ Tas-Silġ iqarar lil diversi li kienu jistennewh, speċjalment għall-quddiesa tas-sitta ta’ filgħaxija. Dik li kienet tispiċċa b’talba għall-vokazzjonijiet u li kienet tispirak. Kien jemmen li jekk il-Knisja ma titlobx b’insistenza għal sejħiet ġodda tkun qed tmur lura mill-missjoni tagħha. F’dan, aktar u aktar iż-żmien meta l-medja qed tiddomina b’dak li m’għandhiex. Fejn il-messaġġ huwa kontra s-sejħa reliġjuża. Imma huwa baqa’ sal-aħħar fidil lejn din is-sejħa.

Imħabba lejn il-proxxmu

8. F’ħafna, kien riservat. Imma din id-doża żdiedet, l-ewwel meta Patri Redent ġie assenjat Ta’ Xbiex u wara meta ġie msejjaħ għal għand il-Missier. Kellu miegħu jakkumpanjawh l-aħwa Debono, li kien iqishom bħala wliedu. Mat-tnejn, kif f’jum il-funeral urew, bena rapport fi ħdan l-Ordni. Ħadu ħsiebu sew, iktar u iktar fl-aħħar snin, meta saħħtu marret kompletament lura. Illum ninsab konvint li qiegħed flimkien ma’ Santa Tereża u San Ġwann tas-Salib, jifhem u japprezza ferm aktar dak li pprattika, studja u qara f’kitbiethom. Speċjalment fil-Kastell Interjuri, f’dik il-parti fejn tgħid: “Questi infatti si rallegrerà e si ecciterà ad amare sempre più Colui che, nella sua infinita potenza e maestà, gli usa tanta misericordia.” Ċert li jinsab fl-aħħar tal-Mansjonijiet, igawdi fil-ferħ id-Dawl ta’ Dejjem.

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...