9.11.23

POVRU KARL MARX

1. Mingħajr ħadd ma jieħu ħafna għalih, id-diskors tal-Budget kien konferma: l-ewwel, li l-pajjiż jinsab imdaħħal fi sqaq; u t-tieni, li hemm bżonn min jibda joħorġu minnu. Dan kien iktar evidenti fil-fatt ċar li f’ħafna kien ripetizzjoni tad-diskorsi tal-Budget li saru qabel. Żieda fil-kumpens tal-għoli tal-ħajja li jinxtered f’kemm kantunieri u pożizzjonijiet possibbli. Dan wieħed jifhmu aktar proprju għax hemm: l-ewwel, ir-realtà li r-rata tal-inflazzjoni għadha qawwija, iddikjarata li ser iddur mal-5.7%; u t-tieni, li ma kien hemm l-ebda miżura sabiex din tiġi kkontrollata b’mod effettiv u b’intelliġenza. Forsi fuq dan, xi manwal tal-kitbiet ta’ Karl Marx (1818-1883) u ta’ Friedrich Engels (1820-1895) setgħu taw parir tajjeb.

Kuntrasti

2. Kien iktar ċar li ninsabu f’dan l-isqaq mentali proprju għax id-diskors telaq mill-bżonn ta’ kuntrast, ovvjament mhux oġġettiv, fil-ġudizzju ta’ dak li sar taħt Gvern Nazzjonalista. Smajna mill-ġdid kemm kollox kien ħażin qabel u kemm issa kollox sejjer fl-eċċellenza assoluta. Illum, wara għaxar snin skorruti, tibda tifhem għala m’aħniex naraw l-avvanzi li qed nippretendu, speċjalment fl-isfidi veri li għandu l-poplu quddiemu. Għax jekk dan il-Gvern irid ikun verament differenti, dan jista’ jwettqu proprju fid-dawl tal-esperjenzi politiċi ta’ oħrajn. F’dan iktar, il-Gvern li serva bejn l-2008 u l-2013 jibqa’ wieħed ta’ referenza. Punt li tħares lejh għal direzzjoni. Dan fit-tajjeb u fl-inqas tiegħu. Ċertament dan aktar għax, l-ewwel, illum m’għadux iktar rilevanti politikament f’widnejn il-poplu; u t-tieni, li ma kienx daqstant tajjeb li titlaq billi tiddikjara li kollox kien ħażin, għax fil-fatt, ma kienx hekk.

Diska Nazzjonali

3. Fir-realtà, meta tqis esternament minn kollox tifhem li l-ġebla tax-xewka tiegħu tibqa’ torbot mas-sussidju fuq il-kontijiet tal-enerġija. Flok saru miżuri lokali sabiex innaqqsu l-prezz effettiv tiegħu, qed niddikjaraw li ser nibqgħu mwaħħla ma’ dak li sar fl-2013 mill-ewwel Gvern Laburista. Flok nirrazzjonalizzaw il-konsum qed inħallu kollox għaddej iktar minn qabel. Fejn hemm punti ta’ nuqqas ta’ loġika ekonomika. Bħal dik li tirrikonoxxi li d-domanda domestika ser tibqa’ fl-istess livelli ta’ tkabbir, anki jekk għandek ferm iktar bnedmin jgħixu fuq dawn il-gżejjer, sija dawk permanenti u dawk li jiġu mit-toroq varji fit-turiżmu. Jidher għalhekk aktar ċar li punti soċjali u ekonomiċi li jindikaw il-prijoritajiet tagħna f’kull settur ma ġewx identifikati verament u lanqas dak li għandu jsir. Jidher li l-inizjattiva hija biex kollox jibqa’ għaddej bħas-snin ta’ qabel, mingħajr eżami veru ta’ dak li jagħmel sens u ġid lil pajjiżna. Fejn nibqgħu nisimgħu li hemm bżonn ta’ “energy mix diversifikata” mingħajr proposti ġodda, salv dawk li saru mill-Gvernijiet Nazzjonalisti ta’ qabel. Jew li injoraw ir-realtà ta’ 3,500 żagħżugħ u żagħżugħa li ma jaħdmux, ma jistudjawx u anqas qed jirċievu xi taħriġ.

Kemm aħna b’saħħitna

4. F’dan, fid-diskors smajna l-kliem ta’ kemm aħna b’saħħitna iktar minn qatt qabel, imma fir-realtà nafu li l-fraġilità tagħna żdiedet u mhux naqset. F’dak kollu li għaddej, kull poplu jaf li quddiem il-gwerra li ma tridx tieqaf fl-Ukrajna u issa b’dik li bdiet f’Gaża, il-varjabilità negattivi żdiedu. F’dan, ċertament, l-iktar esposti huma ulied il-proletarjat. Dawk li ma nsemmux, imma li għadhom jeżistu. F’dawk li għandna u li mhumiex qed jonqsu, imma li qed jiżdiedu. F’dan proprju fir-realtà li miżuri veri u effettivi li jkabbru l-ġustizzja soċjali ma ttiħdux. Jew għax hemm kunċetti differenti fis-soċjaliżmu ta’ Marx u Engels u minn dawk tal-Ministru tal-Finanzi, inkella għax fit-tkabbir u l-ftaħir kollu ma jistgħux jittieħdu.

Nirriversjaw

5. F’dan, kien iktar ta’ meravilja kif proprju d-diskors mar lura biex jimita l-eżempji tal-Gvernijiet Nazzjonalisti li suppost li kienu ħżiena. Smajna f’dan żewġ punti minn diversi oħra li laqtuni. L-ewwel, fir-rigward tal-ħaddiema li ġejjin minn pajjiżi oħra msemmija issa bħala “barranin”. Fejn jingħad dak li kien isir tajjeb qabel l-2013: “Nifhmu li hawn setturi li jirrikjedu l-użu ta’ ħaddiema barranin. Imma se nħaddmu sistemi li dawn jiġu fejn tassew hemm bżonn u jiġu biss dawk li verament bżonnjużi. Qed isir sforz biex jittejjbu l-ħiliet ta’ dawn il-barranin.” Fl-iżbalji li saru minn Gvernijiet Laburisti perfetti hawn nuqqas ta’ razzjonalità, u anzi hawn ferm iktar żoni ta’ sfruttament ta’ inġustizzji soċjali milli kellna qabel. Bil-politika tiegħu stess kabbarna aktar il-firxa ta’ dawk li jinsabu ’l isfel fis-soċjetà, proprju f’dak li Karl Marx ma kienx irid.

Lura wkoll

6. F’dan iktar fis-settur tat-turiżmu, fejn ukoll tlifna l-linji strateġiċi tagħna smajna hekk: “Illum id-diskussjoni turistika f’pajjiżna m’għadhiex iċċentrata ma’ kemm ġejjin turisti fis-sena iżda dwar x’tip ta’ turisti rridu nattiraw lejn il-Gżejjer tagħna.” Fil-kwantità li għandna qed nifhmu li m’hemmx il-kwalità li għandna bżonn għal introjtu aħjar u li nistgħu nħaddmu favur is-soċjaliżmu tal-povru Karl Marx. Pajjiżna, fir-realtà, jiflaħ ċertu numru bħalma qed jifhmu ġewwa postijiet oħrajn bħal Venezja. Ma nistgħux, bl-infrastruttura li għandna, ma nġibux iktar il-prijoritajiet tagħna f’posthom. Kemm smajt Ministri tat-Turiżmu taħt Gvernijiet Nazzjonalisti jisħqu fuq dan, anke jekk ġew ikkritikati bl-aħrax u inġustament. Kellhom raġun sew u huwa żball li tipprova ċċekken dak li wettqu b’tant sforz u determinazzjoni.

Retorika

7. F’dan kien eżerċizzju f’kif tipprova tnessi dak li hu għaddej, u fl-istess ħin tipperswadi lis-segwaċi kemm qed taqbeż għalihom. Diskors ċertament li jaħrab mir-realtà. Dak dwar l-iskandli varji li smajna u li rajna tul din is-sena. Dak li ma tilqax għall-isfidi li l-amministrazzjoni pubblika, li tidher li qed tmur lura fl-effiċjenza ġenerali tagħha, qed taffronta. Dak li ma tweġibx f’kif il-fondi tal-Unjoni Ewropea ser jiġu utilizzati aħjar milli huma fis-sitwazzjoni preżenti. Dak, l-aktar, f’kif ser inrendu l-ħajja tal-persuni f’din is-soċjetà aħjar milli hija llum. L-istabilità vera tinbena fuq il-fiduċja soċjali u l-kunfidenza ekonomika li jkunu verament mexjin ’il quddiem. Għax jekk għadna ma fhimniex li, l-ewwel, mingħajr it-tisħiħ effettiv tal-mezzi tal-produzzjoni nazzjonali; u tieni, mingħajr dik li fl-istat soċjali twieġeb effettivament għar-realtà soċjali, allura mhux qed nolqtu jew almenu nġibu l-boċċa ħdejn il-likk.

Kieku kellhom iqumu

8. Quddiem dan kollu ma tantx naħseb, li kieku kellhom jerġgħu jqumu Karl Marx u Friedrich Engels, li kienu ser jaqblu mal-Ministru tal-Finanzi li dan huwa Budget “soċjalista”. Wara għaxar snin ta’ politika liberali fejn is-suq iddetermina d-demokrazija u l-politika dan ma jistax jingħad. Wara li bnejna politika fejn ngħidu kemm aħna ferħanin u kburin, innaqqsu mill-benefiċċji tal-għajnuna soċjali. Wara li perriċt kemm flaħt dawn l-ideat u dħalt torqod mal-liberali ma tistax tqum filgħodu u tgħid li sirt soċjalista. Il-ġustizzja soċjali ma baqgħetx prijorità għalik, u dan huwa evidenti. Mhux ser iġġibha lura billi tixħet iktar flus, imma billi tagħmel politika vera favur dawk li huma batuti u li ser jibqgħu hekk wara dan il-Budget. Aħfruli, imma proprju f’dan ma nistax ma nesprimix is-solidarjetà tiegħi mal-povru Karl Marx li jrid jara s-soċjaliżmu tiegħu mkasbar tant tajjeb.

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...