23.11.23

MID-DINJA SPANJOLA

1. Huwa tajjeb li sakemm il-ħin jippermetti, u fuq in-naħa l-oħra sakemm l-informazzjoni tkun korretta u tħaddan il-verità, li wieħed isegwi. Jara dak li jkun għaddej madwarna f’dinja li l-fruntieri tagħha qed jersqu dejjem iktar viċin xulxin. Dawk l-eventi li fil-fatt, illum il-ġurnata qed jiftħulna għajnejna i hemm effetti li mmissu magħhom ilkoll. Dak li jseħħ fil-ħajja politika, soċjali u kulturali ta’ poplu jimxi u jmiss, b’xi mod, lil dawk mhux biss ta’ madwar, imma wkoll lil dawk iktar ’il bgħid bħal tagħna. Ħafna drabi nidħlu fil-qxur tagħna u nimmaġinaw li xejn ma jmissna ħlief dak li jiġri fit-triq jew l-iktar il-belt jew ir-raħal li ngħixu fihom. Hemm effetti li tajjeb li nifhmu u nkunu miftuħa għalihom. Naċċettaw li ser jolqtuna b’xi m od. Fit-tajjeb mod, f’dak inqas f’linja oħra.

Dak li qed iseħħ

2. F’dan huwa sewwa li naraw kif u lejn liema direzzjonijiet qed jimmiraw li jaslu popli oħra. F’dawn l-aħħar jiem nistgħu nħarsu aħjar lejn dak li d-dinja Spanjola qed tibgħat. Nifhem li aħna esposti għal dak li qiegħed jiġri fid-dinja li konna iktar parti minnha, il-Commonwealth. U issa wkoll qed nifhmu ftit iktar l-influwenza li hemm fil-ħajja tal-isfera ta’ dik Franċiża. Biss ninsabu maqtugħa ma’ dak li hemm f’dawk li Spanja u l-Portugall għadhom jeżerċitaw ħafna drabi proprju minħabba l-użu tal-istess lingwa wara snin ta’ kolonjaliżmu. Dak li jiġri f’dawk iż-żoni ta’ ideat jitlob attenzjoni diretta. Mhux biss bl-użu intelliġenti tal-Ambaxxati tagħna f’Madrid u Lisbona, imma wkoll aktar illum fil-Brażil, li għandhom jagħtuna iktar informazzjoni diretta u tajba.

Fi Spanja

3. F’dan, ċertament wieħed għandu jaħseb u jirrifletti fuq kif ġie ffurmat il-Gvern f’Madrid tul il-ġimgħa li għaddiet. Kif Pedro Sanchez għall-Partit Soċjalista (PSOE) ġie kkonfermat Prim Ministru wara elezzjoni ġenerali li fiha, għalkemm mhux b’tant saħħa, fil-fatt huwa ma baqax fuq quddiem kif kien. Fir-realtà, il-Partit Popolari mmexxi minn Alberto Núñez Feijóo afferma ruħu imma m’għandux il-maġġoranza tad-deputati. Sanchez irnexxilu għax wasal fi ftehim mal-partit li fil-programm politiku għandu l-indipendenza Katalana minn Spanja. Ilkoll niftakru li ftit snin ilu ttieħdu passi legali kriminali kontra dak li kien qabel il-kap, Carles Puigdemont, bl-akkuża ta’ tradiment tal-Istat. Mill-2017 dan jinsab maħrub fil-Belġju, fejn tawh rifuġju politiku. Ftehmu f’din l-allenza bil-patt li dawk li aġixxew kontra l-Istat Spanjol jingħataw maħfra legali.

Liġi

4. F’dan infetaħ bieb perikoluż ħafna. Wieħed li l-Partit Soċjalista ser, għada pitgħada, jħallas prezz politiku għalih, speċjalment fl-immaġini tiegħu. Il-poter rebaħ fuq kull kunsiderazzjoni ta’ prinċipju. Reġa’ ġie lura fil-moda kitbet Niccolò Macchiavelli (1469-1527) li, bil-Principe stabbilixxa li l-fini jiġġustifika kull mezz politiku. Ġieb ukoll mewġa li ser tnaqqas mill-ġieħ demokratiku u tas-saltna tad-dritt f’dak il-pajjiż. Preċedent ikrah ħafna, sija għalihom kif ukoll għal dawk li huma parti mis-sistema fl-Unjoni Ewropea. Il-liġi li ġiet ippreżentata li biha jinħafru d-delitti li seħħew ma tantx ser tinżel tajjeb. Diġà hemm protesti qawwija fit-toroq u fi ħdan il-Parlament Ewropew ser ikollna wkoll dibattitu interessanti iktar dwar dan. Wieħed li diversi fi Spanja ser jarawh bħala umiljanti għall-prestiġju li jgħożż. Kif sewwa ddikjara Alberto Núñez Feijóo meta qasam il-Kamra biex jieħu b’idejn il-Prim Ministru kkonfermat li dan huwa żball politiku kbir li għalih Sanchez huwa responsabbli.

Influwenzi

5. Dak li sar u dak li twieled ser ikun kaġun ta’ nkwiet politiku soċjali u ekonomiku għal dan il-pajjiż kbir. Wieħed li ser ikollu effetti fuqna wkoll, li għandna ħafna iktar irbit magħhom milli naħsbu. Biss, f’dan, ix-xenarju ser isir iktar ikkargat hekk kif tul dwn is-sigħat ġie kkonfermat li l-Arġentina, pajjiż li f’ħafna huwa Spanjol, ser jara bidliet oħra. Il-fatt li fir-riżultat tal-Ħadd li għadda l-President il-ġdid huwa Javier Milei f’kuntest politiku xejn faċli. Huwa ġie deskritt bħala politiku b’ideat fuq il-lemin estrem, imma f’dan iktar wieħed b’ideat kompletament differenti. Għeleb lil Sergio Massa, li kellu warajh il-Partit Peronista. Dak li twaqqaf minn Juan Domingo Peron (1895-1974) f’taħlit ta’ ideat, imma viċin dawk l-iktar l-isfel. Bidla li sallum tidher mill-iktar differenti u li tista’ tindika wkoll reazzjoni ta’ poplu li jrid l-affarijiet isiru differentement minn kif saru qabel.

Ideat

6. F’dan hemm proċess li ser jinfluwenza mhux biss lil dak il-pajjiż imma wkoll lill-Amerika Latina. Qiegħed jiddikjara ideat bombastiċi li mhumiex faċli li twettaq. Fuq naħa t-tneħħija tal-Bank Ċentrali, tnaqqis drastiku tal-infiq inkluż, skont hu, t-tneħħija tal-Ministeru tal-Kultura, Edukazzjoni u d-Diversità. Kif ukoll l-użu tad-Dollaru Amerikan biex tiġi stabbilita l-ekonomija u tonqos l-inflazzjoni qawwija li għandhom bħalissa. Ma’ dan il-pożizzjoni kompletament kontra l-abort. Irid idaħħal l-ekonomija fl-isports, senjatament fil-kamp kalċistiku fis-sens li l-klabbs li sa issa ma kinux jistgħu jibdew jitmexxew bi profitti ekonomiċi. Ideat ‘ġodda’ ‘varji’ mhux neċessarjament tajbin u li jitilqu mill-iżvantaġġ li maġġoranza parlamentari m’għandux. Imma fuq kollox ser jolqtu direttament f’dak li għaddej iktar u iktar fid-dawl tal-Elezzjonijiet Presidenzjali fl-Istati Uniti tal-Amerika. Is-suċċess ta’ Javier Milei jaf jagħti palata lil Donald Trump.

Issa naraw


7. F’dan kollu nibqgħu nirrikonoxxu li ideat u suċċessi politiċi f’pajjiżi oħra jinfluwenzaw dawk ta’ oħrajn. Tagħna nkluż. Jew direttament inkella, kif jidher aktar fix-xenarju, indirettament. Fix-xhur li ġejjin ser naraw u nisimgħu b’aktar minn dak li Pedro Sanchez u Javier Milei ser jgħidu u jipproponu. Ser neżaminaw x’ser ikun l-effett tal-liġijiet u d-deċiżjonijiet tagħhom. Pożizzjonijiet li għandna d-dmir li nsegwu u nippruvaw nifhmu. Dan għax id-dinja Spanjola għandha ħafna iktar influwenza milli naħsbu u tajjeb li nagħtuha l-importanza li ħaqqha.

 

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...