23.11.23

IL-GERWIEL GIDDIEB

1. F’soċjetà li taħdem biex tkun demokratika hemm bilanċ importanti bejn il-verità u l-informazzjoni. Hemm min iqabbel lit-tnejn u jaħseb jew iqiegħed kollox fuq l-istess xkaffa. Jipprova jurihom bħala ugwali mentri, kif nafu, mhumiex. Jistgħu jidħku bina, verament, imma mhumiex tal-istess piż. Għax il-verità hija unika, u teżisti. Biss nafu li dan mhux faċli għax qed ngħixu f’soċjetà ġdida. Waħda mimlija b’vuċijiet varji, diversi wkoll frott iċ-ċaċċaruni, dawk li jridu jitkellmu l-ħin kollu u l-eżistenza tagħhom hija mimlija ħsejjes. Dawk li jridu jipperswaduna fil-kontra ta’ dik li hija r-realtà. Membri wkoll fost dawk li jridu jgħidulna li qed ngħixu fl-istabilità u fi Stat ġust.

Informazzjoni mhux dejjem veritiera

2. Għax l-informazzjoni fiha minn kollox. Fiha ġewwa ħdanha anki dak li mhuwiex veru. Issir taf u anzi għandek mezzi ta’ komunikazzjoni li jinfurmawk bil-gideb li jingħad. Dak kollu li mhuwiex minnu li jingħad dwar dak li għaddej. Dak kollu li jinqala’ minn żnied ħaddieħor dwar il-proxxmu biex fuq naħa ssirlu l-ħsara, u fuq l-oħra jirbaħ xi forma tinten ta’ popolarità. Ma’ dan kollu hemm ukoll dawk li jridu jaħbu s-sewwa, il-fatti u jispiċċaw iħarrfu fuq naħa jew jibdlu fuq l-oħra dak li huwa verament. Imma l-isfida llum hija proprju li kollox jinsab ħiereġ mill-istess vitien. M’hemmx, fuq naħa l-gideb u fuq in-naħa l-oħra l-verità. Hemm biss triq waħda tal-informazzjoni. Taħlit li huwa dejjem ikbar proprju għax il-livelli tad-dixxerniment naqsu. Bħal ma kien inevitabbli li jseħħ dan għax dak li qabel kien ikkunsidrat fonti ta’ fatti llum m’għadux, imma baqa’ hekk ikkunsidrat mill-poplu.

Infetaħ bieb perikoluż

3. F’dan, iktar minn qatt qabel infetaħ beraħ il-bieb ta’ barra, mhux tal-ġenb, biex iseħħ dan il-proċess b’mod uffiċjali. Dan huwa l-periklu ċar u manifest tas-soċjetà tagħna. Għax hija tista’ tikber u tieħu deċiżjonijiet tajba jekk tkun qed tibbaża ruħha fuq il-verità, mhux il-kontra. Iktar u iktar għax f’dan, flok nidentifikaw il-problemi ta’ ġustizzja soċjali li għandna, qed naħbuhom u naħarbu minnhom. Mhux biss, imma hija gravi proprju għax hemm min jaħseb li bin-nuqqas ta’ verità jista’ javvanza, jew almenu, jibqa’ wieqaf fejn huwa. Anzi, fil-bumbardament kontinwu ta’ kemm għadna suppost “Soċjetà Ġusta” (li lkoll nafu li mhix, u fil-verità trid ħafna iktar ħidma biex tasal biex tkun hekk) huwa ovvju li l-Gvern issa qiegħed huwa stess isir parti integrali mill-magna ta’ dak li mhuwiex minnu. Tradiment profond tad-dmir tiegħu li jgħid lill-poplu dik li hija l-verità.

Mhux biss

4. Mhux biss dan, imma hemm ukoll il-periklu ulterjuri li huwa dak li qiegħed iħajjar persuni li jikkritikaw lill-Gvern, sija mill-Oppożizzjoni kif ukoll li le, li jimbarkaw fuq din it-triq. Il-falz jiġi kumbattut b’iktar falz. F’dak li qiegħed jidher li qiegħed isir forma ta’ konvenjenza. Fejn f’dan, iktar nies qed jiġu protetti u l-istatus quo jibqa’ f’postu. Dawk li huma minn fuq jibqgħu hemm u dawk li jridu javvanzaw jibqgħu miżmuma ’l isfel. L-alleanzi ta’ konvenjenzi varji, ċertament mhux politiċi, wassluna f’dan. L-affluwenza ekonomika ta’ wħud li qed jiddominaw, jew fil-miftuħ jew minn taħt, wassluna f’dan. Issagrifikajna d-demokrazija soċjali tagħna għal dik ekonomika. Fejn il-manuvri tal-Gvern huma indirizzati biex jiggarantixxu dan l-istat tal-affarijiet. Jidhru li qed jaqsmu u jagħtu, mentri fil-fatt qed iżommu fis-sod il-pożizzjonijiet ta’ dawk li verament għandhom saħħa politika ekonomika.

Nibqgħu nisimgħu

5. F’dan, dejjem jekk ma niċċaqilqux, ser nibgħu nisimgħu dak li nafu li mhuwiex minnu. Nisimgħu kemm kollox sejjer tajjeb, meta mhuwiex. Nisimgħu fuq kemm l-ekonomija ser tikber, imma ma jgħidulniex kemm l-inflazzjoni ser tibqa’, u magħha, l-għoli tal-ħajja. Nisimgħu kemm kulħadd qiegħed jaħdem, imma mhux kemm mhumiex jaqilgħu, jew kemm hemm minn dawk li huma moħbija fin-NEET. Nisimgħu b’infiq fl-edukazzjoni, imma mhux fuq ir-riżultati li qed tagħti. Nisimgħu fuq kemm hemm benefiċċji soċjali, imma mhux kemm dawn huma verament effettivi għall-bżonnijiet ta’ dak li jkun. Nisimgħu kemm qed nimxu fil-kamp tar-riforma fuq il-kannabis, imma mhux fuq kemm pajjiżna huwa mimli, fl-irkejjen tiegħu, b’aktar droga minn qatt qabel. Nisimgħu kemm għandna pjan tajjeb fit-trasport, imma nqattgħu l-ġimgħa mwaħħlin fit-traffiku. Nisimgħu ħafna minn dan kollu, imma x’inhuwa veru minnu, dik ħaġ’oħra.

Alleati

6. F’dan, jidher ċar u ovvju li jekk wieħed ma jiċċaqlaqx fil-kritika u fl-organizzazzjoni neċessarja biex jibdel dak li qiegħed jikkristallizza ruħu jum wara jum, kollox ser jibqa’ l-istess. Forsi ftit iridu jindunaw kemm f’dan kollu sejrin, għallinqas skont is-surveys kontinwi li qed joħorġu, għall-istess pożizzjoni tallum, jew aħjar, tal-bieraħ. Aktar minn dak li għandna u mhux minn dak li għandu jkollu l-poplu. Forsi ftit aktar f’dan li jista’ jkun (għalkemm ma nemminx) li ninsab waħdi fid-deżert intern politiku li ninsisti sabiex idur ir-riħ. Forsi ftit aktar fil-bżonnijiet u miżuri li nara li jridu jsiru sabiex jingħadu l-fatti u naffrontawhom. Dawk li ċertament m’għandniex naħarbu minnhom, għall-ġid tal-poplu kollu. Jekk qabel kienet kwistjoni ta’ partit, illum din saret kwistjoni nazzjonali.

Passi pożittivi

7. F’dan, jekk ma niċċaqilqux, dawk li jlabilbu, il-gerwiela, iċ-ċaċċaruni ser jibqgħu jirrenjaw. Jibqgħu ma jħarsux il-verità u anzi jibqgħu jżidu ma’ dak li huwa fil-kamp kbir tal-gideb. Punt li wieħed għandu jieħu ħsieb jagħmel, għax soċjetà li m’għandhiex id-demokrazija f’idejha tispiċċa tafda lil min m’għandhiex. Tispiċċa fejn ma tridx tkun. Soċjetà li tippermetti dan kollu tkompli għaddejja tkun fit-triq li biha qed tkompli żżid fil-lista tal-inġustizzji soċjali li qed ngħixu fihom kontinwament. Fil-preżent pajjiżna mhuwiex ġust, però jista’ jsir. Għalhekk, pajjiżna għandu bżonn iktar verità, fatti u informazzjoni korretta. Dak huwa d-dmir tagħna li naħdmu għalih. Inbiddlu sabiex jispiċċa dan ir-renju fejn jikber u joktor il-gerwiel giddieb.

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...