9.11.23

NIFHMU MINN DAK LI ĠEJ

1. Kull jum jixhed għal dak li għaddejjin minnu. Dak li ninsabu fih. Dak li huwa preżentement f’doża qawwija l-prodott, il-konsegwenza ta’ dak li seħħ f’dawn l-aħħar għaxar snin. Hemm falliment ġenerali fit-tmexxija politika mondjali u nazzjonali li qed tolqotna fil-laħam il-ħaj. Timmarkana fl-għarfien li jekk ma jittieħdux il-passi neċessarji, l-istampa ser tiswied. Anki jekk nibqa’ fost dawk li jħarsu lejn id-dawl u jemmnu li f’mument ser ifeġġ, xorta l-preżent irid jiġi ikkonfrontat. Ma nistgħux naħsbu li l-affarijiet ser isiru tajba waħedhom. Iridu jsiru miżuri differenti u trid tinbena lura kultura politika li tagħraf dan kollu. Tagħraf fejn hi u fejn għandha tkun.

Noħorġu minn ġimgħa

2. Il-pajjiż li għandu għal qalbu l-ġid nazzjonali, dak li jrid li nimxu verament ’il quddiem ħass li kien hemm wisq daqqiet ta’ ħarta. Hemm numru ta’ punti li jimmarkawna f’dan. Serje ta’ sitwazzjonijiet xejn faċli, imma li kkumplikaw ruħhom għax tħallew lura, mhux konfrontati. Aktar ma nisma’ l-propaganda ta’ dawk li jridu jikkonvinċuna li huma l-Gvern speċjali li jaffronta l-problemi, aktar nara l-kontra. Din il-ġimgħa tlaqna proprju fuq din is-sieq, nisimgħu b’sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Appell li tikkarga d-doża. Il-kwistjoni tal-Isptarijiet u l-kuntratti li ngħataw, bl-isfumaturi kollha tagħhom turi li dan ma ġiex ikkonfrontat. Kien aktar ċar għalija li l-prijorità kienet li teħles mill-kwistjoni, mill-attenzjoni nazzjonali kemm jista’ jkun malajr. Daħal ukoll f’dan x’ser jiġri għada fid-diskors tal-Budget. Passi biex idawwru l-għajnejn u l-widnejn mill-gravità ta’ dak li ġie deċiż aktar milli wieħed jagħti r-rimedji u r-risposti li l-poplu qiegħed jistenna.

Bruda politika

3. Din il-linja strateġika ma ġġibx aktar bnedmin fil-parteċipazzjoni politika. Iġġib, minnha nfisha birda, li flok tnaqqas qed iżżid fil-firxa tagħha. Tista’ ma taqbilx u ma tagħtix kunsens elettorali lill-Partit Nazzjonalista, imma xorta tippretendi spjegazzjoni. Kif Gvern Laburista, li kien jiddikjara li huwa favur il-ħaddiem iħalli, l-ewwel li dan iseħħ mill-bidu u kif wara jibqa’, proprju minn kif qed jiġi perċepit, passiv. Id-dell li dan il-kapitolu qiegħed jifrex fuq dak il-partit ma jistax jiġi kanċellat billi ma tingħtax spjegazzjoni ċara u l-verità sħiħa toħroġ barra. Ċertament f’dan huwa iktar evidenti li hemm min ħaxxen butu a skapitu tal-Istat Malti. Min għadna ma nafux, u f’dan hemm l-għarfien nazzjonali li ma tantx hemm xi tama kbira li dawn il-flus ser jiġu lura.

Rabja soċjali

4. Forsi ma konniex qed nindunaw b’dak li kien għaddej. Imma x-xeni li rajna tul din il-ġimgħa, terġa’ mogħtija l-pubbliċità mill-medja nazzjonali, għandhom jitolbu riflessjoni. Meta tara quddiemek tfajliet jiġġieldu u jsawtu lil xulxin. Meta tara wkoll oħrajn jassistu u ma jippruvawx jifirdu jew jintervjenu b’xi mod tifhem li hemm sitwazzjoni ferm aktar gravi milli naħsbu. Għax jekk il-ġenerazzjonijiet futuri huma diġà mimlija rabja, wieħed jibda biex jistaqsi: x’ser ikollna għada pitgħada? Mhux biss, imma wieħed irid jara l-prodott ta’ xhiex huwa dan kollu. Wieħed jista’ ma jaqbilx, imma dan ma jfissirx li għandu jirreaġixxi b’dan il-mod. Forsi għal xi wħud dan jidħol fil-klassifika ta’ dak li huwa ‘normali’, imma fir-realtà mhuwiex. Hemm raġunijiet iktar ċari li juru li s-soċjetà għandha dożi qawwija ta’ rabja. Waħda li diġà ġiet iċċertifikata. Waħda li però mhix tiġi indirizzata u minflok qed tkompli għaddejja u ittollerata qisu mhu xejn.

Fl-isfond ta’ madwarna

5. Dan iktar fl-isfond ta’ dak li qiegħed iseħħ. L-ewwel, il-ħsieb li m’hemmx Stat fejn tirrenja l-ġustizzja u fejn il-preferenzi huma qawwija u li l-pjaċiri jmexxu l-ordni soċjali fih. It-tieni, fl-għarfien li x-xenarji tal-kunflitti ta’ madwarna huma koroh u ma’ kull ġurnata jridu jikrieħu iktar. Il-bniedem li jrid ikompli jħares lejn id-dawl qiegħed ibati huwa u jagħraf kemm il-vuċijiet għall-paċi mhumiex jinstemgħu. Jista’ xi ħadd idawwar wiċċu minn dak li qiegħed ikompli jiġri fil-gwerra tal-Ukrajna, u issa f’dik bejn Iżrael u l-Ħamas? Naħseb li ċertament le. Fl-isfond tal-aħbarijiet li ma jistgħux inlaħħqu magħhom li qed juru li aktar bnedmin qegħdin imutu fix-xejn. Jitilfu d-dritt tal-ħajja, u anzi, flok waqfien iktar qiegħed jikber il-ħsieb li hemm xi forma ta’ ġustifikazzjoni li telimina persuni umani bħalek u bħali għal xi raġuni politika jew territorjali. Id-dell u d-dlam ta’ dan l-aġir uman ma jqawwix wisq qalbna fl-isforzi kontinwi tagħna biex inħarsu lejn futur aħjar mill-preżent tallum.

Mexxejja politiċi

6. F’dan kollu, ċertament hemm vojt li qiegħed jinħass fil-kwalità u fil-valuri li diversi mexxejja politiċi jġorru magħhom. Id-dinja mhix fl-aħjar mument tagħha u f’dan qegħda tfittex iktar li jkollha bnedmin li kapaċi jmexxuha ’l quddiem u ’l barra minn dan kollu. Dan jgħodd għall-kunflitti li nfetħu u dawk li jidher li mhumiex wisq ’il bgħid li jinfetħu. Flok hemm żerriegħa ta’ paċi, hemm iktar sikrana li twelled il-gwerra. Flok hemm il-konvinzjoni li kapaċi nibdlu dak li għandna, hemm aktar aċċettazzjoni ta’ dak li għandna. Nistennew x’ser jiġri u nħallu f’idejn il-partijiet biex jiddeċiedu meta ser jieqfu. Sitwazzjoni li ser tkompli tikkumplika fejn sejrin f’din id-dinja. Wara snin ta’ paċi relattivi, issa irrassenjati sejrin mmorru lejn perjodu twil ta’ gwerer.

Ordni u taħwid

7. F’dan kollu huwa iktar ċar li hemm bżonn nifhmu l-bżonn ta’ ferm iktar ordni fid-dinja u fil-gżejjer tagħna. Nifhmu li l-liġijiet isiru biex jiġu obduti. Nifhmu li fihom irridu nkabbaru aktar il-kultura tagħna għas-sewwa. Inkabbru dak li fis-sekli nsibu li jwettaq il-ġid u mhux id-deni. Il-passività tagħna, in-nuqqas ta’ preżenza sabiex nagħtu xhieda għas-sewwa jgħinu biss biex inkabbru dak li mhuwiex sewwa. Id-diskors tal-Budget ta’ għada jista’ jkun wieħed li jaljenana minn dan kollu, però mhuwiex wieħed li ser jgħin biex it-taħwid li qed naraw jispiċċa u titkattar l-ordni soċjali. F’dan kollu ngħid li għandna nifhmu iktar dak li ġej u x’passi tajba għandna u nistgħu nieħdu biex nibdlu din ir-rotta ħażina.

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...