29.11.23

FIDUĊJUŻI, MHUX ILLUŻI

1. Ninsabu f’mument mimli sfidi għal dawk bħali li jridu jaħdmu u sabiex nibnu dinja aħjar milli aħna qegħdin ngħixu fiha. L-iktar fis-soċjetà li tidher li qegħda ddum biex tifhem, u wara taċċetta ċerti realtajiet li għandna. Li ma tarax illi dak li hu għaddej mhuwiex tajjeb u li m’għandux ikun ittollerat iktar. F’dawn is-snin morna lura fl-għarfien ta’ dak li huwa sewwa u dak li mhuwiex. Morna iktar ’il bgħid f’dak li jrid isir wara biex jirbaħ is-sewwa. Aktar ma’ dan, fit-tweġibiet għal dak li huwa żbaljat, xi ftit urew ruħhom bħala inadegwati. Bħala mhux ippreparati, u anzi, fl-użu ta’ metodi u strumenti mimlija arja u mhux fatti li ġiebu lilhom infushom irrelevanti fl-għajjat fil-pjazza mingħajr riżultati konkreti. Mhux biss, imma ftit għadhom qed jifhmu li dak li qabel kien jaħdem fin-normalità tiegħu biex jikkontrolla dak li huwa ħażin, illum, fiċ-ċirkostanzi preżenti, irid ferm iktar sforz milli kien jingħata qabel.

Dak li għandna

2. Diġà għandna ħafna kumplikazzjonijiet f’pajjiżna li għalihom il-Gvern iwieġeb f’kemm oħrajn jinsabu, skont hu, agħar minna. Diġà ninsabu f’sitwazzjoni fejn ma jidhirx li hemm rimedji effettivi għal dak li qed naraw ikompli jiżviluppa. Ninsabu f’mument fejn is-sitwazzjoni hija kritika u qed tersaq aktar lejn medjokritajiet profondi. Fejn parti sew mill-poplu qiegħed juri, l-ewwel, li jippretendi bidla fid-direzzjoni u fil-kwalità politika; u t-tieni, li qiegħed jindika li r-reazzjoni tiegħu hija fil-protesta ċara li ma jiħux sehem bil-vot tiegħu sakemm l-affarijiet jinbidlu. Fejn f’dan, għalija, fuq naħa tikber l-urġenza ta’ rimedji minn klassi politika li biha tista’ turi li hija kapaċi taħfen is-sitwazzjoni u fuq l-oħra li għad hemm fiduċja li nistgħu nibdlu. Nemmen li dan jista’ jsir, u għalkemm jista’ jkun li hemm min irid jaqtagħli qalbi fuq naħa billi jinsisti li jħalli kollox kif inhuwa, fuq l-oħra imma nibqa’ fiduċjuż li r-raġuni tirbaħ u s-sens komuni jipprevali.

Fix-xenarju internazzjonali

3. F’ħafna, il-Presidenza Amerikana ta’ Joe Biden fuq naħa, u dik Ċiniża ta’ Xi Jinping fuq in-naħa l-oħra għandhom piż qawwi fuqhom f’dak li hu għaddej. Piż ta’ responsabbiltà politika li f’dan il-mument storiku jridu tweġibiet aktar indirizzati għall-ġid komuni tad-dinja milli għall-interessi tal-pajjiżi rispettivi. Wieħed li kabbrilna t-tama fil-fatt biss li ltaqgħu u ddiskutew għal erba’ sigħat dak li hu għaddej. Wieħed li ġieb ħidma diplomatika attiva mid-dinja Għarbija li tkompli tissudana fil-fiduċja. Dan aktar fil-lingwaġġ politiku li għaddej minn oħrajn u fil-kunflitti li qed jiġbru wisq fejn hemm bżonn li jittieħdu deċiżjonijiet tajba. Il-kunflitt bejn Iżrael u l-Ħamas jista’, b’dak li hu għaddej, isarraf f’sitwazzjoni fejn il-partijiet jieqfu permanentement, u mhux biss temporanjament, mill-ġlied ta’ bejniethom. Hemm bżonn kalma u dożi ta’ paċi li ftit jiem ilu ma kinux daqshekk possibbli. Nittamaw li dak li ser iseħħ u li qiegħed jitwettaq f’dawn il-jiem jiftaħ il-bibien lejn waqfien mill-ġlied biex id-dinja terġa’ tibda tieħu r-ruħ.

Fl-għatba viċin tagħna

4. Mhux biss, imma fl-istabilità politika li dawn iż-żewġ mexxejja jħaddnu fil-linji politiċi tagħhom hemm dak li għaddej bejn l-Ukrajna u l-Federazzjoni Russa. Fil-kunflitt li ma jridx jieqaf u li issa qiegħed f’pożizzjoni kritika. Fis-sitwazzjoni fejn ebda parti ma tista’ tirbaħ kif trid u fejn kollox huwa iktar wieqaf sejrin lejn xitwa kiefra oħra. F’dan hemm bżonn ta’ iktar impenn fil-ħidma diplomatika. Għandna, ċertament, żewġ xenarji xejn faċli u t-tnejn qegħdin jassorbu wisq mir-riżorsi u l-attenzjoni mondjali. Soluzzjoni għalihom isservi wkoll sabiex fit-tifrik li għandna nieħdu lezzjonijiet għall-futur. Nemmen li dan jista’ jsir u għandi fiduċja li nistgħu nilħqu dan il-punt iktar u iktar fil-prospett ta’ dak li jista’ jseħħ quddiemna fix-xhur li ġejjin.

Next year’s great danger

5. F’dan, id-dinja hija fil-proċess li trid tara kif tmexxih lura lejn is-sewwa, il-paċi u l-ġustizzja, iktar u iktar fil-perikli li qed tmiss magħhom. Hekk, b’dawn il-kliem, jiftaħ l-editorjal prinċipali f’The Economist tal-ġimgħa li għalqet. Jindirizza l-periklu mill-iktar ċar għal diversi bħali li Presidenza oħra ta’ Donald Trump jarawha bħala waħda li taf iġġib inkwiet akbar. L-analiżi korretta tagħhom hija li l-bniedem huwa “unrestrained by reality and unanchored by values” (mhux ikkontrollat mir-realtà u anqas ankrat mal-valuri). Apparti mill-abbandun tiegħu tal-alleat naturali, l-Unjoni Ewropea, li nafu li hu determinat li jdgħajjifha u jpattilha lura. Hemm wieħed jara pożizzjoni verament iktar diffiċli.

Kliem ċarissimi għal min irid jisma’

6. Għal min irid jaħdem għas-sewwa, f’termini iebsa l-istess editorjal jikkonkludi hekk: “A second Trump term would be a watershed in a way the first was not. Victory would confirm his most destructive instincts about power. His plans would encounter less resistance. And because America would have voted him in while knowing the worst, its moral authority would decline.” L-awtorità morali, li hija indispensabbli fil-politika tintilef, u anki għal dawk li anke jekk ma jaqblux magħha jirrikonoxxuha, xorta jarawha bħala pass lura. Sitwazzjoni mimlija kumplikazzjonijiet, dejjem jekk tul is-sena li ġejja ma jinbidilx ix-xenarju internazzjonali. Waħda li fil-konkret, minkejja l-età tiegħu, tindika ċar li m’hemmx alternattiva għal Joe Biden. Nittamaw fil-bniedem u nħarsu lejn il-futur bil-fiduċja mingħajr illużjonijiet sabiex ma naggravawx.

Nemmnu fil-bniedem

7. F’dan huwa iktar u iktar importanti li nħarsu lejn il-bniedem b’fiduċja. Nibqa’ nemmen f’ħidmet it-tromba ta’ Ġeriko, li hija l-iktar effikaċi biex twaqqa’ l-ħitan. Għax għandna nifhmu li bil-kelma t-tajba wieħed jasal ferm iktar milli bl-użu tal-armamenti jew il-kunflitti inutili. Nifhmu li kull persuna, fis-sejħa tagħha lejn il-verità u lejn il-kisba tal-għerf tagħraf lilha nfisha. Tagħraf aktar dak li jista’ jinbidel u tibdel il-futur ta’ madwarha. Tagħraf li anke jekk id-dinja tidher dieħla f’iktar dlam, fl-aħħar hemm id-dawl. Pajjiżna jinsab f’dan il-proċess sħiħ. Irid jifhem li għandu dmir jipparteċipa u ma joqgħodx lura f’dak li l-vuċijiet jitolbuh. Il-vuċijiet li bihom jingħad dak li ħaddieħor ma jgħidx. Jiddikjara kemm huwa importanti għad-dinja li tidħol lura fi proċess ta’ djalogu, ta’ diskussjoni, li t-tnejn iwasslu lill-partijiet madwar mejda. Jesprimi biċ-ċar li aħna poplu li nibqgħu dejjem kif konna: dawk li għandhom fiduċja mingħajr ma huma illużi.

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...