8.10.19

Sakemm niġu aljenati b’ħaġa oħra




1.     Drajna s-sistema.  Drajna li dan il-Gvern ma jieħu ebda responsabbiltà politika għal dak li għaddej ħażin fil-pajjiż.  Drajna naraw lilna nfusna fil-proċess li bih minn skandlu nidħlu għal ieħor, wieħed isbaħ mill-ieħor.  Drajna naraw kif xejn ma jmiss lil ħadd.  Drajna l-linja li biha, kull min għandu fuqu l-piż tal-poter, jaħrab minn kollox.  Drajna naraw il-metodu preparat u prattikat li naljenaw lill-poplu sabiex ma jibqax jara dak li sar żbaljat u ħaqqu kundanna.

Inkredibbli

2.     Ngħid iktar dan għax tul din il-ġimgħa kien verament inkredibbli.  Inkredibbli meta tqis li ġurnalisti rnexxielhom jippreżentaw rapport daqshekk ċar fuq dak li qed jiġri fil-programm ta’ bejgħ tal-passaporti Maltin.  Inkredibbli kif saret laqgħa li fiha smajna dawk li huma speċjalizzati fuq din il-linja jiftaħru.  Inkredibbli kemm daħlu u ħarġu politiċi minn ħalqhom.  Inkredibbli aktar li l-messaġġ ta’ dawn in-nies kien li l-politiċi fil-Gvern Laburista huma tant “ħbieb tagħhom” li jistgħu jagħmlu li jridu bihom.  Inkredibbli verament, meta taħseb li tant ma hemmx barrieri, u tant hemm kunfidenzi, li ħadd minnhom ma ħasibha darbtejn biex isemmi lil dak u lill-ieħor qishom qegħdin għandhom u magħhom.

Indikazzjonijiet

3.     Dan mhuwiex l-ewwel skandlu.  Anzi, huwa tabella ta’ indikazzjonijiet.  Tabella tal-indikazzjoni ċara li tant hawn aġir żbaljat fil-pajjiż, li hemm “il-libertà” li tagħmel li trid u taġixxi kif jogħġbok.  Hija indikazzjoni ċara li spiċċa l-kontroll u l-attenzjoni għall-affarijiet.  Kontroll f’dak li huma l-liġijiet tal-pajjiż.  Attenzjoni fit-tmexxija t-tajba.  Il-proċess illum huwa tant gravi li ħadd fil-Gvern Laburista m’għandu l-kuraġġ li jbiddel ir-rotta.  Indikazzjoni ċara ħafna li tant kollox ħareġ barra mill-id tat-tmexxija politika li issa hemm rassenjazzjoni.  Nifhmu ferm u ferm iktar għala hemm min irid ikompli jiftaħ il-bieb li bexxaq biex jitlaq.  L-indikazzjonijiet huma li l-pożizzjoni hija inkontrollabbli u insapportabbli.

Meta ma tistax għalihom = Impunità

4.     Huwa ċar li min qiegħed fil-poter ma jistax iktar għalihom f’kull sens.  Ma jistax għalihom għax issa rikbuh u qed jiġru bih u b’ismu.  Passi ma ttiħdux; kollox baqa’ għaddej, qisu ma huwa xejn.  Diversi dan qed jarawh u qed jibgħatu l-messaġġi ċari tagħhom.  Mhumiex akkademiċi, mhumiex piji fl-arja, imma konkreti.  Fil-21 ta’ Settembru, fl-Indipendenza, smajna dan il-messaġġ: “Ir-responsabbiltà jew il-kontabilità titlob li t-tmexxija tkun soġġetta għall-iskrutinju u ċ-ċensura tal-pubbliku.  Din ir-responsabbiltà politika hija l-antidotu għal dak is-sens ta’ impunità li jirredikola t-tmexxija intiża bħala servizz u d-demokrazija mifhuma bħala espressjoni tal-ħakma tad-dritt.”

Forza ta’ oppressjoni

5.     Il-Partit Laburista seta’ tela’ fil-Gvern fl-2013 bħala forza ta’ bidla.  Seta’ kellu minoranza interna kreattiva.  Imma llum, dik il-minoranza interna mietet u saret, wara ftit snin, forza dominanti tal-poter.  L-ideali ntilfu kompletament, u issa hemm biss il-bżonn li wieħed jibqa’ fil-poter, jaħkem.  Il-Gvern tilef il-forza inizjali tiegħu.  Illum wasal fejn ma kellux.  Qiegħed jimita, minflok, l-agħar forom ta’ kif wieħed imexxi amministrazzjoni f’demokrazija.  Qiegħed isir, biċċa biċċa, forza ta’ oppressjoni fuq dawk li, ġejjin minn liema partit ġejjin, iridu s-sewwa.

Lura fil-kuntest

6.     Meta terġa’ tisma’ dak li ntqal f’dik l-intervista, tibda tiddubita minnek innifsek.  Tibda taħseb li ma seħħitx.  Tibda tgħid: imma dan huwa aċċettabbli fis-soċjetà tagħna?  Iktar minn dan, tifhem li waqt li l-bnedmin fis-soċjetà jifhmu dak li huwa sewwa minn dak li mhuwiex, huwa evidenti li għal min huwa fil-poter dan mhuwiex.  Il-kuxjenza ta’ kull bniedem hemm qegħda, f’postha.  Imma, kif nafu, mhux kulħadd għandu l-istess livelli ta’ attenzjoni u preparazzjoni.  Imma agħar minn hekk, huwa evidenti li l-Gvern mhux biss qiegħed jarmi kuxjenztu, imma talli qiegħed jagħmel minn kollox biex il-poplu jitlef tiegħu.

Forsi

7.     Forsi wħud fis-soċjetà semgħu u raw dak li seħħ.  Forsu wħud ħaduha fil-kuntest li hija, u fehmu iktar kemm is-sitwazzjoni fil-pajjiż marret lura, kemm qegħdin fi stat ħażin.  Forsi hemm min qiegħed jistenna li xi ħaġa ser tiċċaqlaq, u s-sewwa jirbaħ lura l-kmand fil-poter.  Forsi ħafna oħrajn qed jistennew bidliet li ma jiġux.  Forsi, iktar minn hekk, hemm diversi li qed jistennew u jittamaw fl-innoċenza tagħhom.  Imma l-verità hija li l-pożizzjoni ser tibqa’ kif inhija, sakemm jaljenawna b’ħaġa oħra.




No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...