8.10.19

KUMMISSJONI GĦOLJA TA’ MALTA FL-INDJA - ĦIDMA




10558. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ: Jista’ l-Ministru jelenka x’ħidma saret mill-Kummissjoni Għolja tagħna ġewwa l-Indja fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena?

17/06/2019

  ONOR. CARMELO ABELA:  Il-ħidma tal-Kummissjoni Għolja ta’ Malta fl-Indja fl-ewwel erba’ xhur ta din is-sena, maqsuma f’dawn is-sezzjonijiet, tittratta:

Bilaterali

·              Ikomplu jissaħħu r-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Indja: il-Kummissjoni Għolja ssoktat taħdem biex jissaħħu dejjem aktar ir-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Indja u biex jinżamm ir-ritmu ta’ żjarat u taħdidiet fl-ogħla livelli politiċi bejn iż-żewġ pajjiżi. Wara għadd ta’ żjarat miż-żewġ naħat li saru fl-2018, il-Prim Ministru kellu taħdidiet mal-Prim Ministru Indjan Narendra Modi f’Jannar (17-19) ġewwa l-Indja. Iż-żewġ mexxejja qablu li l-livell tar-relazzjonijiet kienu ssaħħew aktar minn qatt qabel u li l-kuntatti intensivi bejn iż-żewġ pajjiżi għandhom jissoktaw. Fi kliem tal-Prim Ministru Modi dawn it-taħdidiet taw saħħa qawwija lir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi. Iż-żewġ mexxejja ddiskutew koperazzjoni f’għadd ta’ oqsma inkluż il-farmaċewtika, t-turiżmu, l-innovazzjoni u fit-teknoloġija tal-informatika (IT). Waqt din iż-żjara il-Prim Ministru kien il-mistieden speċjali tal-Prim Ministru Indjan għall-Vibrant Gujarat Global Summit fejn indirizza għadd kbir ta’ CEOs u mexxejja industrijali u imprenditorjali mill-Indja. Il-Prim Ministru kellu wkoll laqgħat mal-awtoritajiet tal-istat ta’ Gujarat, wieħed mill-aktar stati kummerċjalment u industrijalment attivi fl-Indja.

·              Aktar opportunitajiet għal min jixtieq jaddotta tfal mill-Indja: L-Indja hija l-akbar sors ta’ addozzjonijiet lejn Malta.   Il-Kummissjoni Għolja ħadmet bis-sħiħ sabiex l-Aġenzija Appoġġ tiġi approvata mill-Aġenzija Ċentrali  tar-Riżorsi tal-Adozzjoni (CARA) fl-Indja sabiex tgħin persuni Maltin jaddottaw tfal minn dan il-pajjiż. Fl-aħħar xhur saru rapreżentazzjonijiet ma' CARA sabiex jiġu approvati żewġ agenziji Maltin oħra.

Kummerċjali

·              Matul dan il-perjodu il-ħidma kompliet tiffoka fuq l-oqsma tal-farmaċewtika, tal-innovazzjoni u t-teknoloġija tal-informatika, it-turiżmu, l-industrija tal-films u divertiment, edukazzjoni u l-promozzjoni tas-sensiela ta’ servizzi li għalihom Malta qed issir dejjem aktar magħrufa fl-Indja.

·              Il-Prim Ministru u l-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar indirizzaw laqgħa f’Gandhinagar, Gujarat, għall-investituri Indjani  fl-oqsma tal-Informatika, l-enerġija, l-infrastruttura, l-ospitalità, is-settur marittimu u s-setturi tal-importazzjoni.  Bosta mill-investituri li attendew għamlu dan wara kuntatti mal-Kummissjoni Għolja u tħajru jinvestu f’Malta. Il-Prim Ministru kellu wkoll laqgħat ma’ investituri Indjani f’Mumbaj fil-qasam tal-informatika u l-finanzi.

·              Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar kellu bosta laqgħat ma’ imprendituri Indjani fil-qasam tal-farmaċewtika.

·              Matul ix-xhur li għaddew il-Kummissjoni Għolja organizzat laqgħat ma' diversi kumpaniji Indjani b’interess f’Malta. Dawn il-kumpaniji ġew imlaqqa’ mal-Malta Enterprise, Trade Malta, mal-Kamra tal-Kummerċ jew entitajiet Maltin oħra, skont l-interess tagħhom.  Il-Kummissjoni Għolja tieħu sehem u tibgħat informazzjoni dwar fieri u konferenzi li jistgħu jkunu ta’ interess kummerċjali għal Malta.

·              Saru wkoll laqgħat ma’ membri tal-Konfederazzjoni tal-Industrija Indjana biex jiġu esplorati opportunitajiet ta’ kollaborazzjoni fil-qasam tal-informatika u l-finanzi fi ħdan il-qafas legali f’Malta għal kumpaniji u operaturi fil-Katina tal-Blockchain u t-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit (DLT).

Kulturali

·              Wara l-wirja ta’ xogħlijiet viżivi ta’ Austin Camilleri u żifna mill-kumpanija taż-żfin Moveo mnedija ġewwa Delhi fl-2018, il-Kummissjoni kompliet taħdem biex timmpromwovi t-talent ċinematografiku Malti permezz tal-parteċipazzjoni fil-Festival tal-Films tal-UE fl-ewwel nofs ta’ din is-sena.

·              Il-Kummissjoni Għolja għenet biex jinstabu sponsors biex tittella’ wirja ta’ artisti għomja Maltin f’Delhi iżda din kellha tiġi posposta sakemm jistabu fondi minn Malta għall-bijetti tal-ajru.

Konsolari

·              Il-Kummissjoni Għolja kompliet tipproċessa għadd kbir ta’ viżi minn applikanti mill-pajjiżi akkreditati (Indja, Nepal, Bangladexx, Sri Lanka) għal żjarat ta’ kummerċ u investiment, turiżmu, studju u xogħol. Il-Kummissjoni Għolja tirċievi l-akbar numru ta’ applikazzjonijiet għall-viżi fix-xahar.  Fl-ewwel erba’ xhur tas-sena 2019 biss ġew ipproċessati 3,387. Dan huwa servizz importanti biex ikomplu jikbru il-kuntatti bejn iż-żewġ pajjiżi u pajjiżi oħra.

·              Il-Konsolat offra servizzi li jinkludu tiġdid tal-passaporti, reġistrazzjoni ta’ twelid, żwiġijiet u mewt mar-Reġistru Pubbliku, u applikazzjonijiet għal ċittadinanza.  Bħala l-uniku Konsolat fir-reġjun, dan offra servizz importanti lil numru konsiderevoli ta’ turisti Maltin li spiss jiġu bżonn assistenza konsolari speċjalment f’każ ta’ passaporti mitlufin jew misruqa u problemi oħra li jiltaqgħu magħhom.

·              Ingħatat assistenza lil ċittadini Maltin ġewwa l-Indja, inkluż reliġjużi, li jwettqu xogħol ta’ għajnuna soċjali fil-komunità biex jinħarġilhom passaport Malti kif ukoll għajnuna mal-awtoritajiet Indjani fejn kienet meħtieġa.

·              Il-figuri li jittrattaw ħidma konsolari għall-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena huma dawn li ġejjin:

-              Assistenza lil ċittadini Maltin: 3
-              Dokument tal-Ivvjaġġar tal-Emerġenza: 1
-              Reġistrazzjonijiet mar-Reġistru Pubbliku: 3
-              Applikazzjonijiet għal ċittadinanza: 1
-              Mistoqsijiet dwar / applikazzjonijiet u ġbir ta’ Passporti: 14

·              Kompliet tingħata l-għajnuna lil għadd dejjem jikber ta’ koppji Maltin li jżuru l-Indja biex itemmu l-proċess tal-adozzjoni tagħhom inkluż biex jinħarġu d-dokumenti meħtieġa lit-tfal u l-permess ta’ ħruġ lill-ġenituri. Matul dawn ix-xhur saret ħidma intensiva biex jissolva każ ta’ adozzjoni mwaħħal għal żmien twil fil-qrati Indjani. Frott ta’ bosta laqgħat ma’ uffiċjali Indjani ġewwa Delhi u lokalment f’Gorakhpur, l-adozzjoni spiċċat b’wiċċ il-ġid u t-tifla setgħet tingħaqad mal-familja tagħha Malta.

·              L-interessi Maltin imħarsa aħjar f’Mumbaj: L-Exequatur għas-Sinjura Chandra Ruia bħala Konslu Onorarju ta' Malta f'Mumbaj b'ġurisdizzjoni fuq l-istat ta' Maharashtra ffirmat minn E.T il-President tal-Indja Ramnath Kovind, fit-13 ta’ Frar 2019 issanzjona uffiċjalment il-ħatra tas-Sinjura Ruia. L-Exequatur ġie eżattament sena wara l-preżentazzjoni tan-nomina formali tas-Sinjura Ruia grazzi għall-ħidma tal-Kummissjoni Għolja li kellha kemm-il laqgħa ma' rappreżentanti mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Indjan dwar din il-ħatra. Il-ħatra ta’ Konslu Onorarju ta’ Malta fil-kapitali finanzjarja tal-Indja huwa pass sinifjikanti fil-promozzjoni tal-interessi Maltin f’din il-belt.

·              Inżamm kuntatt mill-qrib ma’ turisti Maltin fis-Sri Lanka wara l-attakki terroristici li seħħu madwar il-pajjiż f’Ħadd il-Għid biex jinżammu ’l bogħod mill-periklu u biex jerġgħu lura Malta malli jkun possibbli.

Promozzjoni ta’ Malta

·              Ġie deċiż li r-riċeviment li tradizzjonalment jinżamm bħal daż-żmien tas-sena għall-organizzaturi ta’ tiġijiet Indjani flimkien ma’ Blue Marble Destination Management għandu jiġi pospost minħabba l-elezzoni ġenerali Indjana. Saru wkoll preparamenti biex il-Kummissjoni Għolja tieħu sehem f’Jum l-Ewropa.

Oħrajn

·              Saru għadd ta’ laqgħat u kuntatti mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Indjan u l-Ambaxxati akkreditati (Bangladexx, Nepal, Sri Lanka u Maldivi) biex jiġi assigurat il-vot tagħhom għall-elezzjonijiet li Malta qiegħda tikkontesta f’fora multilaterali inkluż l-Organizzazzjoni Internazzjonali Marittima u l-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda. 

·              Kompliet il-ħidma biex istituzzjonijiet edukattivi Maltin bħall-MCAST jistabbilixu rabtiet aktar mill-qrib ma’ istituzzjonijiet Indjani u fost oħrajn jiġu offruti korsijiet mill-MCAST u jinġiebu aktar studenti Indjani jistudjaw Malta.

Seduta  250
07/10/2019

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...