20.10.19

Ċerti żbalji jridu jirrepetu rwieħhom?




1.     Hemm minjiera ta’ għerf u informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-bniedem.  Il-ktieb, id-diversi dokumenti f’arkivji varji, films, issa iktar minn qatt qabel, qegħdin hemm jistennewna.  Jistennew li jinfetħu u jinqraw, jiġu mixtarra u meħuda lura fil-kuntest sħiħ storiku tagħhom.  Fil-kuntest ta’ dawk li jridu l-verità.  Ta’ dawk li jfittxu li jkunu jafu dak li ġara verament.  Dawk li huma l-fatti mhux l-impressjonijiet, jew dak li qalu, jew dak li uħud li kitbu l-istorja jriduna nemmnu.  Jekk tmur bis-sewwa tfittex, issib ferm iktar milli taħseb.

Memorji

2.     Tul dan is-sajf, fir-riċerka kontinwa li moħħi jeħodni fiha, sibt punti ġodda fit-tastieri tal-istorja.  Wara li erġajt qrajt partijiet mill-ktieb tal-ekonomista magħruf John Kenneth Galbraith, “The Affluent Society”, mort infittex.  Fuq l-ixkafef tal-Università, fl-eqqel tas-sħana sibt żewġ volumi tiegħu.  Ħadd, ma rajt, li kien ħadhom qabel.  F’wieħed minnhom, “A Life in Our Times”, sibt dak li għadda minnu wara t-Tieni Gwerra Mondjali.  Appena spiċċat, tqabbad sabiex jagħmel analiżi ekonomika ta’ dak li r-reġim Nażista kien applika.  Rapporti ekonomiċi li daħħluh sabiex isir jaf dawk li kienu responsabbli għat-traġedji li n-Nażiżmu ġieb miegħu.

Fatti

3.     F’żewġ kapitoli xejn twal imma diretti.  Wieħed ‘Germany, 1945’ u l-ieħor ‘Albert Speer and after’ jiftħu l-għajnejn dwar dak li jidher, u fuq l-oħra dak li verament kien.  Il-leġġenda ta’ organizzazzjoni perfetta taqa’.  L-istorja ta’ bnedmin kapaċi, aqwa minn oħrajn, taqa’ ferm u ferm iktar.  Hemm osservazzjonijiet ta’ fatt f’dak li dan il-bniedem sab fid-domandi li għamel, fid-dokumenti li ġew għad-dispożizzjoni tiegħu.  Fosthom, li d-dinja demokratika kienet iktar produttiva fil-“war effort” minn dik Nażista.  Kif ukoll li kien hemm parteċipazzjoni akbar tan-nisa fid-dinja anti-Nażista milli l-kontra.

Il-kontra ta’ dak li naħsbu

4.     Mhux biss, imma l-ewwel kapitlu jitlaq mill-fatt li din il-ġerarkija inkompetenti Nażista kienet għamlet l-aħħar xhur tagħha tixrob u taħrab mir-realtà.  Others also were undergoing rehabilitation.  Ribbentrop, Funk and Ley had been continuously drunk for months, a natural enough recourse for shallow, even primitive men who still, when sober, were able to see the inevitable.  Drink was the escape.  Albert Speer, in earlier interrogations had said: “In the last months one had always to deal with drunken men.”  He went on to guess that when the history of the Third Reich was written, it would be said that it drowned in a sea of alcohol.”

Tifhem iktar

5.     Meta taqra wkoll dak li numru ta’ Nsara fil-politika għaddew minnu fl-istess kunflitt.  Tifhem ukoll iktar meta tqis kif Don Luigi Sturzo, Segretarju tal-Partit Popolari Taljan, ġie trattat.  Kif il-ġerarkija tal-Kurja Rumana ddeċidiet li għandu jirreżenja, jitwarrab u jiġi eżiljat biex ma jkunx ta’ xkiel fir-relazzjonijiet mal-Faxxiżmu.  Wieħed jifhem kemm hemm min idum biex jifhem kemm il-Lemin, b’dożi qawwija ta’ Lemin ieħor, huma żbaljati.  Li mhumiex is-soluzzjoni għall-isfidi li l-kultura Kattolika tiltaqa’ magħhom.  Li mhumiex il-protetturi jew id-difensuri tal-Knisja Kattolika.  Li huma, anzi, l-anti-messaġġ Nisrani.  Li, anzi, jirkbu fuq l-ispazju li wħud fil-Knisja jagħtuhom biex jissudaw kontra dak li huwa l-Evanġelju u kontra d-duttrina soċjali tagħna.

Tgħallem l-istorja

6.     Hemm lezzjonijiet varji għad-dispożizzjonijiet tagħna.  Imma, sfortunatament, nibqgħu niltaqgħu ma’ dawk li jaħsbu li l-Lemin u l-forom żbaljati tiegħu huma soluzzjoni għal dak li hu għaddej fid-dinja.  L-isfidi ‘materjalisti’ tallum m’għandhom xejn differenti mill-isfidi ta’ qabel.  L-istrumenti, l-għodda għad-dispożizzjoni jistgħu jkunu differenti.  Imma s-soluzzjonijiet għalihom jibqgħu daqshekk ieħor kostanti.  Il-messaġġ Nisrani jitlob, minnu nnifsu, attenzjoni għall-metodu.  Jitlob attenzjoni għall-bżonn ta’ għarfien li ma hemmx ġustifikazzjoni f’użu ta’ mezzi żbaljati għall-għanijiet tajba.  Jitlob li ma jkunx hemm żbalji li, għada pitgħada, wieħed jiddispjaċih li jkun daħal fihom.

Ideat imħawda

7.     Il-Qaddis Papa Pawlu VI, dawn l-iżbalji m’għamilhomx.  Anzi, bata huwa stess minnhom.  Kien il-bniedem li ġie mbaskat sew.  Kien ra b’għajnejh kif il-politika hija importanti fil-ħajja, u li huwa possibbli li jkollok waħda li tispira ruħha mill-valuri Nsara.  Kien jemmen fiha huwa wkoll, mingħajr ma nħakem minnha.  Biss illum, sfortunatament, hawn min irid inessi dik il-memorja.  Qisu jistħi mill-iżbalji, difetti u nuqqasijiet varji tal-Insara tiegħu fil-politika biex jarmi kollox.  Proċess li jiftaħ il-bieb għall-ispazju ta’ dawk li mhumiex Insara.  Jiftaħ u jżid għalih innifsu iktar il-problemi li jiġu bil-proposti li rajna u qegħdin naraw.

Ma hemmx min jgħallem

8.     Forsu wħud jistgħu jaħsbu li din il-problema mhix l-isfida prinċipali.  Jista’ jkun, però li hemm bżonn li jsir mill-ġdid huwa l-għarfien li l-Lemin Estrem ħsara biss iġib.  Li mhuwiex is-soluzzjoni, jew il-protezzjoni kontra dawk li huma fuq linji anti-Kattoliċi.  Hemm lezzjonijiet varji u kostanti fl-istorja, fl-esperjenza umana li trid tingħad mill-ġdid.  Nappella sabiex dan isir, għax serjament nittama li dawn l-iżbalji ħoxnin ma jerġgħux jirrepetu ruħhom.



No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...