13.9.16

L-avvjament Qed Jintilef.




1.      Fil-ħajja hemm varjetà kbira.  Drabi ssib spjegazzjoni għaliha, oħrajn le.  Bħal ikun hemm min ma jistax jifhem kif ħanut żgħir issibu mimli bin-nies u ma jistax ilaħħaq magħhom, u ieħor ikbar u mill-isbaħ imma nieqes mill-klijentela.  Il-kummerċ tagħna jagħti importanza u valur finanzjarju lil dak li nsejħu “l-avvjament”.  Għax hemm differenza meta ser tqiegħed fis-suq ħanut imqabbad sew minn wieħed li għad irid jitqabbad.  Hemm varjetà ta’ raġunijiet għala dan ikun.  Ħafna però jiddependi fuq min ikun qiegħed imexxi n-negozju.  Jekk ikunx ġenwin man-nies fil-prodott jew ikunx moħħu biss biex jara x’ser jakkwista.  In-nies veru jbatu bil-grazzja, biss din nafu li ma tiġix mix-xejn.

Intangible asset
2.      Dak li nsejħu “l-avvjament”, l-Ingliżi jsejħulu “goodwill”.  Diversi fis-suq jifhmu biha bħala “an intangible asset ghat arises as a result of the acquisition of one company by another for a premium value.  The value of a company’s brand name, solid customer base, good customer relations, good employee relations, etc.”  Pajjiżna mhuwiex ħanut żgħir tan-negozju; biss ilkoll nafu li huwa wkoll għandu l-avvjament prezzjuż tiegħu li jrid jipproteġi.  Għax l-avvajment, għalkemm jeżisti, għandu valur u jagħmel differenza.  Mhuwiex bħall-muniti tal-flus miġbura fil-bank.  Anzi, kif jafu diversi fil-kummerċ, jista’ jkollok il-flus, biss ma jfissirx li ser taqla’ minnhom.  Tista’ tkun kapitalist, biss mhux neċessarjament intraprenditur.  Tista’ tbigħ li ssib mingħajr ma kapaċi ġġib il-ġdid.

Assigurat il-ġustizzja soċjali
3.      Tul dan ix-xahar, il-Partit Nazzjonalista beda qabel jirranka għall-festi tal-Indipendenza.  L-attivitajiet diġà bdew isiru.  Nhar it-Tnejn sibtni fil-Każin ta’ Santa Luċija u kien hemm ġabra qawwija ta’ segwaċi li qed iwieġbu għas-sejħa leġittima tagħna.  Sejħa li qegħda tiġi xprunata mill-ħsieb li nirnexxu lkoll flimkien.  Il-messaġġ huwa wieħed nazzjonali.  Il-pajjiż f’daqqa jrid jimxi ‘l quddiem.  Kull ċittadin tiegħu għandu l-istess drittijiet, ugwali, jgħix u jaħdem, il-libertà u l-ġustizzja.  L-indipendenza hija valur għalina, proprju għax għamlitna poplu Sovran u assigurat ġustizzja soċjali ikbar bejnietna.  Fuq dan, fit-tnejn u ħamsin sena li għaddew, bnejna pajjiż li sa ftit snin ilu l-Partit Nazzjonalista ħallih b’avvjament qawwi.

Reputazzjoni taħtna
4.      Ir-reputazzjoni tagħna ma marritx lura taħt l-aħħar leġislatura.  Ġibna rispett li għalkemm żgħar fil-qies u fil-kwantità ta’ poplu m’aħniex neqsin mill-kwalità.  Ta’ kif bqajna nħaddmu l-valuri nsara llum.  Dak kollu li għaddejna minnu, anzi tul dik il-leġislatura, ġibulna ħafna iktar kredtu ma’ dawk li jħarsu fuq kollox lejn l-avvjament nazzjonali tagħna.  Dan ma ġiex mix-xejn.  Anzi, proprju minħabba numru ta’ punti, fosthom: l-ewwel, li fil-kriżi finanzjarja li bdiet fl-2009 bil-kwistjoni tal-Lehman Brothers, aħna bqajna għaddejjin u ma dħalniex għall-intoppi tal-oħrajn.  It-tieni, li kellna l-kuraġġ naffrontaw il-kumplikazzjonijiet tal-gwerra ċivili Libjana, meta salvajna diversi ċittadini tad-dinjaminn dak il-pajjiż u ħadna ħsieb naħdmu favur id-demokrazija u l-libertà għall-poplu Libjan.  It-tielet, il-mod uman u kemm jista’ jkun dinjituż li bih affrontajna l-isfidi tal-immigrazzjoni irregolari.

Penny wise and pound foolish
5.      Għalkemm hemm min fuq il-parti ta’ fuq tal-Unjoni Ewropea li jħares lejn dawk ta’ isfel b’ċertu domandi u forsi wkoll, sfortunatament, aħna ma batejniex minnha.  Biss, kif  nafu, ħanut jibqa’ li huwa meta jkollu l-istess idejn.  Meta dawn jinbidlu l-affarijiet ma jibqgħux kif kienu.  Anki jekk tkun ħallejt avvjament tajjeb, jekk min jidħol ma joqgħodx attent għar-reputazzjoni, ma jibqax bl-istess stima u kunsiderazzjoni.  Tul din il-leġislatura qbadna mill-ewwel fuq sieq ħażina f’dan.  Il-proġett materjalizzat li tbigħ iċ-ċittadinanza Maltija għamel, u għadu llum fix-xenarju tal-Brexit isarrfilna fi ħsara kbira.  Tmur fejn tmur fl-Unjoni Ewropea, pajjiżna issa ġie assoċjat mal-bejgħ ta’ oġġett ta’ valur li m’għandux jidħol fil-kummerċ.  Tlifna biha fir-reputazzjoni u ma nafx proprju x’qed nirbħu.  Kif jgħidu: il-Gvern kien “a penny wise and a pound foolish”.

Lezzjonijiet tal-ħajja
6.      Dan żdidilna iktar u iktar bil-kwistjoni Panama.  Din il-problema qegħdin naraw lill-Gvern jaħrab minnha.  Jaġixxi bħallikieku ma teżistix.  Mentri, kif il-bnedmin ta’ rashom fuq għonqhom jafu, din mhix tiġi aċċettata fl-Unjoni Ewropea u fid-dinja demokratika.  Id-dell ikrah tagħha li daħħalna fil-lista u l-kategorija ta’ dawk li ma jiddejqux iqumu u jorqdu mal-korruzzjoni naqqset biċċa sew oħra mill-avvjament tagħna.  Għax il-bnedmin jagħmlu differenza bejn dawk li jilbsu ħwejjeġ li mhumiex fini imma nodfa, u dawk li jkollhom ilbies fin imma maħmuġ.  Dawn lezzjonijiet li kull min huwa fil-ħajja, kull min ilu wkoll fil-politika jaf li ma jistax jaħrab minnhom.  Jew jaffrontahom u jżomm ir-reputazzjoni, inkella jkompli jitlef.

Flimkien stinkajna
7.      Tul il-ġimgħa rajna l-effett ta’ dan, b’ex ministru jiġi mistoqsi domandi li messew dawn is-suġġetti li kienu imbarazzanti.  Mhux biss għalih li kellu l-isfortuna u d-dwejjaq li jrid iwieġeb għalihom, imma iktar u iktar għalina bħala poplu li bdejna issa nisimgħu dak li x-xandir nazzjonali jipprova kull darba jnaqqas l-effett ikrah tiegħu.  Il-klijentela kulħadd jaf kemm trid tistinka biex tibniha u faċli li titlifha.  Sa issa, tul is-snin li għaddew, stinkajna lkoll flimkien biex il-pajjiż, u aħna miegħu, nirnexxu.  Biss, irridu nibdew nifhmu li dak li bnejna qiegħed jinħatt quddiemna.  L-effett mhuwiex wieħed żgħir, għalkemm huwa wkoll importanti ta’ vot ‘l hemm jew ‘l hawn, imma ta’ dak li aħna bħala poplu.

Arroganza politika
8.         Ir-realtà hija iktar minn qatt qabel li min qiegħed imexxi, għal xi raġuni jew oħra, mhuwiex jirrealizza li sejrin lura.  Mhuwiex jinduna li fiċ-ċrieki Ewropej hemm min qiegħed iħossu skomdu ħafna b’dak li qiegħed isir minn dan il-Gvern.  L-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza kienet u għadha żbaljata.  Li nkomplu ninjoraw lil kulħadd u ngħaddsu qisu ma huwa xejn mhux qiegħed isarraf ta’ ġid.  Bħalma anqas il-mod ta’ kif qed naffrontaw il-kwistjoni Panama.  Qiegħed jintbagħat messaġġ ta’ arroganza li jew hija mwielda mill-maġġoranza esaġeratament qawwija tal-partit fil-poter jew għal raġunijiet oħra li qed tkompli tnaqqas mill-avvjament tagħna.  Il-ħsara li kellha ssir saret, u minn dak li qed naraw, ser tkompli.  Dan għax l-arroganza sarrfet f’iktar ras iebsa li ser tnawwar l-avvjament tagħna lkoll.  Naħdmu għalhekk fi ħdan il-Partit Nazzjonalista biex dan inġibuh lura billi nirnexxu lkoll flimkien.



No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...