15.9.16

ABBOZZ TA’ LIĠI DWAR IN-NEGOZJI TAL-FAMILJA - ABBOZZ NRU 161




ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI:  Sur President, ħadt pjaċir nisma’ liż-żewġ kelliema preċedenti jitkellmu dwar dan l-Abbozz ta’ Liġi li mhux biss jimmerita diskussjoni iżda jimmerita wkoll appoġġ. 

Fl-opinjoni ta’ diversi nies, dan l-Abbozz ta’ Liġi qiegħed jirrikonoxxi numru ta’ valuri u numru ta’ prinċipji tas-soċjetà tagħna.  L-ewwel nett għandek il-valur tan-negozju mmexxi mill-familja.  Ejjew nammettu li kienu l-familji li bnew din il-backbone importanti fin-negozju ta’ pajjiżna.  Kien hemm uħud li bdew in-negozju tagħhom f’xi kantuniera u mbagħad espandew, kien hemm uħud li żviluppaw f’partijiet u f’affarijiet differenti però żgur li kienu l-familji li bnew dan ir-rapport tajjeb.

It-tieni, dan huwa Abbozz ta’ Liġi li jmur kontra t-tendenza tal-linja individwalista u l-linja ta’ dominazzjoni kapitalista għar-rigward tan-negozju.  Dan għaliex meta inti qed tirrikonoxxi l-familja tkun qiegħed tirrikonoxxi wkoll il-prinċipji li tħaddan, mhux l-inqas is-solidarjetà bejn il-membri tagħha kif ukoll mal-ħaddiema li timpjega.  Nafu b’diversi negozji tal-familja fejn pereżempju l-missier idaħħal miegħu lil uliedu, idaħħal miegħu lin-nisa ta’ wliedu u eventwalment anke t-tfal tat-tfal u b’hekk il-kumpanija tieħu l-identità tagħha mhux tant min-negozju li tkun qed tmexxi iżda minħabba l-valuri li jkollha.  Pereżempju li jżommu l-kelma, li jagħmlu xogħol tajjeb, li jħallsu fiż-żmien li għandhom iħallsu, u li jittrattaw tajjeb lill-impjegati tagħhom.  Dawn huma l-valuri – jien ngħidilhom Insara u demokratiċi Kristjani – li permezz tagħhom issudajna s-soċjetà tagħna fl-importantza li għandha tagħti lill-iSmall and Medium Enterprises (SMEs). 

F’pajjiżna għamilna żmien twil nieħdu ħsieb li nipproteġu lill-SMEs għax l-SMEs huma l-garanzija finali għall-ekonomija ta’ kull pajjiż.  L-ewwel nett għaliex hemm il-prinċipju tas-solidarjetà li semmejt qabel, jiġifieri li wieħed iħenn għall-ieħor, jew li jieħu ħsieb u jimxi b’diliġenza, jew li jieħu ħsieb jimxi b’onestà u b’rettitudni fl-affarijiet li jkun qiegħed jagħmel, u t-tieni għaliex at stake hemm il-proprjetà tal-familja. 

Il-limited liability company meta ġiet f’pajjiżna biddlet legalment il-mentalità però mhux neċessarjament kummerċjalment.  In-nies li kienu għal ħafna żmien kienu l-backbone tan-negozju f’pajjiżna kienu nies tal-familja u allura baqgħu jħarsu lejn in-negozju tagħhom bħala kredtu tagħhom stess, jiġifieri ma kinux qed jiżvestu ruħhom mir-responsabilità għax qiegħdu l-flus ġo dik il-kumpanija fil-każ li din tfalli.  U nafu b’diversi kumpaniji li sabu lilhom infushom f’diffikultajiet finanzjari kbar iżda baqgħu jżommu l-ħaddiema u l-impenji tagħhom u saħansitra baqgħu jagħmlu telf għal ċertu tul ta’ żmien sempliċement biex iżommu l-isem tajjeb tagħhom.
Fl-istess ħin dawn il-kumpaniji kellhom viżjoni u tajjeb ngħid li ħafna min-negozju f’pajjiżna sar proprju minħabba l-viżjoni ta’ ċertu nies.  U dan huwa element importanti li dan l-Abbozz ta’ Liġi, fl-opinjoni tiegħi, qiegħed jirrikaċċja għax dan l-Abbozz ta’ Liġi qiegħed jagħti s-saħħa lill-intraprenditur aktar milli lill-kapitalist, jiġifieri qiegħed jagħti s-saħħa lill-bniedem li għandu l-ideat u l-fantasija u li kapaċi jiddiversifika u minn ħaġa kapaċi jara xi ħaġa li ħaddieħor mhux kapaċi jara u jittrasformaha f’realtà.  U f’ħajti jien kelli x-xorti li niltaqa’ ma’ diversi nies fin-negozju li mhumiex kapitalisti iżda intraprendituri. 

Dan l-aħħar kont qed naqra li l-kumpanija Lavazza qed jidħlu fid-dinja tal-green economy.  Jien mort fil-ħanut oriġinali tagħhom f’Turin u dan kien biss kamra żgħira bħal kwalunkwe ħanut tat-te f’pajjiżna però mbagħad il-kumpanija bdiet tiddervisifika, bdiet tissoda u llum nistgħu ngħidu li huma leaders f’din il-parti partikolari. 
Għalhekk, dan l-Abbozz ta’ Liġi qiegħed jieħu ħsieb jissoda s-solidarjetà u qiegħed ukoll jieħu ħsieb li jagħti valuri ekonomiċi li huma umani.  Meta qed nitkellmu fuq l-intraprenditur qed nitkellmu fuq xi ħadd li kapaċi jibni idea u fl-istess ħin kapaċi jagħraf it-talenti u l-kwalitajiet tan-nies tiegħu.  Jekk bniedem fin-negozju m’għandux l-umiltà li jifhem in-nies li għandu taħtu u kif joħroġ l-aħjar minnhom, sfortunatament m’għandux in-negozju kif għandu jkun.  Allura dan l-Abbozz ta’ Liġi, kuntrarjament għal dak rajna fid-dinja u anke f’pajjiżna, qed joħloq kontrotendenza li jipprova jħajjar negozji kbar li huma labelled ma’ ċertu familja biex jimxu b’dan il-mod. 

Forsi jkun hawn min jgħid li qed inħares lejn dan kollu b’ċerta nostalġija imma le, qed inħares mill-aspett tal-kredibilità tan-negozju ta’ pajjiż u tal-kunfidenza fis-suq.  Kulħadd jaf li meta mill-FIAT warrbet il-familja Agnelli, li kienet il-backbone ta’ din il-kumpanija, kien hemm ċertu biża’, kemm fis-suq kif ukoll fost ix-shareholders.  Għalhekk, kemm fuq livell lokali kif ukoll fuq livell Ewropew għax aħna parti mill-Ewropa li għad fadlilha futur u li għadha b’saħħitha u li bħala Malta għad fadlilna sehem importanti ħafna x’nagħtu, nasserixxu l-bżonn li nipproteġu u nħajru lit-tfal tan-nies li hemm fin-negozju biex jibqgħu fin-negozju ta’ missirijiethom.  Ħafna drabi ma nirrealizzawx li meta f’kumpanija jkun hemm it-tifel tas-sid, bil-preżenza tiegħu biss ukoll jiggarantixxi li l-kumpanija timxi ’l quddiem. 

Sur President, l-inċentivi li hawn f’dan l-Abbozz ta’ Liġi huma tajbin u ma rridx nimminizzahom però naħseb li wieħed għandu jidħol ferm aktar fid-dettall u jara attwalment x’inhuma l-problemi li qegħdin jiffaċċjaw numru ta’ kumpaniji.  Fin-negozji tagħna hemm ċertu permanenza u ħafna drabi r-rabtiet kummerċjali jkunu essenzjali biex iżommu l-kunfidenza għolja fis-soċjetà tagħna u għalhekk għandna bżonn li jkollna dan l-Abbozz ta’ Liġi. 

Ta’ min jgħid li b’dan l-Abbozz ta’ Liġi qegħdin inkomplu fil-linja tax-xogħol li sar mill-Gvern preċedenti, jiġifieri li jkollna fiduċja fin-negozjant Malti li huwa kapaċi jagħmel il-ġid kemm f’pajjiżna kif ukoll barra minn pajjiżna.  Hemm opportunitajiet tad-deheb għall-futur.  Meta l-Libja, it-Tuneżija, l-Alġerija u l-Eġittu jistabbilixxu ruħhom aħjar u jżidu l-valuri tal-libertà u tal-ġustizzja, ħafna negozji tal-familja f’pajjiżna se jkollhom l-opportunità li jmorru jagħmlu negozju f’dawn il-pajjiżi.  U l-verità hija li diversi negozjanti li niltaqgħu magħhom meta mmorru f’pajjiżi oħra wkoll ġejjin minn background ta’ ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ negozju tal-familja.

Waħda mid-diffikultajiet kbar li semma tajjeb l-Onor. Charles Mangion u li aċċenna għaliha l-Onor. Claudio Grech hija kif taffronta nies li għandhom negozju tal-familja u li, sfortunatament, il-komponenti ta’ dik il-familja bdew jiġġieldu bejniethom.  Bħala avukat kelli kawżi fil-qorti ta’ membri tal-istess familja li bdew jiġġieldu bejniethom, jew inkella bdew jagħmlu l-bsaten fir-roti lil xulxin, u li jiġri jkun li filli jkollok kumpanija li għandha direzzjoni u filli jkollok jew żewġ kumpaniji jagħtu bejniethom jew kumpanija li mhux qed timxi ’l quddiem. 

Meta jinqala’ l-ġlied f’negozju tal-familja jkollok żewġ problemi.  Dawk li studjaw dwar l-ewwel tip ta’ kumpaniji taħt id-dritt Ruman jafu li r-Rumani kellhom dak li jgħidulu ‘affectio societatis’, jiġifieri l-fiduċja bejn il-partners fil-kumpanija.  Kif tispiċċa dik il-fiduċja wieħed fl-ieħor jibda l-inkwiet, daqqa għax jidħol ħaddieħor u daqqa għax wieħed idaħħal it-tfal tiegħu u allura ħafna mil-limited liability companies qabel kienu jeħtieġu li r-rabta bejn in-nies fil-kumpanija trid tkun rabta ta’ żwieġ.  Din kienet toħloq diffikultajiet kbar għax hekk ma kienx hemm klawsola li biha wieħed jista’ joħroġ mill-kumpanija.  Ma kienx hemm exit clause! 

Wara din l-esperjenza f’diversi kumpaniji li ffurmajt jien dejjem daħħalt exit clause.  Fil-kuntratt dejjem daħħalt klawsola biex jekk wieħed mill-partners ma jħossx li għad għandu postu fil-kumpanija jew għal xi raġuni jiddeċiedi li jrid joħroġ minhha, jinforma lill-parti l-oħra, jagħti terminu ta’ żmien u f’dan iż-żmien il-parti l-oħra jkollha d-dritt jew li tixtri l-ishma tiegħu jew inkella li jxolju l-kumpanija.  Nista’ ngħid li din il-klawsola qatt ma ġiet użata però tajjeb wieħed jara jekk kemm-il darba f’dan l-Abbozz ta’ Liġi għandniex indaħħlu klawsola simili li tkun taffettwa l-limited liabilty companies u kumpaniji oħrajn fil-każ ta’ inkwiet familjari.

Sur President, dan l-Abbozz ta’ Liġi qed jipprova jirrikonċilja s-sitwazzjoni li għandna mibnija fil-Kodiċi tal-Kummerċ u s-sitwazzjoni li għandna mibnija fl-Att dwar il-Kummerċ.  Hawnhekk għandna d-diffikultà kbira li f’pajjiżna għandna ħafna negozji li la huma limited liability companies, la huma en nom collectif u lanqas mhuma taħt xi struttura oħra.  Minħabba f’hekk, tkun diffiċli ħafna li dawn il-kumpaniji – ħafna drabi huma tal-familja – tmexxihom ’il quddiem.  Forsi kif qal l-Onor. Grech, nistgħu nirregolahom aħjar jew forsi nagħtuhom struttura legali aħjar, però hemm ċertu sitwazzjonijiet fejn dak li aħna nsejħulu ‘going concern’ joħloq ħafna diffikultajiet. 

F’leġiżlaturi oħra konna għamilna numru ta’ emendi proprju biex ngħinu nies fin-negozju u biex ngħinu nies li qegħdin f’SME.  Insemmi, pereżempju, li konna għamilna mandat il-qorti apposta biex nipproteġu a going concern.  Konna għamilnieha li wieħed jista’ jqiegħed il-kumpanija f’idejn xi ħadd li kapaċi jmexxiha u li għandu l-fakultà li jixtri u li jbiegħ ħalli l-kumpanija jipproteġiha waqt li hemm in-nies qed jiġġieldu fiha, jew inkella waqt li hemm ħaddieħor li qiegħed jipprova jattakkaha għax ikun hemm min għandu jieħu l-flus però jkun hemm ukoll manuvri ta’ attakki trasversali bejn nies fin-negozju biex jeliminaw lil xulxin.  
Din l-emenda dwar il-going concern konna daħħalnieha biex nissalvagwardjaw in-nies li qegħdin fin-negozju u l-familji li m’għandhomx neċessarjament limited liability company sabiex l-assets tagħhom ma jintilfux.  Fil-fatt, f’dak l-Att konna għamilna definizzjoni ta’ ‘going concern’, li f’dan l-Abbozz ta’ Liġi m’hawnx referenza għaliha.  Veru li l-Ministru għandu dritt jagħmel leġiżlazzjoni sussidjarja u jdaħħal kwalunkwe forma oħra ta’ negozju però dik id-definizzjoni aħna konna għamilnieha apposta biex nipproteġu n-negozji żgħar u medji għax ħafna drabi minn dik iż-żerriegħa żgħira jikbru kumpaniji kbar.  Fil-fatt, konna għedna hekk:

““going concern” means any kind of commercial enterprise conducting a business activity and includes machinery, apparatus, goods, corporeal and incorporeal rights, movable property, immovable property, licences, copyright and goodwill.

Konna għamilna wkoll protezzjoni fil-mandati ta’ sekwestru.  Konna għedna li jekk inti għandek overdraft facility din ma tistax titwaqqaf minn mandat ta’ sekwestru.  L-istess home loan.  Jekk kemm-il darba inti għandek home loan dik ukoll ma tistax titwaqqaf minn mandat ta’ sekwestru.  Dan għaliex ħafna drabi huma l-ismall and medium enterprises li jagħmlu x-xogħlijiet fid-djar.  Meta qabel kien joħroġ mandat ta’ sekwestru u jwaqqaf home loan min kien ibati?  Mhux in-negozji ż-żgħar u s-self-employed li kienu jispiċċaw ma jitħallsux?!  B’hekk assigurajna li n-negozju jkompli jikber u li l-familji li qegħdin f’dawn it-tip ta’ kwestjonijiet jibqgħu għaddejjin.

Għamilna l-istess meta daħħalna l-klawsola dwar il-bejgħ bis-subbasta.  Konna għedna li meta debitur isib lilu nnifsu fl-isfortuna li l-proprjetà li qed tagħmel tajjeb għan-negozju tiegħu se tinbiegħ, mill-inqas irid iġib 60% tal-valur tagħha.  Jekk ma jġibx 60% tal-valur tagħha, ma tinbiegħx.  U dik hija miżura oħra intenzjonata li tipproteġi lill-familji.  Għaliex?  Għax ħafna drabi l-familji li jidħlu fin-negozju jagħmlu tajjeb għan-negozju mhux bil-kapital ta’ ħaddieħor imma bil-kapital tagħhom stess.  Pereżempju jagħmlu tajjeb bid-dar tagħhom, jew bid-dar tan-nisa tagħhom, jew bi kwalunkwe proprjetà li jkollhom fil-familja.  Ġieli jkun hemm min jagħmlulu tajjeb anke z-zijiet tiegħu.

Għamilna wkoll emenda għal meta wieħed jiġi biex ibiegħ ishma f’kumpaniji tal-familji.  Hawnhekk daħħalna l-possibilità li l-ishma jiġu mibjugħa però għedna li dak li jkun irid jieħu ħsieb jinnotifika lill-parti li għandha d-dritt li tixtri l-ishma bil-bejgħ bis-subbasta ħalli tkun tista’ tmur u tixtri l-affarijiet hi. 

Dawn il-miżuri naħseb li servew u għadhom qegħdin iservu biex in-negozji f’pajjiżna jimxu ’l quddiem għax hekk ħadna ħsieb nipproteġu lill-SMEs fl-aktar mument vulnerabbli tagħhom.  Għaldaqstant issa huwa importanti ħafna li nassiguraw li jkun hemm it-trasferiment tan-negozju tal-familja u li jkun hemm inċentivi biex il-membri tal-familja jibqgħu jaħdmu fl-istess linja, anzi naħseb li għandna nħajruhom iżommu n-negozji tagħhom anke għall-quddiem.

Sur President, f’dan l-istadju nixtieq nagħmel numru ta’ punti żgħar biex forsi l-Ministru jikkjarifikahom meta jagħmel ir-replika tiegħu.  Nibda bi klawsola 4 li tgħid hekk:

“Għall-finijiet ta’ dan l-Att, azzjonijiet jew kapital azzjonarju tal-kumpannija għandhom ifissru:
(a) il-kapital azzjonarju maħruġ tal-kumpannija; u
(b) l-azzjonijiet li jagħtu d-dritt ta’ dividenti.”

Ma nafx jekk il-kelma għandhiex tkun ‘jew’ minflok “u” biex ikunu separati u distinti minn xulxin.  U ma nafx jekk dawn jinkwadrawx fir-rigward ta’ min għandu l-ishma tiegħu li huma mirhuma mal-Bank.  Ma nafx jekk jaqgħux taħt din il-kategorija jew le. 

Nixtieq inqajjem l-istess punt rigward klawsola 10.  F’din il-klawsola hemm enfasi fuq il-fatt li n-negozju jrid ikun attiv.  L-ewwel nett huwa ftit diffiċli li xi ħadd jagħmel kriterju għal ħaddieħor kif għandu jkun attiv jew le.  It-tieni, għandna kumpaniji li huma holding companies għal kumpaniji oħrajn.  Għandna familji li biex jipproteġu lilhom infushom għamlu double buffer; għamlu kumpanija fuq quddiem li tagħmel in-negozju u mbagħad għamlu a holding company li mhux neċessarjament tkun attiva imma li tkun protettiva u fl-istess ħin tkun il-garanzija tal-kumpanija li qed tagħmel in-negozju.  Għalhekk, naħseb li m’għandniex bżonn inkunu wisq rigorużi f’dan ir-rigward.  Tajjeb li wieħed jilleġiżla però ma jridx jilleġiżla żżejjed.

Niġi għal klawsola 11.  L-objettivi fi klawsola 11 huma tajbin però jkun tajjeb li dawn jiġu fil-parti ta’ quddiem tal-Att. 

Klawsola 12.  Din il-klawsola hija dwar dawk li jistgħu jibbenefikaw mill-Att dwar il-Promozzjoni tan-Negozju u hija xi ftit drakonjana għax tgħid li negozju tal-familja jrid “jissodisfa l-kondizzjonijiet kollha tal-ftehim tal-kera”.  Il-Ministru jaf kemm iqumu kwestjonijiet fil-qorti fuq jekk klawsola hijiex qed tiġi osservata jew le u allura naħseb li hawnhekk m’għandniex għalfejn ngħidu li negozju jrid jissodisfa l-kondizzjonijiet kollha tal-kera.  Ikun biżżejjed li ngħidu li wieħed iżomm fuq il-linja ġenerali.  U aħna li qegħdin nilleġiżlaw imbagħad m’għandniex insibu t-trażmissjoni ta’ din mhux applikabbli meta xi ħaġa jiġi jgħidilna:  Dan għandu dawn id-difetti kollha u għax għandu dawn id-difetti kollha allura ma jikkwalifikax għaliha! 

L-Abbozz ta’ Liġi diġà qed imexxi ’l quddiem ċerti setturi però jiflaħ imexxi setturi oħrajn.  Għaldaqstant naħseb li Ministru għandu jara jekk kemm-il darba għandux jagħmel xi ftit emendi.

Sur President, niġi għal klawsola 33.  Din il-klawsola qed tistabbilixxi r-reati u jien rajtha ftit stramba, mhux tant għax m’għandux ikun hemm penalitajiet meta xi ħadd jabbuża imma nibża’ li hemm overlap qawwi bejn dak li hemm fil-Kodiċi Kriminali u dak li qed jingħad hawnhekk.  Naħseb li qed jiġu stabbiliti pieni ftit differenti minn dawk li għandna fil-Kodiċi Kriminali.  Issa jekk dan huwa assolutament neċessarju, inħalluha kif inhi, però kieku jien inħalli l-artikoli ġenerali tal-falsifikazzjoni u taħt il-Private Act jew il-Public Act indaħħal id-dikjarazzjoni li xi ħadd għamel meta ddikjara li huwa family concern iżda fil-fatt ma kienx a family concern. 

F’din il-klawsola rajt ukoll li s-subklawsoli marbutin mad-dritt kriminali jiżgarraw xi ftit.  Naf li t-trend hija li min jabbozza liġi f’din il-biċċa jagħmel ir-reati però rridu naraw ftit xi rridu u ma rridux. 

L-istess is-subklawsola (3) ta’ klawsola 32.  Hawnhekk qed jingħad,  “jirrifondi xi benefiċċji”.  Wieħed jifhem x’inhu l-prinċipju però wieħed irid ikollu wkoll ftit ekwità.  Għaliex qed ngħid hekk?
Jista’ jkollna nies li forsi jkunu ħadu ċertu triq u mbagħad kellhom komplikazzjonijiet.  U fin-negozju għandna nies li mhux se ngħid li huma dritti daqs ix-xemgħa imma li jkollhom ċerta rettitudni u jibżgħu minn ċerti affarijiet imma mbagħad għandna nies li jsibu lilhom infushom f’vortex u dak il-vortex minflok jiġbidhom ’il fuq, jiġbidhom aktar ’l isfel u jibdew jagħmlu affarijiet li forsi m’għandhomx jagħmluhom.  Tikkondonaha?  Le, però jista’ jkun hemm perjodu li fih wieħed irid iħares oġġettivament u jgħid x’sar sewwasew u jekk jimmeritax li wieħed ikollu din is-sitwazzjoni daqshekk drakonjana. 

Finalment niġi għal klawsola 32.  Din il-klawsola mhux talli qed tgħid li jekk ikollok il-kanċellazzjoni trid tirrifondi l-benefiċċji li tkun ħadt, talli qed tagħti lir-regolatur il-possibilità li juża l-ittra uffiċjali eżekuttiva li konna introduċejna bl-artiklu 466 tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili.  Fil-fatt, is-subklawsola (3) qed tagħti l-poter lir-regolatur li joħroġ ittra uffiċjali eżekuttiva taħt l-artiklu 466 u mhux taħt l-artiklu 166A li jistabbilixxi defence mechanism għad-debitur jew għall-persuna li tkun qiegħda on the receiving side u meta l-Gvern jagħmel ittra uffiċjali b’dan il-mod, il-parti l-oħra l-uniku mod kif tista’ tikkontestaha huwa billi tidħol f’kawża. 

Jekk għandna negozju tal-familja li għandu ċerta reputazzjoni f’pajjiżna u dan isib ruħu f’junction partikolari, għandna nippermettu li l-Att li qiegħed hemm biex jipproteġi lil dawn in-negozju jkun hu stess li jagħmel torpedo assoluta u jolqot dawn l-affarijiet?  Issa forsi wieħed jgħidli li din tintuża as a last resort, jista’ jkun, però l-esperjenza wrietni li meta jkun hemm dak il-poter, se jiġi użat.  Mill-esperjenza tiegħi nista’ ngħid li r-regolatur se jibża’ u jgħid: “La għandi dik il-possibilità ma nistax ma nużahiex għax imbagħad ħaddieħor joqgħod jsitaqsini għalfejn ma użajthiex!”

Naħseb li hawnhekk ta’ min jikkonsidra l-affarijiet daqsxejn fit-tul u jara x’se nagħmlu.  Pereżempju se nagħmlu żona li permezz tagħha n-nies fin-negozju tal-familja nkomplu nissudawhom għax huwa fl-interess kummerċjali ta’ pajjiżna, fl-interess tal-valuri tas-solidarjetà u fl-interess tal-valuri tal-onestà, tal-irġulija u tal-metodu tajjeb?  Infakkar li l-ġenerazzjoni ta’ qabilna ħallew kredtu kbir fil-Mediterran.  In-negozjant Malti, fil-Mediterran, fi Tripli, f’Barċellona, f’Istanbul, imsomma kullimkien, kein magħruf li għas-servizz li jixtri, iħallas, li kien iżomm il-kelma tiegħu u li kien ħanin fl-affarijiet tiegħu. 

Dan l-element ta’ ħniena ninkwieta meta narah jisparixxi fin-negozju però qed nittama li b’dan l-Abbozz ta’ Liġi wieħed ikun jista’ jibda jiftaħ il-bieb biex immorru kontra din it-tendenza li wieħed ma jkollux rispett lejn l-ieħor.  Hawn min jaħseb li jekk kemm-il darba se jakkwista biċċa negozju, għandu jagħti daqqa ta’ sikkina lil ħaddieħor!  L-aqwa li jimxi hu ’l quddiem!  Hawn saħansitra min jaħseb li m’għandu jkollu ebda forma ta’ ritenju jew ta’ skruplu fil-mod ta’ kif jimxi.  Naħseb li in the long term dan se jmur kontra l-interessi tal-ekonomija ta’ pajjiżna u kontra l-interess li jkollna komunità kummerċjali li tirrspetta aktar lilha nnifisha lill-ħaddiema.

Kif qalu tajjeb l-Onor. Charles Mangion u l-Onor. Claudio Grech, l-esperjenza turina li n-negozji tal-familja li baqgħu b’saħħithom, baqgħu b’saħħithom għax kienu leali u dejjem ġabu rispett mhux biss lejn il-ħaddiema tagħhom imma anke lejn il-familji tal-ħaddiema tagħhom.  Fil-fatt, naf diversi negozjanti li meta miet impjegat minn tagħhom, għal ċertu perjodu ta’ żmien baqgħu jagħtu xi flus lill-armla tiegħu biex ipattu lura tas-servizz li jkun tahom.  F’liema ktieb dwar l-ekonomija neokapitalista u neoliberali se ssib li ħaġa bħal din hija tajba u li hija ta’ valur fis-soċjetà?!

Sur President, nittama li dan l-Abbozz ta’ Liġi jkompli jibni fuq dak li sar fil-passat sabiex inkunu nistgħu nagħtu bażi aktar b’saħħitha lin-negozji f’pajjiżna.  Infakkar li meta ġiet il-kriżi finanzjarja, filwaqt li ħaddieħor kellu d-dejn tiegħu marubt f’affarijiet oħrajn, f’Malta konna moħħna mistrieħ għax id-dejn kien marbut mal-proprjetà tan-negozjanti tagħna.  Allura jekk kemm-il darba bħala Parlament irridu npattu lura lil dawn in-nies, irridu nieħdu ħsieb li fil-basket li qegħdin nagħtuhom, nagħtuhom inċentiv biex jimxu aktar ’il quddiem.  Nirringrazzjak.

No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...