22.9.16

Barra mill-Kuntest.




1.      Ftit jiem ilu, fl-14 ta’ Settembru, smajna diskors importanti ġewwa Strasbourg.  Jean Claude Juncker, li huwa l-President tal-Kummissjoni Ewropea, tkellem f’dak li jissejjaħ “State of the Union”.  Huwa mument importanti iktar minn qabel fl-Unjoni Ewropea.  Wieħed li jitlob ferm iktar ħsieb, riflessjoni lejn dak li għaddejna minnu, dak li aħna u lejn dak li nistgħu nkunu.  Kliemu kien immarkat b’numru konsiderevoli ta’ punti rilevanti li aħna ma nistgħux ninjoraw.  Il-futur tagħna huwa fl-Unjoni, u għalhekk għandna nieħdu ħsieb inkunu fuq naħa attenti ħafna għal dak li għaddej, u fuq l-oħra nassiguraw li ma nkunux fattur kuntrarju jew avvers għalih.  Naraw, fuq kollox, li l-ilma li rridu ngħixu minnu ma nħammġuhx u jibqa’ frisk, nadif.

Ġieħ u importanza

2.      Proprju meta l-gazzetti u d-dibattitu politiku lokali huwa mimli b’ta’ min huwa t-tort fuq dak li ġara fil-vot ta’ nhar it-Tnejn, l-attenzjoni tagħna hija iktar u iktar importanti li tingħata għall-kontenut tiegħu.  Għax ladarba dħalna membri sħaħ tal-Unjoni, u lkoll qbilna dwar dak li ntrabatna fih fit-Trattat ta’ Liżbona, hemm responsabbiltajiet li dħalna għalihom.  L-Ewropa hija fonti ta’ libertajiet, imma magħha kull poplu daħal għal numru ta’ dmirijiet.  Kull naħa, kull partit ġewwa l-Kamra tad-Deputati, iridu jifhmu l-kuntest li qed jgħixu u jaħdmu fih.  Dak li qiegħed jiġri fl-Unjoni Ewropea jrid jingħata l-ġieħ u l-importanza li ħaqqu u jkun żball jekk jiġi injorat jew traskurat, kif qed naraw.

Little common ground

3.      L-analiżi u l-proposti tal-President Juncker fihom ħafna x’wieħed jaħseb.  Uħud huma parti minn soluzzjoni, oħrajn riflessjonijiet mhux neċessarjament preċiżi jew tajbin.  Meta jindika li llum hemm “such little common ground, so few areas where (European members) agree to work together” wieħed irid mhux biss jikkonstata dan, imma jifhem għala għaddejjin f’dan.  Ngħid hekk għax meta wieħed iħares lejn l-istrutturi varji tal-Unjoni, għalkemm ma hemmx dubju li saru b’intenzjonijiet tajba, ħolqu ċerti effetti mhux dejjem pożittivi.  Hemm fl-istruttura demokratika Ewropea l-ħolqien ta’ distanza bejn l-aġendi nazzjonali u dawk Ewropej.  Meta iktar membri stati qed iħossu l-bżonn li jasserixxu l-problemi domestiċi tagħhom dan qiegħed isir, l-ewwel bi bżonn, u t-tieni b’forma ta’ reazzjoni ta’ dak li għadda.

Komunikazzjoni diretta

4.      L-Unjoni Ewropea serviet u ma hemmx dubju li ħadmet ħafna iktar milli wieħed kien jistenna.  Imma rridu nifhmu li għandek issa Parlament Ewropew li huwa maqtugħ prattikament u loġistikament mill-pajjiżi u l-popli li ġej minnhom.  Maqtugħ minn ċerti prijoritajiet li qed jolqtu lin-nies u f’numru ta’ drabi mitluf fil-logħob politiku intern tiegħu.  Mhux biss.  Għandek ukoll il-kumplikazzjoni li l-aġenda tal-uffiċjali fl-istrutturi Ewropej ma jimxux ma’ dak li qiegħed jirriżulta fuq dak nazzjonali.  Ma hemmx biżżejjed komunikazzjoni diretta bejn dawk fl-istituzzjonijiet Ewropej u dawk nazzjonali u l-kwalità jew it-tip tagħha m’huwiex neċessarjament kif għandu jkun.  Wisq inqas għandek proposti li ġejjin minn isfel għal fuq, imma ħafna minn fuq għal isfel.

Lingwaġġ komplikat

5.      Anki l-lingwaġġ istituzzjonali huwa komplikat, mistur u diffiċli biex iċ-ċittadin li qiegħed iħallas għalih jifhmu.  Anqas ma hemm pubbliċità u spjegazzjoni preċiża, ċara u diretta ta’ dak li qiegħed jgħaddi.  Il-prijoritajiet huma differenti u ma hemmx min qiegħed jassigura li dak li qiegħed isir il-poplu jħossu, l-ewwel li huma prijoritajiet; it-tieni, li huma fihom infushom tajbin u ta’ ġid għalih; u t-tielet, li jiġġustifikaw il-preżenza, il-ħidma u l-kontribuzzjonijiet finanzjarji tagħhom f’dak li qiegħed isir.  Il-populiżmu jdejjaqna, però jdoqq id-diska u jmiss il-korda diretta, ħafna drabi bażata wkoll fuq nuqqas ta’ verità li dak li qiegħed isir fl-Unjoni Ewropea m’huwiex verament ta’ ġid għall-poplu.

Europeans want concrete solutions

6.      Wieħed ma jistax ma jaqbilx ma Juncker meta jgħid li “Europeans want concrete solutions”.  Biss, biex dawn jinstabu rridu li jkun hemm iktar Unjoni Ewropea li tifhem il-problemi veri.  Irridu naċċettaw li hemm il-proċess inevitabbli li ma’ kull sforz, ma’ kull regolament, ma’ kull direttiva ta’ din l-istituzzjoni hemm problemi li ġew solvuti.  Biss, hemm ukoll oħrajn li sofrew, u saru vittmi tagħhom.  Hemm f’dan effett kumulattiv li issa qiegħed jasal għall-wiċċ tal-borma.  Dawk li huma komdi draw f’ċertu fsied, draw li m’għandhomx bżonn jiġġieldu għas-sewwa u anzi qed jippruvaw jiġġustifikaw lilhom infushom u jsibu rifuġju żbaljat fil-politika tal-egoiżmu li l-liberaliżmu jxandar u jipprattika.  Ovvjament f’dan il-valuri Ewropej huma ċ-ċavetta għall-bida.  Biss, il-valuri huma veri jekk fihom ninkludu mhux biss il-libertà, id-demokrazija u s-saltna tad-dritt, imma li nasserixxu l-ġustizzja soċjali, is-solidarjetà u l-altruwiżmu.  Għax fil-verità u bl-esperjenza passata quddiemna, jekk l-Ewropa trid tirnexxi fil-futur trid tmur lura għall-għeruq insara tagħha.

Stability, workers’ rights and social progress

7.      Kellu raġun missier Jean Claude Juncker li ħares lejn l-Ewropa bħala l-għodda lejn “stability, workers’ rights and social progress”.  Biss, din il-forza li tieħu lilna lkoll lejn ordni soċjali ġust irridu naċċettaw li diversi għalqu għajnejhom tul is-snin lejn inġustizzji u pożizzjonijiet skomdi biex flok jiġu konfrontati, naħirbuhom.  Ma hemmx dubju li d-diskors tal-President tal-Kummissjoni huwa f’dan xprun lejn riflessjoni, però jrid jiġi segwit b’azzjoni.  L-għaxar punti li l-programm jistabbilixxi għandhom il-validità tagħhom, però m’humiex ikopru l-kuntest kollu u anqas ma huma jindirizzaw il-problemi direttament.  Il-kumplikazzjonijiet li għandna jsibu mhux soluzzjonijiet veri u umani imma ta’ ħafna forom f’dożi teknokratiċi fejn il-flus jinxteħtu biex suppost isolvu l-affarijiet.

Nirnexxu lkoll flimkien

8.      Hemm preżentement f’diversi pajjiżi tal-Unjoni problemi mwielda minn kuntesti varji.  Dawn isemmihom Juncker u jelenkahom hekk: “unemployment, social equality, mountains of public debts, integrating refugees and threats to security”.  Biss dawn, sija jekk humiex parti minn nuqqas ta’ xogħol jew inugwaljanza soċjali, jew l-assistenza lir-reguġjati, jew it-theddid lis-sigurtà ma jistax ikun hemm soluzzjoni għalihom jekk mhux maħduma fuq l-oriġini u d-demm veru Ewropew, f’dik ta’ solidarjetà ispirata mill-valuri nsara.   Aħna fil-Partit Nazzjonalista nħossu responsabbiltà lejn Unjoni li taħdem tajjeb u tirnexxi biex tkun strument għas-sewwa u li biha jsiru l-azzjonijiet li jħallu l-frott fit-tul.  Hemm bżonn iktar dożi qawwija ta’ dak li l-fundaturi demokristjani ġiebu magħhom.  Viżjoni ċara, umana u li tħares li ssolvi l-problemi ż-żgħar u mhux biss dawk il-kbar u drabi impossibli li tilħaq malajr.  Għalhekk, diskors iktar lejn il-kuntest huwa ferm aħjar milli barra minnu.  Proprju għalhekk li għandu raġun Juncker meta jgħid: “We cannot solve all our problems with one more speech or summit.”  Hemm ferm iktar impenn u ħidma li trid issir sabiex inkomplu nirnexxu lkoll flimkien f’pajjiżna u fl-Unjoni Ewropea.

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...