5.9.16

ABBOZZ TA’ LIĠI DWAR DIVERSI LIĠIJIET FIL-QASAM TAS-SĦUBIJA FI TRADE UNION TA’ FORZI DIXXIPLINATI – ABBOZZ NRU 55



Seduta 191 - 27.10.14

MR SPEAKER:  Grazzi.   L-Onor. Carmelo Mifsud Bonnici.

ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI:   Grazzi ħafna, Mr Speaker.   Huwa ta’ pjaċir għalija li nitkellem f’dan id-dibattitu importanti għal pajjiżna bħala parti mill-iżvilupp sħiħ tas-soċjetà demokratika tagħna.  Il-progress fil-pajjiż ma jsirx f’daqqa, isir biċċa biċċa, isir pass pass, gradwalment, b’attenzjoni u b’għaqal.  Jekk isir bi proċess politiku mgħaġġel li ma jkollux biżżejjed riflessjoni flok ikun qiegħed imur fid-direzzjoni t-tajba wieħed jispiċċa jmur f’direzzjoni li ma tkunx tajba.  Kellna professur li għallimna lkoll bħala avukati li kien iħobb jgħid:  The road to hell is paved with good intentions.  Qed nirreferi għall-Profs. Rene Cremona, Alla jagħtih l-ġenna.  U din hija sitwazzjoni fejn wieħed irid joqgħod attent f’dak li qegħdin nagħmlu llum. Mingħajr ebda dubju ta’ xejn iż-żewġ naħat tal-Kamra qegħdin naqblu li għandna nagħtu lill-forzi tal-ordni d-dritt li jissieħbu ġewwa union però hemm numru ta’ punti li m’aħniex naqblu dwarhom u li bir-raġuni se nipprovaw nipperswadu lin-naħa l-oħra biex tiċċaqlaq mill-pożizzjoni tagħha biex l-abbozz ta’ liġi li hawn jiġi ameljorat. Hemm numru ta’ punti li xtaqt inressaq għall-konsiderazzjoni ta’ din il-Kamra u ovvjament tal-Ministru biex jara sewwa sew jekk kemm-il darba dak li għandu f’dan l-abbozz ta’ liġi huwiex se jagħti verament saħħa u huwiex se jkun ta’ ġid għall-membri tal-korp tal-pulizija f’dak li nittama li ż-żewġ naħat tal-Kamra jridu.  

Mr Speaker, ngħid dan għax aħna għamilna abbozz ta’ liġi fuq dan il-punt  inti qisu l-Ministru ġie rapportat li qal li aħna m’għamilna xejn.   Fir-realtà hemm abbozz ta’ liġi li huwa l-Abbozz Nru. 97 tal-amministrazzjoni ta’ qabel li fih jien kont għamilt żewġ affarijiet. Fuq naħa waħda daħħalt li l-membri tal-korp tal-pulizija jkollhom dritt għal trade union u fuq l-oħra konna qed inżidu aktar il-pieni għal min jaggredixxi l-membri tal-korp tal-pulizija. Il-proposta li ressaqna aħna kienet li jkollna l-assoċjazzjoni trasformata fi trade union. Intom fl-abbozz tagħkom qegħdin tneħħu kompletament l-assoċjazzjoni, il-Malta Police Assocation u tagħtu d-dritt lill-membri li jidħlu fi trade union. Il-bekkata hija: Idħlu fi trade union diġà stabilita. Issa dawn il-konsiderazzjonijiet kienu diġà quddiemna għalina bħalma kienu quddiem il-Ministru imma meta ġejna biex nifformulaw l-abbozz ta’ liġi ħadna l-konsiderazzjoni żewġ fatturi mportanti. L-ewwel f’dan il-pajjiż, ngħidu x’ngħidu, hemm tabella mal-unions il-kbar u hemm il-biżgħa li jekk inti tippermetti li membri tal-Korp tal-Pulizija jidħlu f’unions barra mill-korp tal-pulizija, iddaħħal forma oħra ta’ politiċizzar fil-Korp tal-
Pulizija.  U naħseb li dak huwa pass li m’għandniex nippermettu.  L-Onor. Jason Azzopardi fid-diskors tiegħu, diskors tajjeb ħafna, aċċenna b’mod qawwi għal din il-ħaġa.

Imbagħad hemm konsiderazzjoni oħra fundamentali. Tajjeb jew ħażin f’dawn l-10 snin li ilha teżisti l-Malta Police Association, illum għandek grupp ta’ membri fil-Korp tal-Pulizija li huma mħarrġa għall-affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-industrial relations. Dawn siefru barra minn Malta biex jiltaqgħu ma’ rappreżentanti oħra ta’ trade unions tal-pulizija, draw jiltaqgħu mal-Kummissarju tal-Pulizija, draw imorru għall-police negotiating board, draw jiltaqgħu wkoll mal-ministri li hemm jew li kien hemm u draw ukoll jiddefendu lill-pulizija meta l-pulizija jitlà għal crime quddiem il-Kummissarju tal-Pulizija.  Issa bl-abbozz ta’ liġi li qed isir, din l-esperjenza kollha b’daqqa ta’ pinna se tneħħuha min-nofs.  U xi ħaġa li jiena nikkonsidraha gravi se tkun li issa ir-rappreżentanti tal-pulizija fil-police negotiating board, meta jiltaqgħu mal-Kummissarju, mhumiex se jkunu membri tal-Korp tal-Pulizija imma se jkunu membri ta’ dik it-trade union partikolari. Jiġifieri jekk il-membri tal-korp tal-pulizija jissieħbu fl-UHM, jew fl-GWU, se jmur jirrappreżentahom ix-shop steward li hemm inkarigat mill-UHM jew l-GWU.

Dan ifisser li affarijiet li huma tal-Korp tal-Pulizija se jiġu diskussi u dibattuti min-nies li mhumiex fil-Korp tal-Pulizija u naħseb li dak huwa żbaljat. L-istess huwa żbaljat li tħallat l-affarijiet tal-Korp tal-Pulizija ma’ affarijiet oħra ta’ relazzjonijiet industrijali.  Għaliex qed ngħid dan? Qabel m’għamilt l-Abbozz, jiena studjajt is-sistemi legali ta’ diversi pajjiżi u barra minn hekk kelli l-opportunità li niltaqa’ ma’ numru ta’ ministri tal-intern u niddiskuti magħhom. Iddiskutejt ma’ min kellu industrial relations ma’ seba’ unions tal-Korp tal-Pulizija, ma’ tmien unions tal-membri tal-Korp tal-Pulizija u jispjegawlek id-diffikultjaiet li huma jiltaqgħu magħhom biex jaslu għal konklużjoni f’dak li qegħdin jagħmlu. 

Il-punt l-iktar diffiċli huwa jekk kemm-il darba hux se tagħti l-possibilità lill-membri tal-Korp tal-Pulizija jagħmlu industrial action. Dak huwa l-punt nevralġiku.  Aħna konna ħadna linja li ma nagħtux din il-possibilità.  Kellna raġun?  Jiena ngħid li kieku l-klima ta’ dak iż-żmien kienet differenti, ftit iktar pakata, meta konna mmorru fil-kumitat konna nsibu xi forma ta’ arranġament fuq dan il-punt, però kif inhu impostat issa l-Abbozz li għamiltu, minħabba dak li ddikjarjatu fil-manifest elettorali, dak kollu li għamilt jien qlibtuh u ġie l-kontra. Issa ġie li l-unika alternattiva għall-industrial action hija s-sympathy strike. Dan grazzi għas-sentenza li hemm tal-UĦM kontra l-Malta Freeport li rregolat is-sitwazzjoni u qalet li s-sympathy strike huwa perfettament legali. Issa se mmorru f’sitwazzjoni fejn jekk il-membri tal-Korp tal-Pulizija qed jinnegozjaw mal-Gvern jew miegħek u ma jaqblux fuq xi ħaġa, l-arma tagħhom se tkun li xi ħaġa fl-istat tieqaf taħdem. Pereżempju, il-membri li jaħdmu fl-Enemalta jew dawk li qed jaħdmu f’settur ieħor jieqfu jagħmlu xi ħaġa. Tgħidli: X’fiha ħażin?  Nistgħu din is-sistema nipperfezzjonawha naqra oħra biex ma nġibux dak li kien qed jgħid l-Onor. Jason Azzopardi li ħaġa titħallat ma’ oħra? Għandna l-abilità li nsibu formola sabiex membri tal-Korp tal-Pulizija li qed jirrappreżentaw lill-Korp ikunu huma li jieħdu xi forma ta’ industrial action? Pereżempju, niftakar li kont iltqajt ma’ avukat li l-assoċjazzjoni kienet qed tieħu parir mingħandu u qalli:  X’fiha ħażin jekk ġurnata minnhom, pereżempju, xi membri tal-Korp tal-Pulizija ma jilbsux il-beritta? Jiena dak iż-żmien għedt li ma tantx tkun xi ħaġa dekoruża però naħseb li jekk inqiegħdu ftit rasna flimkien għandna naslu għal forma ta’ sinteżi bejn dak li għamilt inti u dak li aħna pprovajna nagħmlu. 

L-ewwel nett, nemmen li kieku l-membri tal-Korp tal-Pulizija jingħataw il-fakultà li jivvotaw biex jiddeċiedu x’iridu, il-maġġoranza tagħhom se jivvotaw biex ikollhom inhouse union tagħhom, imma ħalliha dik. Imma x’benefiċċju qed jieħu l-istat li wieħed jaqbad u jneħħi barra kompletament l-esperjenza tal-Malta Police Association u ma jagħtihiex il-possibilità li hi tittrasforma ruħha fi trade union imbagħad tagħti l-possibilità lill-membri tal-Korp tal-Pulizija li jekk jagħżlu, imorru f’unions oħrajn, pereżempju fil-UĦM jew fil-GWU? Naħseb li m’għandniex għalfejn ma nagħtux din l-opportunità u nutilizzaw l-esperjenza ta’ dawn in-nies, li barra l-esperjenza f’industrial relations għandhom ukoll esperjenza fil-korp.

Imbagħad hemm xi ħaġa fundamentali li lili qed tippreokkupani ħafna. Kull min jidħol ġdid f’settur għandu l-learning curve tiegħu. Inti dħalt bħala Ministru għall-Intern, ħadd ma ppretenda mingħandek li ssir taf l-affarijiet mill-ewwel, u b’kull rispett lejk, illum għadek qed titgħallem. Dan bħalma jiena domt nagħmel it-tagħlim tiegħi bħala Ministru biex nifhem sewwa sew x’inhuma l-problemi tal-membri tal-Korp tal-Pulizija, x’inhuma r-rimedji tajbin għal membri tal-Korp tal-Pulizija biex jiċċaqilqu ‘l quddiem.  Illum għandek nies diġà on the ball li diġà jafu x’hemm bżonn biex il-Korp tal-Pulizija jimxi ‘l quddiem. Il-membri fil-Malta Police Association illum għandhom l-esperjenza, jafu x’inhuma l-problemi nevralġiċi tan-nies fil-Korp tal-Pulizija, imma issa f’daqqa waħda din l-esperjenza industrijali se tarmiha. Naħseb li dak huwa żball. Agħti l-libertà lill-membri tal-Korp tal-Pulizija biex jagħżlu, jew jissieħbu fl-inhouse trade union jew inkella jagħżlu l-alternattiva l-oħra kif intom wegħedtu fil-manifest elettorali. 

Jien ngħid li jekk tagħmel vot fost il-membri, dawn jivvotaw biex ikollhom in-house union. Imma ħalliha dik, għax intom għandkom il-commitment elettorali u tridu żżommuh. Granted, mhux problema. Però issa x’se tagħmel? Bħala l-ewwel pass  kif tgħaddi din il-liġi rridu naraw min hemm l-iktar f’dik il-union u min hemm l-iktar fil-union l-oħra. Intom, fl-Abbozz tagħkom, jekk qrajt tajjeb, qtajtu barra l-possibilità tar-ranks. Inti taf li fl-assoċjazzjoni hemm il-possibilità tar-ranks, jiġifieri jekk kemm-il darba s-supritendenti jridu jagħmlu assoċjazzjoni, jistgħu jagħmluha, jekk huma maġġuri, jistgħu jagħmluha. Stranament, f’għaxar snin kulħadd għex flimkien, kulħadd ikkoabita u ħadem id waħda.  Fl-assoċjazzjoni, il-membri li kien hemm, il-president ma kienx assistent kummissarju, is-segretarju ma kienx deputat kummissarju, jiġifieri fiha hemm supritendenti u ACs li kienu jpoġġu bilqiegħda u jaraw x’inhuma l-affarijiet  importanti li jsiru. L-assoċjazzjoni f’għaxar snin għamlet ħafna ġid u ressqet ħafna ilmenti u ħafna affarijiet ġew irranġati. Issa, f’daqqa waħda, inti se tinżel ground zero. Mela issa, jekk kulħadd imur il-UĦM, jew kulħadd imur għall-General Workers Union, dawn se jgħidulhom:  Stenna, l-ewwel ħa nifhem x’inhu s-suġġett imbagħad, wara dik, għandek ukoll il-karti l-oħrajn li l-union għandha. Jiena bħala avukat għamiltha ta’ avukat ta’ trade unions, tgħallimt u naf x’inhuma l-affarijiet. Għandek is-sitwazzjoni it-trade unions il-kbar m’għandhomx biss front wieħed mal-Gvern, għandhom diversi fronti.  B’dik il-mossa, inti se terġa’ tixħet lura l-membri tal-Korp tal-Pulizija għax l-ewwel nett se tneħħi l-membri tal-korp mill-Police Negotiating Board. Ngħidu x’ngħidu, this is the effect bl-Abbozz tagħkom.  Mela se jkollok XYZ li huwa x-shop steward jew ir-rappreżentant tas-sezzjoni li trid u dak se jibda jiġi fil-Police Negotiating Board u se jibda jħoss l-affarijiet, se jibda jitgħallem.  Il-membri tal-Korp tal-Pulizija għandhom mill-inqas sena biex jibdew jifhmu x’jiġri u ma jiġrix.

Mr Speaker, għalkemm qed insemmi l-membri tal-Korp tal-Pulizija, għandek ukoll dawk tas-Civil Protection.  Iltqajt diversi drabi mal-assoċjazzjoni tas-Civil Protection, hemm punti varji li mxejna magħhom, imma kien hemm waħda partikolari diffiċli li ma stajniex niċċaqilqu fiha. Jiena ngħid li wieħed jista’ jiċċaqlaq fuqha, imma hemm ukoll se titlef l-esperjenza ta’ xogħol ta’ diversi nies - li kunjomhom jiġi mill-ewwel fuq ilsieni – apparti mir-relazzjonijiet li għandhom ma’ membri oħra tas-civil protection madwar l-Ewropa. F’daqqa waħda dawn se tkalahom ‘il barra u se ddaħħal lil ħaddieħor biex tibda mill-ġdid. B’dan il-mod se tneħħi l-membri tal-Korp tal-Pulizija u se ddaħħal ukoll split fil-membri tal-Korp tal-Pulizija, għax ngħidu x’ngħidu, meta nitkellmu fuq GWU u UĦM qisna qed nitkellu fuq “in-Nazzjon” u “l-Orizzont”.  Hemmhekk, għall-ewwel darba, Il-maġġoranza tal-membri tal-Korp tal-Pulizija huma serji u tal-affari tagħhom, huma leali u jagħtu xogħlhom ikun min ikun il-gvern u jkun min ikun il-ministru, imma b’dan il-mod qed tqegħedhom f’pożizzjoni diffiċli u m’għandekx għalfejn.  Agħti l-opportunità, il-libertà ta’ żewġ alternattivi! Ħu t-triq tan-nofs bejn dak li għamilt int u dak li għamilna aħna. Jiena dik il-liġi għamiltha wara erba’ snin niddiskuti magħhom u nistudja l-affarijiet biex nagħmel l-affarijiet sew.  Ma niddejjaqx nagħmel l-affarijiet sewwa u nittama li l-Gvern ukoll ma jiddejjaqx jagħmel l-affarijiet sewwa. Però kif inti ddaħħal din il-ħaġa fin-nofs u ġġib il-Korp tal-Pulizija f’din is-sitwazzjoni, fl-opinjoni tiegħi, il-Korp minflok ikun qed imur pass ‘il quddiem se jkun qed imur pass lura.  Aħna fid-dmir li dan ma nagħmluhx. 

Irrid infakkar ukoll lill-Ministru li fl-2002, il-ministru tal-intern ta’ qabli, Dr Tonio Borg, kien ippilota abbozz li permezz tiegħu l-Police Act inbidlet ta’ taħt fuq. Din kienet tastiera importanti fit-tibdil kollu li sar. Infakkru li konna daħħalna diversi affarijiet ġodda li għamlu rivoluzzjoni fosthom fuq id-dmirijiet tal-uffiċjali tal-kustodja, il-kodiċi ta’ prattika u intervisti, il-kwestjoni tal-marki tas-swaba’, il-protezzjoni tax-xhieda u l-vittmi, is-setgħat fuq il-propjretà privata, l-użu tal-forza u l-akkademja tal-pulizija. Dawn kollha daħlu għall-ewwel darba fil-Police Act. Biss biss fil-Police Act saret rivoluzzjoni fit-tieni artiklu jew it-tielet artiklu li fih għandek l-għanijiet tal-pulizja,.  Dawk reġa’ kellhom l-effett fuq ix-xogħol tal-qorti għax inti taf li llum diversi affarijiet iridu l-awtorizzazzjoni tal-pulizja.  Din kienet tastiera importanti għall-assoċjazzjoni u saret għax kienet qed tittieħed fil-veduta sħiħa ta’ din ir-riforma li kienet qed issir. 

Kif jaf il-Ministru, kull riforma li ssir fil-pulizija jew fil-qorti tieħu ż-żmien biex taġġusta ruħha u biex kulħadd jidraha. Jiena għamilt ħafna emendi u llum, li naħdem fil-qorti, għadni nsib li ċerti nies jgħidulek: X’inhu, hemm din l-emenda?  Dan meta tkun ilha hemmhekk mill-2006 jew 2005. Jiġifieri, nagħmlu x’nagħmlu hawn, l-affarijiet jieħdu l-proċess tagħhom. Però meta diġà għandek esperjenza miġbura, jista’ xi ħadd ifhemni għalfejn taqbad u b’daqqa ta’ pinna nneħħu din l-assoċjazzjoni?  Kollox sew, l-assoċjazzjoni għandha s-sehem tagħha. X’inhu?  Li hi titkellem fuq dak li hemm bżonn għall-membri tal-Korp tal-Pulizija. Hi tiddejjaq li r-requests tagħha ma jiġux milqugħa kollha u hemm id-diffikultà, imma allura jekk trid, ipperfezzjona l-Police Negotiating Board, jew affarijiet oħrajn.  Tista’ tagħmel emendi għall-Police Board u tista’ tagħmel diversi affarijiet oħra, imma rfina fuq dak li hemm u mhux timxi billi tneħħi, tarbula ras dak li hemm.  B’hekk s’se takkwistaw? 

Aħna, bħala Oppożizzjoni nistgħu noqogħdu gallarija u naraw lilkom tagħtu fuq il-kwestjonijiet  industrijali għax il-GWU jew il-UĦM iddeċidiet li twaqqaf settur fil-pajjiż għax il-membri tal-Korp tal-Pulizija ma ħadux xi ħaġa. Nistgħu nagħmlu hekk, imma aħna niġu hawnhekk bi spirtu ta’ dak li għandu jkun sewwa fil-pajjiż.  Kif tkellem tajjeb ħafna l-Onor. Jason Azzopardi, hemm issue fuq din. U bir-rispett kollu jiena mhux qed nipprova nkun la patronizzanti u lanqas nipprova nikkoreġi lill-Ministru, lanqas xejn, imma wieħed m’għandux jipprova jġib Membru li għandu ħeġġa fis-suġġett, li għamlu ħiltu kollha biex isegwi l-affarijiet, f’pożizzjoni li qisu għandu intenzjonijiet ħżiena.  Dan żgur mhux minnu u nassigurah li daparti tagħna, għandna għal qalbna l-interess tal-membri tal-Korp tal-Pulizija. Iddefendejt u nibqa’ sal-lum niddefendi l-membri tal-Korp tal-Pulizija u nittama li meta jlesti mit-term of office tiegħu  l-Ministru jkun trasformat bħalma kont trasformat jiena li nara d-diffikultajiet.  Mela jiena ma niddejjaqx nara membru tal-pulizija li xi ħadd allegatament gidmu u tara l-qmis tiegħu kollu bid-demm?  Ma tiddejjaqx?  Tiddejjaq.  Dawn huma affarijiet li inti writt.

Infakkru wkoll li hu ma wiritx biss dan l-Att, għax jiena għamilt diversi affarijiet hawnhekk li huma għad-dispożizzjoni tiegħu u jagħmel tajjeb li jirrikonoxxihom.  Il-Ministru joqgħod jgħid li mar l-akkademja u sab diżastru u li mar il-ħabs u sab diżastru. Bir-rispett kollu, ħadd ma jista’ jemmnu, għax hemm in-nies li jafu l-affarijiet.  Jien lanqas nitkellem, però x-xogħol li sar you cannot rubbish it għax aħna għamilna l-affarijiet għas-sewwa.  Illum,  il-Ministru wiret l-Att dwar il-Ġustizzja Reparatriċi, jiġifieri dan m’għandux bżonn jagħmlu hu.  Issa jekk irid, jista’ jirfinah.  Jekk irid jagħmel xi ħaġa ġdida, jagħmilha, però dan l-Att qiegħed hemm għad-dispożizzjoni tiegħu biex iħaddmu.  Hemm id-diffikultajiet u naf x’inhuma d-diffikultajiet.  Jien ġejt attakkat min-naħa tagħkom għax mhux qed taħdem biżżejjed.  Mela dawn l-affarijiet jitħaddmu mil-lum għal għada? Diġà għandek ukoll f’idejk l-Att dwar ir-Reġistru għall-Protezzjoni tal-Minuri. Hemm bżonn iktar drive għaliha din il-ħaġa. Aħna, rigward il-minuri mhux ittrattajna sempliċiment il-pedofelija, imma għadnek ukoll il-kwestjoni tad-droga u kwestjonijiet oħrajn ta’ kif tipproteġi l-minuri.

Mr Speaker, mela hemm diversi emendi li għamilna li diġà huma għad-dispożizzjoni tagħhom. Nippretendi li issa mhux jaqbdu u jgħidu: Dawn se nneħħuhom barra u nimxu bħallikieku ma jeżistux, kif qed jagħmlu b’din tal-Malta Police Association. Jekk tgħidli: Inti kulma kienu jgħidulek il-Malta Police Association kont tagħmlu?  Ngħidlek: Le, u jekk tiltaqa’ ma’ membri tal-Malta Police Association wisq probabbli jgħidulek li kienu jiġu għandi u ma nagħtihomx risposti definittivi.  Dan kien ix-xogħol tagħhom u kont napprezza x-xogħol tagħhom però jien kont naf ir-restraints li għandi bħalma għandu restraints ukoll il-Ministru.  Għandek restraints finanzjarji u għandek restraints ta’ affarijiet oħra.  L-aħħar darba tkellimna dwar id-demokratizzazzjoni. F’mument partikolari fl-istorja tal-Ewropa kellna tliet partiti komunisti, dak Franċiż, dak Spanjol u t-Taljan li kienu on the fringes, però Santiago Carrillo li kien il-kap tal-partit komunista Spanjol kien kiteb ktieb “Eurocomunismo y Estado” u fih jgħid ċar li aħna rridu li l-membri tal-korp tal-pulizija u tal-forzi armati jkunu f’demokrazija, demokratizzati.
Din hija forma ta’ demokrazija għall-membri tal-Korp tal-Pulizija.  Illum nisimgħu dwar enpowerment u dwar ħafna affarijiet. Din hija parteċipazzjoni attiva tal-membri tal-Korp tal-Pulizija fl-affarijiet tagħhom, allura inti kif tista’ taqbad u tneħħihom barra!  Kif tista’ taqbad u tgħidilhom: Le, issa tridu tmorru l-UHM jew il-GWU għax dawn jifhmu aktar minnkom?  L-alternattiva agħtihielhom. Aħna ma konniex tajnihielhom.   Aħna konna mxejna mas-sentiment li aħna ħassejna qed ninterpretaw tajjeb, li l-membri tal-Korp tal-Pulizija jkollhom inhouse union tagħhom. Dak kien is-sentiment li kien qed jiġi trasmess lili mill-membri tal-Korp tal-Pulizija.  Ħassejt ħażin? Jista’ jkun, miniex infallibbli, imma mbagħad li tiġi hawn u tneħħiha, kif qallek tajjeb l-Onor. Jason Azzopardi, huwa żball.  

Mr Speaker, irrid ngħid ukoll li jiena kont għamilt il-pinżellata l-oħra li tan-naħa l-oħra qegħdin jittitubaw fuqha.  Il-pinżellata l-oħra kienet li fil-Whistleblower’s Act li għamilt jien u mhux intom...(Interruzzjonijiet) Intom taparsi politikament għamiltuha intom però ma tafux biżżejjed x’fiha, bir-rispett kollu... (Interruzzjonijiet) Ma rridx nonqsok mir-rispett imma jien ktibtha l-liġi, mhux intom ktibtuha. Hemm miktub li membri tal-Korp tal-Pulizija jistgħu jingħataw l-opportunità li jaqgħu taħtha. Issa għalfejn?  Għax il-Whistleblower’s Act intom għamiltu hijacking tagħha bħallikieku hija xi ħaġa fuq korruzzjoni biss. Il-Whistleblower’s Act hija fuq kollox, fuq il-mod ta’ kif l-affarijiet jinżammu skond il-liġijiet fuq il-post tax-xogħol u hemm diversi affarijiet li aħna ma narawhomx li però membri tal-Korp tal-Pulizija jarawhom, u allura hemm bżonn li nagħtu lill-membri tal-Korp tal-Pulizija l-possibiltà li jkunu qegħdin fiha. Din mhijiex se tkun ta’ imbarazz għall-Gvern għax is-sistema tal-whistleblower hija li xi ħadd jirrapporta lir-rappreżentant tal-whistleblower li jistenna mingħandu li jirrettifika l-affarijiet bħal pereżempju jekk hemm għassa li m’għandhiex faċilitaijiet iġjeniċi skont x’tgħid il-liġi. Hija kriżi nazzjonali jekk aħna nagħtu l-fakultà lill-membru tal-Korp tal-Pulizija li jagħmel rapport u jkun protett skont il-liġi? X’fiha? Ma fiha xejn. Imma b’hekk tassigura li l-membri tal-Korp tal-Pulizija jiċaqalqu anke fuq dawn l-affarjiet.  Jiġifieri dawn huma affarijiet li hemm bżonn li aħna nagħtu lill-membru tal-Korp tal-Pulizija li qiegħed hemm biex jiġġieled u jikkumbatti l-kriminalità.  Ma ġara xejn, mhijiex se taqa’ d-dinja, il-membri tal-Korp tal-Pulizija għandhom diġà affarijiet li jiffaċċjaw u jkomplu jiffaċċjaw kuljum.  Iddumux tittitubaw fuqha għax fiha se terġa’ tgħolli l-istandards tan-nies li qegħdin jaħdmu hemm, u nagħmlu x’nagħmlu, tagħmel x’tagħmel inti, jiġi min jiġi warajk, jiġi min jiġi wara warajk dawn l-affarijiet min hu taħt jarahom. Din is-sistema hija l-istess bħal tal-kunsilli lokali. Meta kollox jiġi ċentralizzat u meta s-sitwazzjoni tkun ċentralizzata, ikollok ċerti diffikultajiet. B’dan il-mod inti qed tagħti demokrazija, parteċipazzjoni, attenzjoni fl-affarijiet u fl-istess ħin qed tagħti rimedju.  Mhijiex ħaġa tajba li tmur kuljum u tara l-istess sitwazzjoni, u għax għamilt din il-ħaġa ċċaqilqu l-affarijiet? Tkun kemm tkun ministru, tkun kemm tkun kummissarju tal-puliżija hemm affarijiet li żgur li jkunu impossibli. Jien kelli the best. Jiena kelli lil John Rizzo li kien the best commissioner. Kien hemm ħafna nies li ma jaqblux miegħu imma kien the best. Anke lil John Rizzo ma stajtx nippretendi mingħandu l-impossibbli. L-istess inti, Ministru, inti diġà għaddejt mid-diffikultà li kellek kummissarju u telaq u issa għandek Kummissarju ieħor, jiġifieri aħna ngħidu:  X’qed jiġri fil-Korp tal-Pulizija?  Fejn sejjer il-Korp tal-Pulizija?  Issa b’dan l-Att se ngħidu li aħna issa tajnihom li jidħlu fi trade union, imma fir-realtà fis-sustanza x’qegħdin nagħmlu?  Qegħdin inmorru lura fiż-żmien.  Jiġifieri jiena naħseb li l-Ministru m’għandux jarmi din l-esperjenza.

Naħseb ukoll li l-ewwel ħaġa li hemm bżonn li l-Ministru jifhem hi li aħna bħala Oppożizzjoni għandna kull interess li l-affarijiet isiru tajjeb. L-Onor. Jason Azzopardi, huwa wieħed mill-iktar membri onesti u l-iktar membri li jrid jagħmel il-ġid u dan, il-Ministru jrid jirrikonoxxih. Ma jistax jiġi hawn u noqogħdu nisimgħuh jgħid kontra tiegħu. Taħseb li jiena, avukat bħalek li kont Ministru miniex kapaċi ngħid kontra tiegħek? Bir-rispett kollu lejh, jaħseb li m’aħniex kapaċi nagħmlu dan? Aħna kapaċissimi imma ma nagħmluhiex. Noqogħdu żewġ passi lura għax irridu li l-affarijiet jimxu. Hawn niġu bi spirtu biex nagħmlu l-ġid.  Flok qegħdin l-uffiċċju, flok qegħdin x’imkien ieħor, aħna qegħdin hawn biex nagħmlu l-ġid lil dan il-pajjiż.   

Mr Speaker, hemm bżonn li nimxu dan il-pass ‘il quddiem, imma l-pulizija għandhom jingħataw l-alternattiva. Jien ma nafx jekk il-Gvern huwiex se jkun ferħan li jkollu lill-membri tal-Korp tal-Pulizija f’sitwazzjoni fejn iridu jiddependu minn trade union kbira, u kif qal tajjeb l-Onor. Jason Azzopardi, jekk din l-union tordna xi sympathy strike fuq xi ħaġa mbagħad huma jridu jieħdu passi. Issa ħalliha l-ksur tal-ordni u dawn l-affarijiet kollha, imma ejja ngħidu li jrid jiddefendini X però mbagħad fil-Korp iridu jittieħdu passi kriminali kontra tiegħu fuq xi ħaġa oħra.  Għaliex għandi niġi niddependi fuqu? Se ngħid ħaġa oħra, se ngħid l-iktar ħaġa trivjali u se nieħu l-vjolenza domestika bħala eżempju mingħajr ma qed nixħet ebda dell fuq ħadd. X’jiġri jekk jien għandi x-shop steward tal-Korp tal-Pulizija mixli bi vjolenza domestika u l-istess bniedem li qiegħed jiddefendihom fil-Police Negotiating Board ġie akkużat  minnhom stess għal din il-ħaġa? Jista’ xi ħadd jispjegali din il-ħaġa? Jien nifhem li għamiltu commitment u intom ivvantaġġjajtu pass ieħor fuqna, ħalli nagħtikom tagħkom. Aħna daħħalna c-Civil Protection, il-Pulizija u n-nies tal-ħabs u intom daħħaltu l-membri tal-forzi armati.  Jien kkommettejt ruħi mas-Civil Protection u mal-Assoċjazzjoni tal-Gwardjani tal-Ħabs għal din il-ħaġa. L-Armata ma kenitx taħt ir-responsabbiltà tiegħi. Inti tista’ tieħu passi ieħor għax illum għandek taħtek ukoll is-settur tal-uffiċjali tad-detenzjoni li jkunu mal-immigranti. Hemm għamilna biċċa xogħol ukoll fin-negozjar magħhom.

Mr Speaker, il-Ministru għandu responsabbiltà ta’ madwar 2,000 ruħ kuljum in service u out of service, għax bħali jaf li once a policemen, always a policeman. Allura hu għandu din ir-responsabiltà imbagħad ma jipprovax jagħmel din is-sintesi tal-affarijiet? Ma nafx. Issa jispetta lill-Gvern li jagħmilhom dawn l-affarijiet fejn tidħol ir-raġuni. Jien ma nistax ngħid iktar affarijiet, Onor. Ministru, iddeċiedu intom u agħmlu intom. Jekk tridu toqogħdu tagħmluha bħala kapital politiku, oqogħdu għamluha bħala kapital politiku però aħna jinteressana li l-affarijiet jimxu ‘l quddiem u jsiru tajjeb. Nerġa’ nsemmi dak li qal l-Profs Rene Cremona, Alla jagħtih il-ġenna, li the road to hell is paved with good intentions. Grazzi.

MR SPEAKER:  Grazzi. 

No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...