25.7.12

Traġedja fis-Sirja

1.    Dan il-pajjiż mill-isbaħ għaddej minn mumenti diffiċli ħafna.  Hemm gwerra ċivili, waħda ta’ liberazzjoni li warajha qegħda tħalli eluf mejta.  Il-ġlieda tal-poplu għal-libertà kontra t-tirannija ta’ dittatur li ilha teżisti indiskussa għal snin twal.  Bashar al-Assad mhuwiex l-ewwel dittatur.  Daħal fis-siġġu ta’ missieru wara li dan miet.  L-edukazzjoni, il-formazzjoni u l-preparazzjoni f’ambjenti demokratiċi ta’ Bashar taw ħafna tama lill-poplu u lil dawk li jħobbu d-demokrazija.  Għall-bidu deher li ser jibdel xi biċċiet minn dak li sab iżda sfortunatament, maż-żmien, kollox baqa’ l-istess.  Anzi, d-dipendenza tiegħu fuq il-militar kibret sew.

2.    Tul dawn l-aħħar sentejn rajna u qegħdin naraw kontinwament mewġa ta’ bidliet lejn id-demokrazija.  It-trasformazzjoni ta’ pajjiżi fejn il-libertà ma teżistix u l-ġustizzja hija inġusta bdiet sew.  It-traġedja ta’ diversi hija li biex jaslu lejn din il-pożizzjoni ġdida qegħdin jgħaddu mill-martirju tal-mewt.  Diversi persuni tilfu ħajjithom f’dawn ix-xhur, mingħajr ebda forma ta’ għażla – tfal, nisa, anzjani ġew maqtula wkoll.  Rajna proprju dak li ġara taħtna fil-Libja.  Nafu kemm tilfu ħajjithom nies u kemm sar tifrik u tkissir.

3.    Fis-Sirja, il-ġlieda għal-libertà ilha għaddejja ferm u ferm iktar.  L-appoġġ estern għal gvern ta’ transizzjoni, ta’ dawk il-kuraġġużi li qamu għas-sejħa tal-libertà ma kienx daqshekk b’saħħtu.  Anzi, kif għadna qed naraw, tul din il-ġimgħa l-Ġnus Magħquda baqgħet ma waslitx lejn riżoluzzjonijiet ta’ kundanna u teħid ta’ miżuri ta’ sanzjonijiet ekonomiċi.  Kontra r-reġim ta’ Ghaddafi kien mill-iktar effettiv il-ħruġ ta’ sanzjonijiet fuq il-familja tiegħu.  Il-fatt li diversi Stati għażlu li jimblukkaw il-kontijiet bankarji tagħhom kellu effett.

4.    Però fuq is-Sirja, sfortunatament, hemm għal raġunijiet varji tagħhom il-vot kuntarju tar-Russja u ċ-Ċina.  Dan ma tantx qiegħed jgħin, anzi naħseb li qiegħed itawwal inutilment il-ħajja ta’ reġim li għandu jżarma u jitlaq.  M’għandux ikun li jibqgħu jiġu maqtula iktar bnedmin għall-interessi varji.  Għalhekk, f’din il-linja rajt li l-Unjoni Ewropea wriet lilha nnifisha bħala ferm u ferm iktar avvanzata u effettiva.  Huwa mill-iktar pożittiv li l-Ewropa hija iktar viċina tar-ribelli u kien hemm qbil li jinħarġu sanzjonijiet varji.  M’għandix dubju li ser ikunu u diġà huma effettivi.

5.    Is-sitwazzjoni f’dak il-pajjiż qegħda verament tippreċipita b’inkwiet kostanti.  L-eventi ulterjuri ta’ din il-ġimgħa, bl-eliminazzjoni tal-Ministru tad-Difiża u s-Sigurtà Interna, anzi iktar minn hekk, persuna viċin tal-familja, taw daqqa ta’ ħarta kbira.  Ir-reġim qiegħed f’sitwazzjoni fejn m’huwiex il-bogħod milli jkolli jwarrab.  Il-proċess, żgur mhux forsi, ser ikompli jkun diffiċli, b’ferm iktar bnedmin mejta u tkissir u tifrik tal-pajjiż.

6.    Aħna bqajna f’dan kollu kontinwament solidali mal-poplu Sirjan.  Sostnejnihom u ser inkomplu nsostnuhom, sija politikament kif ukoll meta l-poplu ngħaqad sabiex jintbagħtu oġġetti vitali għalihom.  Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għamel xogħol tajjeb f’dan is-sens, biss irridu nkunu iktar preparati għalihom meta r-reġim effettivament jaqa’.  Il-poplu Sirjan kien dejjem ħabib tagħna u hekk għandu jibqa’.  Irridu għalhekk inkomplu naħdmu sabiex din ir-rabta tkompli tissoda bir-rapporti soċjali u ekonomiċi futuri.  Hemm verament traġedja għaddejja.  Nittama mill-qalb li ma ddumx sabiex dak il-poplu jerġa’ jieħu r-ruħ u jgawdi l-libertà demokratika huwa wkoll.

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...