31.7.12

Mingħajr illużjonijiet

1.    F’din il-ġimgħa, pajjiżna ġie deskritt bħala ankra ta’ stabbiltà fl-ekonomija Ewropea mill-Ministru Ġermaniż Michael Link.  Kliem li jindikaw b’mod ċar daqs il-kristall il-kuntrasti li għaddejjin minnhom fil-ħajja politika attwali.  Min-naħa aġir mill-iktar stramb u kuntrarju għan-normal ta’ numru ta’ membri parlamentari, u min-naħa l-oħra l-ħidma kostanti fid-dimensjonijiet sħaħ tagħna għall-ġid tal-poplu.  Din hija r-realtà li lkoll irridu niffaċċjaw.  Ma nistgħux naħirbu minnha.  Nistgħu ngħarfu, fis-serjetà li dejjem kellna, li l-ħidma tal-Gvern wasslet għal riżultati konkreti.  Għax hu ċertifikat li għandna nkunu kuntenti bih, ġej b’mod speċjali minn dak il-pajjiż li bħalna jrid s-serjetà fiskali u ekonomika.  Politiċi serji u ffurmati tajjeb jgħarfu ħidma konkreta u ma joqogħdux lura milli jistqarruha.

2.    Dan ir-riżultat seħħ għax is-serjetà, ir-responsabbiltà, l-irġulija, is-sabar u l-onestà huma l-gwidi tagħna.  Dan deher iktar dirett proprju meta l-Partit Nazzjonalista approva numru ta’ persuni kompletament ġodda għalih biex ikunu kanditati tiegħu.  Jingħad x’jingħad minn min irid ikerraħna, jew minn min għandu aġenda diretta jew indiretta ta’ tkasbir lejn Lawrence Gonzi nnifsu, il-partit xorta huwa kalamita ta’ ħsieb u direzzjoni.  Wieħed li jirnexxilu jiġbed lejh bnedmin ta’ rieda tajba.  Dawk li jeżistu fis-soċjetà u li jabbandunaw ħafna proprju biex jagħtu ħafna lill-proxxmu.  Il-kwalitajiet sodi tagħhom huma prova ċara li nibqgħu, anki f’dan il-mument diffiċli, niġbduhom.

3.    Illum, wara l-aħħar mozzjonijiet parlamentari kontra persuni li bnew ħajjithom tarġa tarġa, il-loġika umana tħajjar għal iktar kawtela u inqas sforzi lejn is-sagrifiċċji li l-politika Maltija titlob.  Meta l-komportament kif seħħ ikun dak żleali u illoġiku, allura jkun hemm inqas minn hu lest li jitlaq kollox warajh u jidħol f’din li hija missjoni.  Regoli miktuba fis-sekli ta’ kif għandha tkun imġieba korretta jafu, bħalna, li ma ġewx rispettati.  Spiċċat l-irġulija, il-komportament korrett u allura hemm barra hemm żgur min, sfortunatament, reġa’ bdielu.  U hawn il-messaġġ telaq lejn iż-żewġ partiti f’dawk li huma kapaċi jiġbdu lejhom.  Però, minkejja dan il-fatt, din ir-realtà u konsegwenza ta’ dawk il-kawżi, il-Partit Nazzjonalista xorta rnexxilu jiġbed bnedmin ta’ sens u sustanza miegħu.

4.    Għal min jista’ jaħseb jew ħa l-impressjoni li aħna partit mimli b’min irid iġib ruħu ħażin, idaħħaq jew, kif kien jgħid Alla jagħtih il-ġenna Fr. Peter, jagħmilha tal-buffu, ir-realtà hija kompletament differenti.  Ngħid dan għax anzi l-poplu għadu jagħraf li għad għandna reputazzjoni tajba.  Waħda li biha, f’għajnejn il-poplu, aħna ankra ta’ stabbiltà politika.   Stabbiltà li biha l-partit jibqa’ jiġbed nies ġodda lejh, sija bħala kandidati, kif ukoll fil-ġenerazzjonijiet il-ġodda.  Għadu, minkejja kollox, ta’ ispirazzjoni għal dawk iż-żgħażagħ li jridu jinvolvu ruħhom fil-ħidma politika.  Ta’ dawk li jidħlu bis-serjetà biex jifhmu li għad hawn politika tal-prinċipji – waħda li hija bbażata fuq il-pedament ta’ demokrazija nisranija.  Waħda li ma taħrabx il-verità, imma tgħidha u tikkonfrontaha.

5.    Il-fatti waħedhom jiġbduna lejn dak li għaddej minnu l-pajjiż u l-partit fid-dimensjonijiet differenti tagħhom.  Preżentement, il-Gvern huwa stabbli.  Wieħed li għadu qiegħed igawdi l-fiduċja tal-maġġoranza tal-membri parlamentari.  Biss, fuq in-naħa l-oħra, tant f’dawn l-aħħar xhur rajna tibdil, tant smajna dikjarazzjonijiet varji li jekk irridu jkollna saqajna mal-art u mingħajr illużjonijiet, irridu nkomplu ngħixu jum wara jum.  Hemm għalina lkoll obbligu ċar, dmir fuq min ingħata mandat elettorali fl-2008.  Ir-rabta tiegħu mal-votanti kienet ta’ leġislatura.  Ikun għalhekk nuqqas tiegħu jekk ma jibqax jaħdem sabiex jibdel il-pajjiż u jassisti lill-poplu, speċjalment dawk li l-aktar qegħdin ’l isfel u għandhom bżonn.  Jekk jieqaf, mod.  Jekk iwaqqfuh, mod ieħor.  Biss, irid xorta jibqa’ jistinka sabiex jgħaddi, mingħajr illużjonijiet.

6.    Id-determinazzjoni u l-perseveranza tagħna qegħdin hemm.  Għax ser nibqgħu l-persuni li, minkejja l-iżvantaġġi u li qegħdin nitilqu minn taħt nett, xorta ser nibqgħu naħdmu biex il-vantaġġi, l-avvanzi li ġew reġistrati, ma jintilfux.  Hemm ħidma li qegħdin inwettqu li permezz tagħha ser, għada pitgħada, ninżlu biha fl-arena tal-politika.  Il-Partit Nazzjonalista ġie, f’dawn l-aħħar tlett appuntamenti ta’ elezzjoni ġenerali, magħżul proprju għax seta’ juri mingħajr illużjonijiet xi tfisser il-politika t-tajba.  Seta’ u għadu jista’ juri li m’huwiex kapaċi jwettaq il-ħmerijiet li għamel il-partit fl-Oppożizzjoni.  Żgur mhux forsi, jista’ jkompli jiddikjara li m’għamilx użu minn mozzjonijiet parlamentari bla sugu biex bihom iwettaq il-ħsarat illoġiċi fuq l-istess klassi politika.  Jingħad x’jingħad, fl-aħħar tal-ġurnata, il-partit jibqa’ dak li huwa kapaċi jmexxi, dak li huwa verament demokratiku u li jrid il-ġid lill-poplu mingħajr daħk fil-wiċċ jew illużjonijiet.

No comments:

IL-FURJANA – TRIQ ĠNIEN DANTE ALIGHERI – SIĠAR TAĊ-ĊITRU

17508. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba tal-m...