5.7.12

‘Il bogħod mill-passjoni

1.    M’huwiex proprju mument faċli għall-Partit Nazzjonalista.  L-eventi fil-Parlament, b’żewġ mozzjonijiet inkredibbli, kif ukoll dawk li żviluppaw issa fl-Eżekuttiv tiegħu mhux normali li jseħħu imma kull min jaf ftit storja politika jaf li, f’xi ħin, jistgħu jseħħu.  Ħadd ma jista’ jkollu għaqda ta’ bnedmin u jippretendi li dawn iġibu ruħhom dejjem ta’ anġli, serafini u kerubini.  Il-politiċi mhux dejjem jaqblu, u meta jirreġistraw dan, mhux dejjem ikunu ċivilizzati u jagħlqu d-diskussjoni, id-djalogu ta’ bejniethom b’dak li l-Ingliżi jgħidu: “We agree to disagree”.  Ma marrux lura d-dar kuntenti, jaqbżu bil-ferħ kemm ma qablux, imma baqgħu jitgħannqu, anzi kif rajna, spiċċaw jgħidu u fuq kollox iwettqu azzjonijiet li m’għandhomx.  Jaġixxu l-kontra ta’ dak li l-poplu t-tajjeb jippretendi minnhom.

2.    M’hemm ebda ħarba minn din ir-realtà li, daqqa jew oħra, isseħħ.  Il-konsegwenzi, l-istorja tqishom sewwasew fl-effetti negattivi li tali ġlied, tali nuqqas ta’ qbil, iwassal għalih.  Imma hemm qiegħed.  Il-fatti huma hemm għal kulħadd.  Dak li kien ilu jinġema’ f’dawn l-aħħar erba’ ġimgħat seħħ.  Id-diskors fieragħ, l-iżżunżinjar, l-għira u, sfortunatament ukoll, sentimenti iktar baxxi nġabru f’daqqa b’riżultat li ma jitwemmen minn ħadd fix-xenarju Ewropew.  Ma jmissux, u huwa żgur tebgħa kerha fuq l-istorja politika tal-Parlament.  Ma kellux ikun li l-partit fl-Oppożizzjoni, li jara li hemm membri parlamentari fi ħdan il-Gvern li jridu jwettqu azzjoni ħażina u mill-iktar żbaljata kontra ħaddieħor, flok jippreserva d-dinjità tiegħu u joqgħod lura, minflok jingħaqad magħhom proprju biex jassigura li din issir.

3.    Ma kellux ikun, imma sar.  M’huwiex sewwa, imma seħħ.  Żgur li huwa inġust, imma sar.  Kien hawn, u għad hawn agħa fil-pajjiż, fost il-poplu.  Nista’ nixhed fuq dan personalment bid-diversi li kitbuli, b’dawk li rajt u għadni nara.  Nisma’ u fl-istess ħin nirreġistra kemm għandna bnedmin ta’ rieda tajba li jridu politiċi jimxu fuq il-valuri t-tajba.  L-azzjonijiet ħżiena ma niżlu tajjeb xejn, anzi diversi minn kull rokna ħassew li t-tajjeb tilef u dak li m’huwiex tajjeb rebaħ.  Din hija r-realtà li l-politiċi li jridu l-ġid lil dan il-pajjiż illum huma ffaċċjati biha u m’għandhomx jaħirbu.  Ir-reazzjoni tagħhom għaliha tista’ tmur f’diversi direzzjonijiet.  Tista’ taqbad dik tal-passjoni, tkun reattiva kważi immedjatament u tinżel fil-kamp tal-battalja bis-sejf u x-xabla, taqta’ fejn jiġi u kif tħoss li għandha biex twieġeb għal insult daqshekkk kbir, marka indelibbli f’dak li huwa l-anti-politika demokratika.

4.    Ġiri f’din id-direzzjoni għandu l-konsegwenzi tiegħu.  Iwassal għal dak li m’għandux ikun.  M’għandniex bżonn ta’ iktar ġlied intern.  Għax nistgħu nirreġistraw quddiem l-elettorat bid-dinjità li ma naqblux ma’ min aġixxa b’dan il-mod, li jmur kontra kull prinċipju ta’ partit mingħajr ma joqogħdu nitqatlu jew naqtgħu ras xulxin.  Mhix kwistjoni li m’aħniex kapaċi nwettqu dan, wisq inqas li m’għandniex l-istonku.  Kull min qiegħed fil-poter, fil-maġġoranza, jaf proprju l-kontra.  Jaf li jrid jeżerċita l-forzi tas-sewwa fuq nnifsu (kważi litteralment jorbot lilu nnifsu) bix ma jweġibx b’azzjoni żbaljata għal dik il-ħażina li rċieva.  Il-kalma, fl-opinjoni tiegħi, għandha tkun il-gwida tagħna.

5.    Ir-raġuni qatt ma riedet forza.  Anzi, meta jkun hemm il-forza, il-vuċi tar-raġuni tispiċċa tindifen u ma tiġix mismugħa.  Għandna żgur, mhux forsi, nkomplu nirreġistraw x’ġara. Għandna ngħidu li ma naqblux u li kull min ġieb ruħu b’dan il-mod irid jifehm li ma kellux iwettaq dan.  Niftakru mill-ġdid kif ġieb ruħu l-partit bejn l-1981 u l-1987.  Inżommu quddiem għajnejna li, anke jekk il-passjonijiet tagħna jridu jaħkmuna b’mod ieħor li, meta nitilfu l-viżjoni, aħna nkunu qed nippremjaw lil min m’għandniex.  Il-Partit Laburista, li għandu fuqu r-responsabbiltà ta’ dan u daħħal fl-istorja tiegħu, għal darb’oħra, aġir żbaljat minn dak li kien wettaq b’tant abbiltà fil-passsat, jiġi ppremjat.  Jiġi mogħti vantaġġ politiku f’dawn iċ-ċirkostanzi illoġiċi u viċin il-ġenn assolut.  Għax partit li m’huwiex kapaċi jamministra bil-kalma din is-sitwazzjoni ma jingħatax kredtu mill-elettorat.  U jekk niġru, hekk jiġri.  Din hija r-realtà, ngħidu x’ngħidu.

6.    Is-sitwazzjoni hija iebsa, hija kiefra, ma hemmx dubju.  Hija mill-iktar umiljanti u tweġġgħek ma’ kull jum f’din l-aħħar fażi tal-leġislatura.  Għax dawn il-feriti politiċi ma jingħalqux, imma jibqgħu kontinwament miftuħa.  Għax fejn qatt kienet li, proprju l-Partit Nazzjonalista kellu jara fi ħdanu membri parlamentari jġibu ruħhom kif ġiebu?  Huwa żgur aġir tad-daqqiet ta’ ħarta, imma hemm qiegħed, u niżbaljaw jekk naġixxu fuq l-istess livell.  Irridu nżommu l-kalma u nifhmu li t-tkomplija tal-leġislatura tippermetti li programm il-Gvern jitwettaq.  Il-prinċipji demokratiċi nsara, anzi, jkomplu jiggwidawna f’din il-parti tal-istorja tagħna.  Irridu namministrawha tajjeb.  Irridu noqogħdu ‘l bogħod mill-passjonijiet sabiex fil-paċi niddeċiedu aħna l-affarijiet.  Jekk għandna mmorru għal elezzjoni ġenerali, immorru meta niddeċiedu aħna u mhux meta ħaddieħor jimponiha fuqna.  Naħirbu l-passjoni tal-korla inutli u nżommu l-paċi interna tagħna għas-sewwa.

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...