9.7.12

Il-kwistjoni tad-detenzjoni

1.    Pajjiżna m’huwiex l-uniku fl-Ewropa li għandu politika li persuni li jaslu għandu irregolarment, jiġifieri mingħajr ma jgħaddu mit-toroq normali u legali, jiġu miżmuma għal perjodu f’ċentri ta’ detenzjoni.  Ebda Ministru tal-Immigrazzjoni ma jkun tant ferħan b’din il-linja odjuża, imma neċessarja, għaż-żamma tal-ordni u kontroll tal-fruntieri tiegħu.  Trid issir distinzjoni bejn min jiġi b’mod regolari u min le.  Bħalma għandha ssir distinzjoni fost dawk li jaslu irregolarment, bejn dawk li ħaqqhom l-istatus ta’ protezzjoni u dawk li ma ħaqqhomx.  Mhux kull min japplika għall-ażil huwa intitolat għal protezzjoni ta’ refuġjat, jew umanitarja.  Kważi 98% ta’ dawk li jiġu f’pajjiżna jippreżentaw talba lill-Kummissarju tar-Refuġjati, imma ovvjament, mhux ta’ kulħadd tiġi milqugħa.  Però, żgur mhux forsi, persuni vulnerabbli u tfal, ma jidħlux fiċ-ċentri mill-ewwel.

2.    F’dawn l-erba’ snin, is-sitwazzjoni fiċ-ċentri ta’ detenzjoni inbidlet ta’ taħt fuq.  Il-kundizzjonijiet li kellna inizjalment, illum m’għadhomx jeżistu.  Mill-2006 sal-2009 kellna xmara qawwija ta’ persuni li ġew.  Ma kienx possibbli li jkollna kollox f’postu jew ferm aħjar kif għandna llum, sforz il-volum kbir ta’ bnedmin li ġew.  Ħadd ma jista’, b’xi mod, imeri li s-sitwazzjoni nbidlet drastikament.  Il-postijiet huma ferm u ferm aħjar u s-servizzi tjiebu sew.  Niftakar ċar għax, għall-kuntrarju ta’ persuni oħrajn fil-politika jew fil-ħajja pubblika, dħalt fihom diversi drabi.  Dħalt, u miegħi ħadt mingħajr ebda mistħija diversi Ministri, Kummissarji Ewropej u uffiċjali għolja sabiex jaraw, imissu b’idejhom u jitkellmu ma’ dawn il-persuni li, fl-aħħar mill-aħħar, fi Brussell inkunu qed niddeċiedu fuqhom.  Deċiżjonijiet fuq bnedmin illi diversi la raw u lanqas qatt ma tkellmu magħhom, però li jien rajt u missejt.

3.    Iva, għall-kuntrarju ta’ ħaddieħor, missejt b’idejja u affrontajthom b’wiċċi minn quddiem u b’qalb miftuħa.  Kull darba li mort, spiċċajt nagħmel meeting pubbliku b’domandi u risposti ċari u diretti.  La bżajt mill-verità u wisq u wisq inqas li mmisshom u ngħannaqhom.  F’ebda mument ma dħakt bihom u tajthom x’jifhmu li f’dan il-pajjiż għandna territorju tant kbir li ser inħalluhom jiġru ‘l hemm u ‘l hawn, mingħajr konsiderazzjoni ta’ xejn.  Il-politika ta’ detenzjoni żammejtha, bħala Ministru, fl-interess tal-poplu u fl-interess tagħhom stess, jiġifieri ta’ dawn il-povri li jaslu f’pajjiżna bil-baħar b’diffikultajiet kbar.

4.    Fl-interess ta’ pajjiżna għax għandna nieħdu ħsieb nipproteġu lill-poplu.  Mhux kull min jiġi nistgħu nippresumu li għandu intenzjonijiet tajba.  Aħna wkoll parti mill-Ewropa u għandna dmirijiet ċari dwar kif għandna niggarantixxu s-sigurtà lil kulħadd.  It-tieni, mhux kull min jiġi jaf x’ser isib.  Anzi, diversi traffikanti kriminali jgħidulhom ħaġa u huma jsibu oħra.  Oħrajn, lanqas biss ikunu missew mal-istituzzjonijiet demokratiċi u normali, u trid tfehemhom li hawn jeżistu sptarijiet, skejjel, soċjetà, pulizija, qrati, liġi, ġustizzja, eċċ.  Hemm bżonn perjodu ta’ transizzjoni neċessarju biex dawn il-persuni jifhmu u jiġu mgħallma.  Ma nilludux ruħna li kull min jasal hawn, immedjatament kif imiss magħna, ser isir parti sħiħa mis-soċjetà tagħna u dik Ewropea.  Jibqgħu jġorru pajjiżhom u l-kultura tagħhom u jrid jgħaddi ftit taż-żmien mhux ħażin sabiex jinbidlu.

5.    Fl-interess tagħhom ukoll.  Ngħid dan għax skużawni, imma xbajt nara ipokresija f’pajjiżna u barra minn xtutna, ta’ dawk li jaħsbu li tkun korrett jekk sempliċement tħallihom jiġru waħedhom u jfendu għal rashom fl-individwaliżmu tipiku tal-liberaliżmu.  Meta żżomm persuni fid-detenzjoni, kif nagħmlu, nieħdu ħsieb il-bżonnijiet tagħhom.   Ikel, saħħa, tagħlim u fejn jgħixu u jorqdu.  Nassiguraw dan anke meta joħorġu barra.  Bir-rispett kollu, ħadd fl-Ewropa ma jagħmel l-istess li nagħmlu aħna magħhom.  Jafu, fil-maġġoranza tagħhom, li aħna naqbżu għalihom ukoll sabiex fis-soċjetà jkunu protetti sew.  Is-servizzi kollha jingħataw mingħajr riservi jew diskriminazzjoni.

6.    Mhux biss, imma għall-kuntrarju ta’ ħaddieħor, bl-isforzi tagħna assigurajna li dawk li ħaqqhom protezzjoni, speċjalment familji, rajna li nagħtuhom futur f’pajjiżi oħra.  Marru madwar 1,500 ruħ fl-Ewropa u fl-Istati Uniti tal-Amerika u hemm bdew ħajja ġdida.  Dan ma waqax mis-sema, imma sar mertu ta’ ħidmet dan il-Gvern.  Ħidma li saret b’ħafna rwiefen kontrina u mingħajr ħafna appoġġ minn ċerti organizzazzjonijiet internazzjonali.  Il-persuni li marru jafuh dan, bħal ma jafuh dawk li għad iridu jmorru.  Dawn huma passi li aħna għandna d-dritt li ninfurmaw lill-poplu bihom u dan għax huma passi tajbin u li huma għas-sewwa.  Passi li saru biċċa biċċa, b’riformi kontinwi żgħar u kbar kontra kull kurrent.

7.    Biss, id-detenzjoni sservi sabiex tassigura kemm jista’ jkun malajr li min ħaqqu jingħata protezzjoni jeħodha u min ma ħaqqux nibgħatuh lura lejn pajjiżu.  Tul dawn is-snin, assigurajna li l-proċess li bih issir din id-distinzjoni, jsir malajr.  Il-Kummissarju tar-Refuġjati għandu veloċità ikbar minn dik ta’ pajjiżi oħra.  Mertu tiegħu u tal-persuni li għandu jaħdmu miegħu, illum-il ġurnata għandna proċessar aqwa milli kellna u aqwa minn dak ta’ pajjiżi oħra.  Din il-ħidma hija għalija l-pern, il-ġebla tax-xewka tal-politika tad-detenzjoni.  Minnha tagħmel ġustizzja bejn dawk li għandhom jiġu protetti u dawk le li nibgħatu, kif aħna nagħmlu, lura.

8.    Tul dawn is-snin ħadna ħsieb inżommu din il-linja politika b’dinjità u attenzjoni.  Fl-opinjoni tiegħi, ikun żball jekk din tiżżarma għax iġġib kaos, twassal għal sfruttament ta’ dawn il-persuni, tkabbar l-inċentivi għall-abbuż fit-traffikar ta’ persuni għal skopijiet kriminali u flok inkunu qed ngħinu lil min huwa vulnerabbli, inkunu qed nissudaw lil min irid jirkeb fuqhom.  Nittama li kulħadd jifhem dan għax inkella nkwiet, razziżmu u ssudar ta’ persuni fuq il-lemin estrem ikollna.  Il-politika tad-detenzjoni, odjuża kemm hi odjuża, tibqa’ waħda neċessarja.

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...