26.10.23

ŻMINIJIETNA HUMA IKKUMPLIKATI

1. Dak li għaddejjin minnu ma huwa xejn faċli. B’żewġ kunflitti daqshekk qawwija viċin ħafna tagħna, is-sitwazzjoni sejra biex tkompli tikkumplika ruħha. Il-qtil tal-bnedmin ma ġiebx soluzzjonijiet imma iktar taħwid. Il-vjolenza trawwem iktar vjolenza, iktar u iktar f’żewġ xenarji fejn hemm storja ta’ nkwiet, intolleranza u kunflitti. Huwa ovvju li jekk qabel kien hemm min kien komdu li ma jsolvix u jħalli l-affarijiet għaddejjin mingħajr soluzzjoni, illum qiegħed jixtieq li għamel użu aħjar minn ħinu. Id-diskorsi tallum kienu jkunu aħjar kieku saru lbieraħ. Punt li jimmerita iktar attenzjoni f’soċjetà li flok marret lejn ideat ta’ għaqda, marret għal aktar firda. Flok ħadet ħsieb twieġeb għat-tbatija ta’ oħrajn, injorathom. Flok marret għat-toroq taċ-ċentru u l-moderazzjoni marret lejn l-estremiżmu tal-lemin.

Żmien ta’ bidla


2. F’dan hemm iktar sejħiet għall-bidla. Il-gwerer li għandna u li qed ikomplu jissudaw fl-istrateġiji varji li qed naraw għaddejjin qed inisslu tamiet differenti. Meta wieħed jara li pajjiżi li kienu fatturi ta’ stabilità fl-ordni mondjali li qed jaqbdu toroq oħra. Meta tara li flok iktar sforzi lejn medjazzjoni u soluzzjoni hemm min telaq ir-riedni. Meta tara li qisu hemm min qiegħed jiġi miġbud biex jgħin, direttament jew indirettament lejn iktar qtil u direzzjoni ’l hemm tkompli tikber sejħa differenti. Hija l-paċi li hija fl-ordni naturali tal-bniedem, u mhux il-ġlied. Minn dak li qegħdin issa naraw, anzi, hija don. L-istorja tad-dinja turi dan il-fatt kontinwament. Mill-gwerer, iċ-ċiviltà tmur lura. Il-bniedem imur lura, il-ħajja titlef mit-tajjeb li kapaċi tagħti. F’dan, il-bnedmin li fil-maġġor parti tagħhom mhumiex mogħmija minn din il-linja żbaljata qed jitolbu li nidħlu fi żmien ta’ bidla.

Żmien l-elezzjonijiet

3. F’dan huwa iktar ikkumplikat fl-għażliet li l-elettorati għandhom quddiemhom. Fid-diffikultà li wieħed jagħżel u jidentifika lil dawk li kapaċi jmexxu lejn il-bidla u dawk inqas. Hemm sejħa popolari għall-politiċi li kapaċi jieħdu fuq spallejhom ir-responsabbiltà li jaħsbu b’rashom u jmexxu lejn il-paċi u l-istabilità. Kapaċi jifhmu x’inhija l-ġustizzja li jridu jkunu l-vuċi tagħha. Politiċi b’esperjenza li kapaċi, f’dak li ġarrbu, joħorġu lilna lkoll mill-proċess distruttiv li ninsabu fih. Id-dinja mhux tavvanza qegħda bħalissa, imma tmur iktar lura. Qisna f’dawk il-mumenti fiċ-ċiviltajiet li Arnold J. Toynbee (1889-1975) kien kiteb tant tajjeb dwarhom meta qal li kollox jikkrolla meta flok tirbaħ il-forza tar-raġuni tirbaħ il-forza. F’dan iktar huwa mument ta’ riflessjoni quddiem l-appuntamenti li d-demokraziji varji qed iressqu għalina. Fl-għażliet li għaddejjin u li ġejjin.

Żmien ta’ indeċiżjoni

4. Minn dak li jidher, il-popli huma f’mumenti fejn mhumiex ċari biżżejjed fuq l-għażliet politiċi tagħhom. Fuq naħa alternattivi li mhumiex ikkunsidrati hekk minnhom, u forsi wkoll mhux wisq konvinċenti. Fuq l-oħra l-għarfien li m’hemmx bidliet veri li jistgħu jsiru minn dawk li qed jersqu ’l quddiem. F’demokraziji li huma iktar immejla lejn il-vuċijiet li joħorġu mill-ideat ekonomiċi u inqas f’dawk soċjali, dan verament huwa iktar viċin in-nuqqas ta’ stabilità. Dan huwa iktar evidenti mir-riżultati elettorali li kellna f’dawn l-aħħar xhur ta’ din is-sena f’numru ta’ pajjiżi li huma influwenti sew fil-ħajja tal-Unjoni Ewropea u mondjali. Riżultati li ma jagħtux vittorji daqshekk netti lil naħa jew oħra. Anzi li juru li, f’ħafna, il-votanti huma maqsuma bi kważi min-nofs f’forom varji ta’ staġnar elettorali.

Żmien iktar si preces veritate nitantur

5. Dan dejjem minn dak li jingħad u li jista’ jinqara minna. Dejjem jekk fl-analiżi tal-affarijiet qed inmissu mal-verità u mhux nibbażaw ruħna fuq dak li mhuwiex. Imma meta tara kif żviluppaw l-affarijiet fi Spanja, fil-Polonja u l-Lussemburgu forsi tista’ tieħu direzzjoni. Spanja ta’ żewġ partiti, wieħed Popolari mmexxi minn Alberto Nunez Feijo bi 33.1% u 137 siġġu, u l-ieħor Soċjalista ta’ Pedro Sanchez b’31.7% u 121 siġġu huma indikazzjoni ċara. Ħadd m’għandu maġġoranza ċara u għalhekk iktar u iktar fil-kumplikazzjonijiet li wieħed jasal fi koalizzjoni, dejjem jekk possibbli. Il-Polonja, fejn iż-żewġ protagonisti qasmu huma wkoll il-vot. Fuq naħa l-Partit tal-Ġustizzja u l-Liġi ta’ Jaroslaw Kaczynski li għandu 194 siġġu, imma li tilef numru sew ta’ voti, u fuq l-oħra l-koalizzjoni mmexxija minn Donald Tusk bil-Koalizzjoni Ċivika li tmexxi tlett partiti, li fihom tnejn żiedu l-voti u wieħed naqqas. L-istess fil-Lussemburgu, fejn il-partiti huma wkoll f’pożizzjonijiet xejn faċli, bil-Partit Demokristjan CSV (Chreschtlech Sozial Partei) tal-ħabib Luc Frieden u dak li kien qabel fil-Gvern, il-Partit Demokratiku mmexxi minn Xavier Bettel. Riżultati li jindikaw li l-popli huma maqsuma u li l-alternattivi politiċi mhumiex daqshekk identifikabbli għalihom.

Żmien ġenerali


6. F’dan huwa iktar ċar li ninsabu f’pożizzjoni iktar diffiċli, u f’ħafna, hija waħda ġenerali. In-nuqqas ta’ preparazzjoni politika għas-sitwazzjoni preżenti ta’ diversi mexxejja qegħda twassal għal dan. M’hemmx apprezzament veru tar-realtà u ta’ kif id-demokrazija għandha tkun tweġiba għaliha. Il-politika hija maqtugħa mill-bżonnijiet tal-popli li ma jridux jgħixu fl-instabilità imma fil-paċi. Dan jista’ jsir b’aktar ġustizzja u għarfien li hemm minjiera, fl-istorja umana, li tista’ tiġi utilizzata. Is-sitwazzjoni hija ikkumplikata proprju għax għal dak li hemm bżonn, il-poplu mhuwiex jara u jidentifika soluzzjoni. Anzi, vot li jintilef fit-toroq ta’ reazzjonijiet varji iktar milli proposti diretti ’l quddiem.

Żmien u opportunitajiet

7. Dan jgħodd iktar għalina li sejrin, f’dawn it-tlett snin li ġejjin, għal numru ta’ appuntamenti elettorali determinanti. Forsi nifhmu aktar li dak li ngħidu u dak li nipproponu jrid jitlaq minn linji soċjali aktar minn dawk ekonomiċi. Jitilqu aktar minn isfel għal fuq, milli bil-kontra. Irridu nersqu aktar lejn l-elettorat sħiħ li rridu nirrappreżentaw milli nibqgħu ’l bgħid fil-kastelli tagħna. Il-pajjiż għandu bżonn dan il-proċess għax dak li ġej ser iwassal għal iktar sofferenzi u iktar kumplikazzjonijiet. Ma nilludux ruħna li l-gwerer viċin tagħna, u fuq il-livelli li qed naraw, mhumiex ser ikollhom l-effetti negattivi tagħhom fuqna. Fil-paċi d-dinja tikber; fil-gwerra titkisser. Hemm l-opportunità li tinfetaħ paġna ġdida fl-istorja Ewropea u tagħna jekk nifhmu dan kollu u naġixxu bħala poplu u pajjiż sħiħ. Jekk din tgħaddi, mal-kumplikazzjonijiet li qed ngħixu ser jiżdiedu ferm iktar oħrajn, u ta’ portata akbar.

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...