4.10.23

IL-POLITIKA HIJA VOKAZZJONI - Tislima lill-ex-President Taljan Giorgio Napolitano

1. Nemmen li hemm linji varji li jnebbħu lill-bnedmin biex jagħtu s-servizz pubbliku tagħhom. Uħud tkun għalihom parti minn tmiem karriera, oħrajn le. Dawk li jkunu fil-kategorija li jidħlu b’dedikazzjoni u b’passjoni, ħafna drabi jkunu qed iwettqu dan b’vokazzjoni. Mhux, ċertament, b’karriera. Bnedmin li jafdaw fil-ħajja u f’dawk li jridu jirrappreżentaw. Hemm mument meta l-poplu jagħżlek u hemm dak li le. Hemm fejn jivvutawlek ħafna nies, u hemm fejn inqas. Imma, jum wara jum tispiċċa tifhem aktar u tipprepara ruħek dejjem aħjar biex tikkumbatti tajjeb għal dawk li huma ’l iktar ’l isfel fis-soċjetà.

Hekk kien

2. Tul din il-ġimgħa li għaddiet minn fuqna rajna politiku ta’ din il-linja jinġabar u jgħaddi għal ħajja aħjar. Giorgio Napolitano, imwieled fid-29 ta’ Ġunju 1925, ġie nieqes f’età ta’ 98 sena, nhar it-22 ta’ Settembru. Kien persuna li ħadem favur il-ġustizzja soċjali kif kien iħares lejha hu. Kien il-bniedem li trabba f’dar fejn missieru kien avukat imqabbad sewwa, u li kien ħadem sabiex ibnu jkompli l-uffiċċju legali. Imma huwa għażel li jidħol fid-dinja politika, u iktar, f’isem il-Partit Komunista Taljan fl-1945. Attiv fost ir-Reżistenza. Parti mill-partiġġjani u viċin Palmiero Togliatti (1893-1964), kap storiku tal-moviment li kien, fil-bidu tiegħu, viċin ħafna l-Unjoni Sovjetika. Imma l-istorja ta’ dan il-partit uriet li dak li kien jidher bħala satellita, maż-żmien żviluppa fl-indipendenza u l-awtonomija tiegħu.

Magħruf sewwa

3. Kien bniedem ta’ prinċipju, anke jekk aħna ma naqblux miegħu. Kelma kien jgħidha biex, fl-onestà politika tiegħu, jimmarka d-differenza. Ma kienx lest li jċedi mill-pożizzjonijiet tiegħu, imma biċċa biċċa, kif jiġri fl-esperjenza politika biddel, jew aħjar, immira b’mod differenti l-ideat tiegħu. Iktar u iktar meta sar kap tal-partit Enrico Berlinguer (1922-1984), li jibqa’ persuna li għamel ħafna ġid sabiex il-partit mexa ’l quddiem, sija fil-kunsens elettorali, kif ukoll fl-impostazzjoni. Partit organizzat, li fih Napolitano ħadem sew. Niftakru mid-diversi dibattiti u diskorsi li segwejtu jagħmel. Preċiż, b’opinjonijiet ċari u argumenti li faċli tifhem. Kien il-bniedem li fetaħ il-bieb għal rapporti aqwa mal-Istati Uniti tal-Amerika. Proċess li beda taħt il-presidenza ta’ Jimmy Carter (1924) u kompla sabiex jiġi ffurmat il-kurrent politiku magħruf bħala l-‘Ewrokomuniżmu’, flimkien mal-Ispanjol Santiago Carillo (1915-2013) u l-Franċiż George Marchais (1920-1997). Dak li fil-fatt iddikjara ruħu maqtugħ minn Moska.

Mal-mewt


4. F’ħafna, il-Partit Komunista Taljan, li fih huwa kien protagonist f’dak li ġie msejjaħ ‘il-lemin tal-partit’ kien kompatt u miexi sew ’il quddiem sakemm Berlinguer kien għadu ħaj. Imma mal-mewt tiegħu l-affarijiet inbidlu sew u ħarġu mill-idejn. Napolitano, dwar dan kien qal hekk: “Alla morte di Berlinguer, il mio stato d’animo fu perciò non solo quello del dolore personale, ma quello del senso del fatale declino del partito e del movimento con cui avevamo entrambi identificato la nostra vita.” (Bil-mewt ta’ Berlinguer, apparti li kont imdejjaq personalment, ħassejt iktar dak is-sens li l-partit u l-moviment li ħdimna fih u li kien ħajjitna kien ser jibda nieżel ’l isfel.)

Wara

5. Biss, bil-proċessi ta’ trasformazzjoni tal-moviment Komunista, u anki bl-għarfien akbar tal-pożizzjonijiet moderati u tal-moħħ preċiż ta’ Napolitano, sab ruħu maħtur. L-ewwel bħala Ministru tal-Intern u wara President tal-Kamra tad-Deputati u President tar-Repubblika għal darbtejn in fila. Kien l-ewwel Komunista li serva f’dawk il-karigi b’suċċess, imma mhux b’nuqqas ta’ diffikultà. Iddixiplinat u mhux lest joqgħod għall-ħmerijiet ta’ naħa jew oħra. Imparzjali, u fl-istess ħin promotur tal-bżonnijiet li l-Istat Demokratiku kellu. Iħares ’il quddiem, u fl-istess ħin jispira lil diversi sabiex jifhmu li d-demokrazija mhix ta’ xi wħud. Hija valur f’idejn il-poplu kollu. Wirt uniku li jrid jibqa’ jiġi kkultivat u ssudat.

Fl-2010

6. Li nista’ ngħid iktar huwa li dawn il-kwalitajiet stajt narahom direttament f’Settembru 2020, meta kelli x-xorti li nakkumpanjah bħala ministru fil-viżta statali tiegħu f’pajjiżna flimkien ma’ martu, Clio Maria Bittoni. Waqt li konna nkunu drabi flimkien fil-karozza statali, mimlija storja u trab tas-sekli, tkellimna. Nammetti li kont ħadt ħsieb noqgħod pass lura proprju għax kont segwejt il-karattru tiegħu. Imma, fortunatament għalija, huwa kien jibda l-konverżazzjoni fuq diversi punti li lkoll riedu attenzjoni kbira. Biss biss, waqt li żorna l-Kon Katidral ta’ San Ġwann ma waqafx iħares lejn dak li kien qiegħed jara, u fejn għal kull parti tal-ispjegazzjoni li ngħata kien jistaqsi domandi li kienu juru biċ-ċar li kien bniedem mimli kultura u sens tal-Ewropa. Il-Kavallieri kienu hawn; biss għalih kienu jirrappreżentaw Ewropa magħquda. Ma naqasx wara, li waqt li dar it-toroq tal-Belt, diversi laqgħuh u ma kinux biss it-Taljani li tawħ iċ-ċapċip.

Fl-Imdina


7. Niftakru wkoll fil-Katidral tal-Imdina u l-Mużew tiegħu, idur u jħares kullimkien. Ħafna drabi wkoll f’diskussjoni miftuħa ma’ martu, li hija wkoll kienet qed tosserva dak li kienet qed tara bl-għajn u l-moħħ fin u dirett tagħha. Niftakru wkoll idur mat-toroq tal-istess belt, jiltaqa’ man-nies, b’mod partikolari mal-kunsilliera Jane Attard li, sena qabel, fl-2009, kienet għadha kif ġiet eletta għall-ħames darba u li kellha età daqsu, ħamsa u tmenin sena. Magħha segwiet konverżazzjoni mill-iktar ħelwa, fejn wera mhux biss interess, imma wkoll rispett. Umiltà politika vera, li wrietni biċ-ċar li verament kellu vokazzjoni għall-politika, li din kienet ġejja mill-qalb. Kien jara ’l-bnedmin verament b’imħabba, u kien preparat jifhem dak li jaraw u jmissu miegħu n-nies. Nammettli li fuqi ħalla marka.

Kompla għaddej

7. Komplejt insegwih fi triqtu f’dak li kien stabbilit għalih li jservi fih. Għamel ġid lil pajjiżu, u ismu baqa’ miżmum fuq wiċċ l-idejn. Kwalitajiet li l-forzi politiċi apprezzaw ferm, għax kien l-ewwel wieħed li wara li serva żmienu fil-presidenza, ġiet mitlub sew minn kulħadd biex iservi terminu ieħor. U hekk għamel fl-2013, b’sens kbir ta’ lealtà u fit-triq politika tiegħu. Kien bniedem li ħalla warajh legat sabiħ ta’ ħsibijiet, u l-iktar, imġieba. Mudell għal dawk li jridu, fuq ix-xellug, jagħrfu kif iservu sew lill-oħrajn. F’dan, ċertament kien iħares lejn il-politika bħala forma ta’ ‘professjoni’, imma l-iktar fl-imħabba lejn dawk li serva bħala vokazzjoni.

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...