20.10.23

MA HEMMX TRIQ LURA

1. Dak li seħħ is-Sibt 7 ta’ Ottubru 2023 f’Iżrael ma jistax, b’xi mod, jintesa. Huma wisq koroh, atroċi u diżumani l-azzjonijiet li seħħew minn din l-organizzazzjoni li ssejjaħ lilha nfisha ‘Hamas’. Taħt ebda kappa ta’ ebda xemx, titla’ meta titla’ u tinżel meta tinżel, ma jista’ qatt jiġi ġustifikat tali aġir. M’hemmx kawża politika, soċjali, ekonomika jew kulturali li tista’, b’xi mod, tagħti xi ħajt ta’ kenn għal dak li dawn il-membri wettqu. Daħlu f’diversi djar u qatlu bnedmin innoċenti kiesaħ u biered. Daħlu u qatlu tfal. F’post minnhom, f’wieħed mill-kibbutz bl-isem ta’ Kfar Aza nstabu mitejn u erbgħa u tletin persuna maqtula, li minnhom erbgħin kienu tfal żgħar tat-twelid li wħud minnhom, terġa’, instabu b’rashom maqtugħa barra. F’post miftuħ fejn kien qiegħed jiġi organizzat festin għaż-żgħażagħ inqatlu mitejn u sittin persuna kiesaħ u biered. Ilkoll ta’ xejn. M’għamlux xi atti ta’ aggressjoni. Kienu għaddejjin bil-ħajja normali tagħhom u nqatlu. Innoċenza pura li sabet ruħha maħkuma u mikula minn annimali feroċi libsin ta’ bnedmin.

Massakru tal-Innoċenti


2. F’dan diversi ftakru meta, elfejn sena ilu, Erodi kien bagħat lis-suldati tiegħu joqtlu tfal li kienu għadhom kemm twieldu. Qtil ta’ ulied innoċenti, massakrati ta’ xejn u għal xejn, ma jmurx jitlef ir-renju jew ix-xettru, li fil-fatt tilef. Hekk seħħ mill-ġdid b’aktar u aktar vjolenza u fit-triq li l-banalità assoluta tal-ħażen tieħdok fiha. Min qatel ħaqqu kundanna mill-iktar gravi li jiġi proċessat u sentenzjat. Aġir li waqt li tarah u tifhmu tara li m’hemmx kliem biex tiddeskrivih tant kemm huwa żbaljat. Aġir li kif kiteb tant tajjeb David Grossman (1954), il-kittieb famuż Iżraeljan fil-gazzetta Taljana La Repubblica tal-Ħamis: “Non so se chiamarli ‘belve’, ma di certo non hanno sembianze umane.” (Ma nafx jekk insejħilhomx bhejjem, imma ċertament m’għandhomx mill-bnedmin.) Bnedmin fuq barra bla forma ta’ kuxjenza u wisq inqas kapaċi jagħrfu dak li huwa sewwa minn dak li mhuwiex. Wisq u wisq inqas dak li m’għandu qatt u qatt isir.

Ebda raġuni

3. Ma kien hemm verament ebda raġuni li tista’ tiġġustifika dan l-aġir. Minnu hemm biss effetti negattivi. Fuq naħa l-kawża Palestinjana ħadet daqqa ta’ ħarta kbira. Kif iddeskriva tant tajjeb editorjal, fost oħrajn f’ġurnali oħra, miktub tajjeb ħafna fil-Malta Today bit-titlu “A Disservice to the Palestinian Cause”. Ma ġġibx soluzzjonijiet politiċi billi twettaq aġir simili. Kif kompla dak l-editorjal bilanċjat u attent, fost oħrajn: “Hamas operatives may describe themselves as freedom fighters but their actions on Saturday exposed them for the terrorists they are. What we witnessed on Saturday was the outcome of Hamas’s warped ideology that Israel should be wiped out. It also confirms the militant group’s lack of willingness to ever seek a negotiated political solution to the decades-old conflict.” Hekk huwa, ċertament. Organizzazzjoni terrorista li ma magħha ma tistax, b’xi mod, tasal. Waħda li magħha rridu nkunu attenti li ma nħalltux poplu sħiħ. Altru l-poplu Palestinjan, u altru l-Hamas. Hemm oħrajn, il-Fatah, li għandhom ikunu l-interlokuturi tagħhom.

Żieda

4. Dan l-aġir mhuwiex ser iġib, bih innifsu, xi forma ta’ soluzzjoni. Ma tneħħix gvern dejjem sejjer lejn il-lemin estrem immexxi minn Benjamin Netanyahu, li għandu r-responsabbiltajiet politiċi u militari tiegħu, b’dan il-mod. Minflok ser tassigura li żżid fil-mibgħeda li diġà teżisti. Ser minflok tiġġustifika li min kellu fl-aġenda l-ħsieb li jrid jattakka u jeqred kull forma ta’ soluzzjoni futura. L-intensità tal-odju hija issa kbira wisq u jridu jgħaddu snin verament twal sabiex, b’xi mod, jaslu lura biex il-partijiet jiġu madwar mejda. Bħalissa l-qerda ta’ xulxin qed tiġi prospettata. Għax kif diġà qed naraw, b’dak li seħħ, żbaljatament qed jiġu iġġustifikati attakki mill-iktar qawwija u kiefra fuq Gaza. Fejn fl-aħħar tal-ġranet li għaddew iktar persuni innoċenti, din id-darba Palestinjani, qegħdin u ser ikomplu jinqatlu. Id-dinja ser tkompli tara massakri oħra mressqa ’l quddiem minn aġenda politika li ilha s-snin fi triq żbaljata. Massakri ma jiġux iġġustifikati b’aktar massakri. Iktar u iktar meta Iżrael, fit-triq li qabdet u fir-rabja li issa laħqet l-ogħla livelli, sejra lejn iktar u iktar estremiżmi. Kif josserva tajjeb Grossman: “Israele dopo la guerra sarà molto più di destra, militante e anche razzista. La guerra che le è stata imposta imprime nella sua coscienza gli stereotipi e i pregiudizi più estremi e odiosi che definiscono la fisionomia dell’identità israeliana.” Din hija l-biża’ tagħna llum f’dan il-proċess li jidher għalina irriversibbli.

Responsabbiltà

5. Iktar u iktar illum fid-dawl tal-fatt li Benjamin Netanyahu għandu r-responsabbiltajiet tiegħu fuq żewġ livelli. L-ewwel: fuq dak militari, ta’ sigurtà. Il-pajjiż kien qiegħed jingħadlu li minkejja dak li kien qiegħed jiġri fix-xenarju intern fl-attakk lill-istituzzjonijiet demokratiċi, xorta kellhom ikollhom moħħhom mistrieħ għax il-Gvern kien jgħid lill-poplu li ħadd m’huwa iktar b’saħħtu jew sofistikat jew espert militari minnhom. Minkejja dan il-kliem fl-arja il-forzi tas-sigurtà fallew għax xorta kien hemm dan l-attakk. Infiltraw u ħadu b’sorpriża lil dawk li kienu daqshekk ippreparati u għal dan ħallsu l-prezz l-innoċenti. Hemm min, għada pitgħada jrid iwieġeb għal dan in-nuqqas. Il-pajjiż qiegħed jingħaqad u qiegħed jirreżisti għax hekk hija n-neċessità nazzjonali, imma jħossu tradut. Tradut għax it-terroriżmu daħal fil-qalba tal-poplu Lhudi.

Mhux biss

6. Responsabbli fuq livell politiku. Dan fid-dawl tat-tmexxija korrotta li ġibdet iktar ’l isfel lil pajjiż daqshekk liberu u moderat. Biex jaħrab il-kundanni tat-tribunali qed tiġi sagrifikata sistema sħiħa. Tnaqqret id-demokrazija, u magħha l-istituzzjonijiet ġudizzjarji, l-eżerċitu u s-sistema edukattiva. Flok pajjiż paċifiku, pluralista, li jirrispetta l-fidi reliġjuża ta’ kull persuna, fil-libertà demokratika sar wieħed il-kontra u mhux wisq tolleranti, jiġbed lejn l-estremiżmu tal-lemin. Flok fittex soluzzjonijiet li seta’ jsib mal-Fatah u l-Palestinjani, li huma bnedmin ukoll, fittex biex jingħalqu l-bibien tad-djalogu.

Inqabdet direzzjoni

7. Issa m’hemmx mod ta’ kif tieħu lura l-affarijiet. It-triq inqabdet, u fejn ser tispiċċa ma nafux. Iktar u iktar meta, kif nafu u rajna f’dawn il-mumenti, ir-raġuni tibda titlef mill-forza tagħha u l-forza ssir ir-raġuni. Iktar u iktar f’dak li ser naraw, fejn iż-żerriegħa tal-mibgħeda ser tikber. Il-partita, ċertament, m’għalqitx hawn. Fuq naħa għandek miljuni miġbura f’Gaza li mhumiex ilkoll Hamas jew membri terroristiċi. Fuq l-oħra, il-pajjiżi l-oħrajn tal-madwar li jistgħu jidħlu fil-ġlieda in parti jew fis-sħiħ. Jinfetħu xenarji ta’ kunflitt lijkun aktar u iktar devastanti għar-reġjun u għalina lkoll.

Dmirna

8. Il-vjolenza ma tiqafx waħedha. Jekk ma titrażżanx tikber u tkattar aktar id-distruzzjoni, li ma tmurx fuq naħa waħda biss. Hemm min jaħseb li jkun b’saħħtu li jsir dgħajjef, u hemm il-kontra. Xejn m’huwa ċert u skuntat mill-bidu. F’dan però aħna nistgħu, almenu fuq livell parlamentari, niddiskutu dak li seħħ u fejn sejrin. Nikkundannaw fiż-żgur l-atroċitajiet li seħħew u nuru solidarjetà mal-vittmi u l-ostaġġi, mingħajr illużjonijiet jew diskors mimli xemgħa, imma anzi fir-realiżmu tal-preżent. Dan għax għandna nagħrfu lkoll li hemm biss ċertezza waħda: dik li turi li ma hemmx triq lura.

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...