7.7.22

Rebħa għall-Istabilità

 


1.      L-aħbar li Emanuel Macron ġie konfermat President tar-Repubblika Franċiża hija fit-triq tal-istabilità.  Stabilità, l-ewwel, Ewropea, u wara mondjali.  Franza huwa pajjiż li jibqa’ ankra vitali għall-politika, sija fi ħdan l-Unjoni Ewropea, kif ukoll f’dik tal-Ġnus Magħquda.  Waħda li ċertament teffettwa lilna wkoll.

 Demokrazija

 2.      F’dan huwa iktar ċar li l-vot kien kontra kull forma ta’ estremiżmu.  Dak li Marie Le Pen tirrappreżenta, u anzi, f’dak li tibqa’ ssegwi linja politika żbaljata.  Mhux biss, imma huwa iktar qawwi li l-messaġġ anti-Unjoni Ewropea tagħha ġie miċħud.  Ħadd ma jista’ jissogra li jitlaq lejn esperimenti li, fl-aħħar tal-ġurnata, jwettqu l-ħsara.  Dak li d-demokrazija affermat f’dawn is-snin m’għandux jintilef.

 Tassigura

 3.      Għalhekk, wieħed għandu ċertament jirrifletti fuq kif partit tal-lemin fi Franza ewropea għandu jmur daqshekk tajjeb.  Wieħed għandu jirrifletti u jara kif, anzi, anki x-xellug estrem żied huwa wkoll fil-kunsensi.  Dan qed jingħad għax il-pajjiż għadda minn diversi problemi ekonomiċi fi ħdan il-proċess tal-pandemija.  Dawk li ppermettew li min huwa l-iktar l-isfel iħoss l-iktar l-impatt.  Mentri l-interessi ta’ min qiegħed fuq, ġew iktar protetti.

 Effett kuntrarju

 4.      Minn dan huwa iktar ċar li l-familja Le Pen qegħda tassigura li min ikun qiegħed jiġri kontra tagħha jiġi elett.  Huwa mill-iktar ċar li ma tistax tiġi eletta President tar-Repubblika.  U tipprova kemm tipprova, tibqa’ vuċi ta’ forma ta’ protesta, imma mhux dik li tista’ tibni u tmexxi pajjiż daqshekk kompless.  Pajjiż li l-politika barranija tiegħu hija ċentrali għal dak li hija stabilità u viżjoni fit-tul.  Le Pen diġà ma ġabritx il-kunsens nazzjonali drabi oħra fil-passat, u tibqa’ toħroġ kemm toħroġ, ma tiġix magħżula.

 Delużjoni

 5.      F’dan, però, wieħed irid jgħid li l-aħħar terminu ta’ Macron ma laħaqx dak li ħafna ppretendew minnu.  Meta wieħed jara dak li ddikjara qabel ma beda ħidmietu, speċjalment kitbietu, isib li altru x’qal u altru x’għamel.  Mhux biss internament, imma wkoll fuq livell Ewropew.  Ir-riformi u l-ideat tiegħu ma seħħewx, u anzi, sabu ħafna reżistenza.  F’dan irid ċertament jara kif ser jipprova jibdel lilu nnifsu u jifhem iktar ir-realtà li qiegħed jiġi mitlub jaffronta.

 Importanti

 6.      F’dan kollu huwa iktar importanti li t-tmexxija Macron tifhem aħjar dak li lkoll nistennew minnha.  Iktar u iktar f’dan iż-żmien, fejn il-gwerra ta’ aggressjoni hija għaddejja mill-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna.  Sehem u passi li hemm bżonn li jittieħdu, sabiex il-partijiet jinġiebu mal-mejda tad-diskussjoni.  Mhuwiex aċċettabbli li jibqa’ jseħħ dan id-diżastru, li fih, bnedmin varji qed jitilfu ħajjithom u l-bliet qed jitkissru kompletament.

 Forza ta’ stabilità

 7.      Il-bilanċ intern Ewropew kellu bżonn li Macron jiġi konfermat.  Dan meta wieħed jagħraf li Franza u l-Ġermanja huma forzi politiċi qawwija fl-Unjoni.  U jekk huma t-tnejn jaqblu, rari ħafna biex ma jseħħx dak li jistabbilixxu.  Fit-tmiem tat-tmexxija ta’ Angela Merkel, li żammet iċ-ċentru għal snin twal, l-Unjoni Ewropea ma setgħetx tidħol għal avventura oħra billi tara bidla daqshekk qawwija minn Macron għal Le Pen.

 Nippretendu iktar

 8.      Pajjiżna għandu bżonn jara iktar stabilità politika Ewropea.  Għandu bżonn li pajjiż kbir bħal Franza, fejn hemm ulied varji tagħna, tibqa’ mmexxija tajjeb.  Nittamaw li Macron jifhem kemm huwa importanti li jwieġeb għar-realtà tal-pajjiż.  Jifhem li x-xenarju huwa iktar kumplikat, speċjalment meta wieħed iqis li huwa kap ta’ partit maħluq minnu, u li l-forza tiegħu tiddependi fuq il-Presidenza li qiegħed jokkupa.  Jifhem li d-dinja qed tippretendi iktar mingħandu.

 Inħarsu ‘l quddiem

 9.      F’dan, għalhekk, għandna nħarsu iktar ‘il quddiem.  Għax hemm ħidma li trid issir.  Aktar u aktar meta pajjiżna huwa diġà membru fl-Unjoni Ewropea, imma wkoll fis-snin li ġejjin ser ikun membru mhux permanenti fil-Kunsill tal-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda.  Pajjiżna għandu s-sehem, u l-piż tiegħu fil-politika Ewropea u barranija.  Proprju għalhekk li għandna nħarsu lejn il-futur sabiex dawn jiġu ssudati fit-tieni terminu tal-President Franċiż Emanuel Macron.

 

 

 

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...