7.7.22

Il-Politika wara l-Pandemija

 


1.      Dawn l-aħħar sentejn, li fihom u tulhom għaddejna minn esperjenza differenti sew ġejna lkoll, b’xi mod, milquta.  It-toroq umani ġew mibdula.  Ħafna raw ħajjithom f’ċirkostanzi tant il-kontra ta’ dak li kienu mdorrijin jgħixu fih, li ħarġu magħhom effetti negattivi.  L-aspett soċjali, dak ekonomiku, dak kulturali u wkoll dak politiku ħadu daqqiet varji.  Kemm qed napprezzaw dan issa, fil-preżent li fih jidher li qbadna t-triq lura, hija ħaġa oħra.

 

Waħda differenti

 

2.      Hija hekk għax ngħid li hemm bżonn li wieħed jaqbad proċess ta’ analiżi ta’ dak li seħħ fl-aħħar xhur.  Analiżi ta’ dixxerniment, li permezz tiegħu nistgħu nifhmu l-isfond ta’ ċerti deċiżjonijiet politiċi u kif nistgħu nibnu aħjar.  Hemm bżonn tweġibiet fil-partiti li s-soċjetà qegħda titlob sabiex tifhem aħjar.  Dawn għadhom mhumiex isiru.  Sfortunatament, il-partiti politiċi, flok imxew lejn iktar attenzjoni u rikonċiljazzjoni, konverġenza interna u esterna, daħlu f’ħidma li qegħda tiżra’ iktar riżentimenti.  Twieldu rabji ġodda li ngħaqdu ma’ dawk passati, li flok qed jinġiebu lura għall-kalma u r-raġuni, qed jitħallew ikomplu jikbru.

 

Francesco Occhetta

 

3.      F’dan sibtni, f’dawn il-jiem, naqra ktieb li xtrajt tul il-pandemija.  Wieħed miktub minn dan il-Ġiżwita.  Wieħed li huwa ndirizzat lejn analiżi tal-pożizzjoni politika fl-Italja, imma li fih ukoll lezzjonijiet tajba għalina.  It-titolu tiegħu, fil-fatt, jitkellem waħdu: Ricostruiamo La Politica.  Il-ħsieb huwa kif, u x’sehem għandu jagħti l-politiku Nisrani fl-istaġun preżenti fil-pajjiż ġar tagħna.  Iktar u iktar fid-dawl li ma hemmx partit li huwa b’saħħtu nazzjonalment li jiġbor lura fih id-Demokristjani jew l-Insara fil-ħajja politika.

 

Ma hemmx rikostruzzjoni

 

4.      F’dan, il-Partit Nazzjonalista mhuwiex fil-pożizzjoni fejn irid jibni mill-ġdid.  Fis-sens li m’hawnx bżonn li wieħed jibni partit Demokratiku-Kristjan, għax diġà hemm.  Għandu diġà n-Nisrani, fejn jekk irid jagħżel jidħol biex jagħti sehmu.  Biss, xorta waħda hemm diversi punti li jitolbu li wieħed jirranġa u jifforma aħjar dak li għandu.  Jiddixxerni aħjar, kif jgħid l-awtur: “ai processi che portano alla luce le domande di senso sull’uomo e sul mondo proprio di una Civiltà umana.”  Iktar u iktar meta l-klassi politika f’pajjiżna għandha, u qegħda topera taħt id-dell tal-akkuża kostanti tal-operat tal-korruzzjoni.  L-awtur, fuq dan, ġustament iħares lejn kitbet il-Papa.  U jgħid hekk: “Per papa Francesco la corruzione sporca il cuore di chi la sceglie, offusa le coscienze, toglie la libertà, mortifica il desiderio di amare.

 

Prijorità

 

5.      F’dan trid tibqa’ prijorità li tul dan iż-żmien li ġej, il-klassi pubblika trid tibni mhux biss proċeduri legali, amministrattivi fejn hemm bżonn, imma kultura aqwa.  L-onestà u l-integrità mhumiex dejjem popolari fost il-bnedmin.  Anzi, ċerti drabi jkun hemm min idejqu min ikun hekk.  Imma jekk irridu li l-pajjiż tagħna jimxi ‘l quddiem, irridu nassiguraw li jkollna klassi politika li hija ffurmata aħjar.  Għandna l-esperjenzi, it-tagħlim u t-taħriġ biex tifhem x’inhuwa s-servizz pubbliku t-tajjeb għall-proxxmu.  F’dan, Occhetta jħares lejn prassi u prattika importanti li pajjiżu abbanduna u li huwa jikkunsidra lihemm bżonn li tinqabad, jekk wieħed irid jibni mill-ġdid.  Huwa jgħidhekk: “Per i costituenti, i partiti erano paragonabili a palestre che, attraverso duri e lungi allenamenti, permettevano di selezionare gli uomini più adatti per governare le istituzioni democraticamente.

 

Id-dinja llum

 

6.      Wara l-pandemija ngħid li dawn huma punti li wieħed irid jaqbad mill-ġdid.  Il-poplu jistenna li jkollu persuni preparati mingħandna.  Għalhekk, jekk irridu bnedmin fil-politika t-tajba u iktar Demokristjani, irridu naraw li nwieġbu għal din is-sejħa.  Inwieġbu billi jkollna iktar persuni li jieħdu sehem fl-istrutturi tal-partiti, iktar li jkunu lesti li jservu fil-ħidma fil-Kunsilli Lokali.  Mhux biss jidħlu, imma jmissu mal-esperjenza politika vera.  Jidħlu fil-pjaċir li jagħrfu li l-partiti politiċi huma wkoll strumenti għas-sewwa, li jwettqu passi tajba billi jkunu maħsuba u mibnija fuq l-esperjenza li tkabbar l-umiltà.

 

Ktieb tajjeb

 

7.      Għalkemm, kif għidt, hemm numru ta’ punti li joħorġu dwar kif qed issir il-politika fl-Italja, xorta l-ktieb huwa wieħed li jimmerita attenzjoni.  Aktar u aktar meta l-kittieb huwa kkunsidrat bħala punt ta’ referenza u gwida.  Huwa wieħed li jinsisti li hemm bżonn politiċi li jwieġbu aktar, billi jagħtu kontribut iktar deċiżiv sabiex ikun hemm twettiq aħjar tal-ġid komuni.  Wara l-aħħar esperjenza elettorali huwa proprju iktar importanti li jinbeda dan il-proċess ta’ formazzjoni u dixxerniment politiku.

 

 

 

 

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...