24.7.22

BIRGU – TRIQ IL-MANDRAĠĠ

 

 

 

1943. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra f’liema stadju tinsab Triq il-Mandraġġ, Birgu billi jidher li x-xogħol jinsab wieqaf?

 

22/06/2022

 

  ONOR. AARON FARRUGIA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta lestiet madwar tliet kwarti tal-proġett ta’ €5 miljun biex tagħti ħajja ġdida lill-mollijiet fl-inħawi ta’ Sally Port, il-Birgu, bi prominade ġdid li se jkompli jestendi l-passaġġi pedonali max-xtut tal-Kottonera.

Ix-xogħlijiet, li bdew ftit aktar minn sena ilu, issa qed jidħlu fl-aħħar fażijiet tagħhom. It-tisħiħ u l-bini mill-ġdid tal-pedamenti tal-mollijiet, li kienu tkissru bil-maltemp, dalwaqt ikunu lesti. Bħalissa l-ħaddiema qed ilestu l-burdura ta’ barra tal-moll (cope beam) u bdew jibnu l-passaġġi, punti ta’ qsim pedonali, bankini u konok għall-arbuxelli u pjanti oħrajn li se jkomplu jsebbħu l-passaġġi tal-prominad ġdid.

Għaddej ukoll il-bini mill-ġdid ta’ żewġ skali u ta’ moll żgħir li jużaw is-sajjieda u d-dilettanti tad-dgħajjes f’dawn l-inħawi. Beda jasal ukoll fuq il-post il-ġebel tal-qawwi li qed jinqata’ minn barriera lokali biex fil-jiem li ġejjin jibda x-xogħol tal-pavimentar tal-bankini ġodda man-naħa tas-swar.

Dawn il-mollijiet, b’tul ta’ madwar sitt grawnds tal-futbol (600 metru) jinsabu fiż-żona magħrufa bħala Sally Port jew “It-Toqba”, taħt is-swar tal-Birgu u mal-ġenb tax-xatt tal-Kalkara. Ħafna partijiet mill-istrutturi tagħhom kienu ġarbu ħsarat kbar bil-maltemp matul is-snin. Il-mollijiet komplew tfarrku fil-grigalata kbira ta’ Frar 2019. Uħud spiċċaw f’riskju li jċedu, b’periklu għall-pubbliku.

Infrastructure Malta bniet mill-ġdid il-partijiet li tkissru, filwaqt li permezz ta’ tim t’għaddasa, irranġat partijiet oħra mill-istrutturi tal-moll taħt l-ilma li ma kienx hemm għalfejn jinħattu kompletament. Għal dawn ix-xogħlijiet użat 6,720 tunnellata konkos ta’ kwalità ogħla li jiflaħ aktar għall-elementi tal-baħar, sabiex il-mollijiet ġodda jservu aktar fit-tul.

Fil-ġimgħat li għaddew l-aġenzija naddfet din iż-żona minn għadd ta’ bastimenti żgħar li kienu tħallew mitluqin fuq il-mollijiet matul is-snin. Fost dawn kien hemm żewġ ilzuz (luzzu) u kajjik antiki li fuq pariri tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali ser jinżammu biex fil-futur jiġu restawrati.

It-tisbiħ ta’ dawn il-mollijiet qed isir f’kollaborazzjoni mal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, li se tkompli ssebbaħ il-prominad bi ġnien bil-bandli u b’bankijiet, dwal dekorattivi u installazzjonijiet oħrajn għall-kumdità tal-pubbliku. Il-Korporazzjoni qed tagħmel tisbiħ simili ukoll max-Xatt tal-Kalkara, quddiem il-Knisja Parrokkjali ta’ din il-lokalità.

Il-prominad ġdid ta’ Sally Port jinfed ukoll mal-Waterfront tal-Birgu fuq in-naħa l-oħra ta’ Forti Sant Anġlu, biex b’hekk joħloq rotta għall-mixi mill-isbaħ li tieħdok min-naħa ta’ Bighi fil-Kalkara lejn il-marina tal-Birgu, l-inħawi tal-Baċir Numru 1 f’Bormla, u tul ix-xatt tal-Isla sa ħdejn Boiler Wharf, taħt Ġnien il-Gardjola. Ix-xogħlijiet kollha mistennija jkunu lesti kmieni s-sena d-dieħla.

 Seduta  26

06/07/2022

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...