7.7.22

Appell Dirett.

1. Ix-xenarju Ewropew qiegħed jum wara l-ie]or jibgħat messaġġi xejn ta’ konfort. Il-fatt li l-konflitt fl-Ukrajna seħħ. Il-fatt li nfetaħ kapitolu ta’ gwerra inġusta u mill-iktar kiefra ma hix proprju dawl ta’ tama. Il-komplikazzjonijiet qegħdin jikbru ma kull ġurnata. Iktar bnedmin qed imutu. Iktar tifrik, tkissir u distruzzjoni. Bil-gwerra kif nafu ma ssibx soluzzjonijiet imma toħloq ferm iktar taħwid. Mill-kaos totali li qegħdin fih naraw iktar u iktar li ma huhiex ser iġib la paċi u anqas ordni.

 Sfida

 2. Din hija sfida għad-dinja u b’mod partikolari għall-pajjiżi Ewropej li ma jridux iktar il-gwerra. Sfida u theddida għal dawk il-varji li kienu taħt l-ħakma tal-Unjoni Sovjetika. Il-pajjiżi li jmissu mal-Federazzjoni Russa u mal-Ukrajna jafu x’ifisser dan. Mhux biss imma għandhom quddiemhom issa kwantita kbira ta’ bnedmin li ħarbu sabiex jitolbu rifuġju. Ewropej jitolbu għajnuna u sokkors lil Ewropej oħra. Bnedmin li qed jiġu ta’ fuqhom senduqhom. Bnedmin li tneħħitilhom kull forma ta’ dinjità.

 Preparazzjoni.

 3. Kemm ahna lkoll preparati ż-żmien jagħtina parir. Kemm ser inkunu kapaċi nġibu l-partijiet lura f’posthom ukoll. Imma rridu ngħarfu li hemm punti ta’ prinċipju li ma nistgħux noqgħodu lura minnhom. Il-libertà u d-demokrazija li nħaddnu ma nistgħux nċeduhom. Jekk nitilfuhom naċċettaw pass regressiv li jkun diffiċili ħafna biex jinġieb lura. Il-ħsara li ser issir u bdiet issir f’dan lill-bnedmin u lill-ekonomija ma jiġux msewwija f’dittatorjati jew oligarkiji. Iseħħu biss jekk nibqgħu nemmnu u nħaddnu d-demokrazija li għalina hija valur mhux sempliċi sistema alternattiva.

 L-esperjenzi.

 4. F’dan kollu qed nifhmu iktar dak li qiegħed iseħħ fl-esperjenzi varji li diversi qegħdin iwasslu. Din hija gwerra u waħda mill-iktar qawwijin. Biss hemm il-bnedmin u l-mezzi ta’ komunikazzjoni varji li qed jibgħatu ritratti u xeni li qabel ma konniex naraw. Il-ħruxija ta’ kollox għandu impatt fl-opinjonijiet ta’ diversi kapitali. Dawk li jaċċettaw dan kollu u ma jikkundannawx ikunu qed jiftħu l-bieb għal sitwazzjonijiet oħra f’reġjuni differenti fid-dinja. Żball politiku li jġib iktar deni milli ġid. Għax xejn ma jġib lura t-telf fil-ħajjiet, fl-ekonomija u fl-ambjent sħiħ tal-bniedem.

 

Kif tindirizza dan

 

5. Ċertament il-Ġnus Magħquda kienu korretti li kkundanaw dan l-aġir tal-Federazzjoni Russa u nsistew li tirtira t-truppi. Kienu biss ħames pajjizi, il-Belarus, l-Eritreja, s-Sirja, l-Korea ta’ Fuq u l-istess Federazzjoni li vvutaw kontra. Mija u wieħed u erbgħin pajjiż favur. Pajjiżna ukoll. Biss hemm ferm iktar passi li għandhom jsiru. Hemm iktar bżonn li l-bieb tad-diplomazija ma jingħalaqx. Hemm iktar bżonn ta’ attenzjoni u abbiltà li wieħed jifhem l-istat tal-affarijiet u jaġixxi b’intelliġenza. Dak li nbeda jista jkompli jinfirex. Proprju għalhekk li rridu nkunu ferm iktar attenti. Mhux faċili imma neċessarju. Kawtela iktar milli deċiżjonijiet mgħaġġla.

 

Diġà diffiċili.

 

6. F’dan kollu kollox huwa iktar diffiċili għalina tul din il-kampanja elettorali. Hija hekk għax qed iżżid element ieħor lil min il-poplu ser jafda bir-responsabbilità tat-tmexxija tal-pajjiż. Il-Gvern li ser jiġi magħzul fis-26 ta’ Marzu m’ huhiex ser jiret triq dritta. Jaf li diġà b’dak kollu li seħħ fl-aħħar leġislatura l-affarijiet huma gravi. Jaf li l-pajjiż huwa mgħobbi u għandu issa sfida li tiddependi minn kemm l-ekonomija ser jirnexxila taqbad u timxi ‘l quddiem. Jaf li fix-xhur li ġejjin ser jaffronta iktar żieda fil-prezzijiet u l-għoli tal-ħajja. Jaf li dawn ma tantx ser ikollhom ħafna konfort u mhux faċili xejn biex inżommu dak li l-poplu qed jitlob u jippretendi.

 

Paċi u Stabbilità

 

7. F’dan kollu għandna bżonn ċertament iktar paċi u stabbilità. Iktar għarfien ta’ dak kollu li seħħ u dak li ser inevitabilment iseħħ. L-Unjoni Ewropea ser taffronta iktar dan u ħidmietha tiddependi dejjem min kemm għandha bnedmin kapaċi u li għandhom esperjenza. F’dan iktar però ser ikun hemm lura allinjament ikbar bejn il-prijoritajiet tal-politika barranija tal-Istati Uniti tal-Amerika u dik Ewropea. Ser jonqos ċertu spazju politiku li kien inbena tul dawn is-snin wara l-ħajt ta’ Berlin. Il-politika Ewropea ser tgħaraf li trid iktar kollaborazzjoni u li timxi id f’id biex tipproteġġi ruħha.

 

Pajjiżna.

 

8. F’dan kollu pajjiżna għandu jgħaraf il-pożizzjoni tiegħu. Jgħaraf x’jista jgħamel u jgħin. Deċizjonijiet politiċi xejn faċili u mill-iktar delikati. Proprju għalhekk li l-poplu għandu jgħaraf iktar li għandu dritt fundamentali li għandu jieħu ħsieb jeżerċita. Id-demokrazija trid f’dan kollu tiġi difiża. M’ għandniex nċedu minn dan. U kif nafu demokrazija timxi ‘l quddiem għax iċ-ċitadini tagħha jieħdu sehem attiv. Dan isir billi kull membru tal-elettorat imur jivvota. L-għażla tal-membri parlamentari futuri tiddependi minn dan. Meta wieħed ma jivvutax ikun qiegħed inaqqas mill-libertà u d-dinjità tagħna.

 

Nappella.

 

9. Min jarana li ma għandniex ħeġġa u għarfien ta’ dan jaf jaħseb li għandu xi bieb miftuh għall-anti-demokrazija. Proprju għalhekk li nappella sabiex jekk hemm min qiegħed jiddubita jekk għandux jivvota, li jirbaħ dan u jmur. Il-vot huwa ħafna drabi neċessarju għal kull ċirkostanza. Biss għal dik preżenti huwa ferm iktar għal dak li ġej iktar ‘l quddiem. Nappella għalhekk lilkom lkoll li taqraw kitbieti li fl-appuntament elettorali li ġej tmorru u tużaw id-dritt fundamentali tagħkom u tivvutaw.

 

 

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...