5.2.19

Fejn hi l-fama tagħna?




1.    Il-proverbji fihom l-għerf miktub u kondensat ta’ missirijietna.  Dari konna mdorrijin ngħidu li għandek tibża’ għall-fama tiegħek.  Tieħu ħsieb ir-reputazzjoni ta’ mġibtek.  Għax il-fiduċja tinbena fuq l-opinjoni li wieħed ikollu dwar persuna li jittratta magħha.  Dari pajjiżna kien imdorri jżomm l-ordni u jżomm ir-regoli.  Massma tal-ħajja kienet: żomm l-ordni u l-ordni żżomm lilek.  Ir-regoli u l-ordni kont mistenni li tosservahom f’kull qasam tal-ħajja.

Wirt il-missirijiet

2.    Fil-familja: bejn il-miżżewġin, dawk li jgħixu flimkien u bejn l-aħwa.  Fuq ix-xogħol: mis-soċji flimkien, mill-imgħallem u mill-ħaddiem, mis-sid u mill-impjegat.  Suppost li hekk kienu jgħallmu fl-iskejjel: u mhux biss tal-Knisja, imma wkoll tal-Gvern, u mhux biss suppost nista’ ngħid, għaliex iffrekwentajt it-tnejn.  L-għalliema li kelli, u nibqa’ nsellmilhom, hekk għallmuni fl-iskola Primarja ta’ Bormla, u wara f’dawk sekondarji.

Ir-regoli tal-ħajja

3.    Suppost li hekk kienet titlob id-dixxiplina meta wieħed kien jidħol jaħdem mal-Gvern: għalkemm qatt ma kont impjegat ċivili proprju, għamiltha biżżejjed ma’ nies  taċ-Ċivil biex stajt nifhem u nammira din il-kwalità ta’ ‘ethos’.  Meta dħalt l-Università sibt lill-professuri jgħallmu li wieħed dejjem għandu joqgħod għar-regoli.  L-istess meta bdejt naħdem fil-Qorti: l-Imħallfin u l-Maġistrati sibthom attenti għal-liġijiet, kif ukoll għall-etika.

Kultura tas-sewwa

4.    Tirfed sewwa din il-kultura li wieħed joqgħod għall-ordni, kien hemm ir-reliġjon: kif mgħallma fil-Knisja, fil-Mużew, fl-Azzjoni Kattolika, fil-familja, fl-iskejjel fortunatament ukoll.  Il-kultura ġenerali ta’ pajjiżna kienet il-kultura tas-sewwa.  Irridu niftehmu: ma jfissirx li m’hawnx qarrieqa, ħallelin, korrutturi tat-tfal, vjolenza fil-familja, korruzzjoni f’ħafna oqsma.  Qatt ma konna nazzjon perfett, u qatt ma konna puritani.  Iżda konna nippretendu s-sewwa bi dritt.

Nippretendu d-dritt

5.    Konna nippretendu li min jikkmanda ma jinxtarax; li l-Imħallfin u l-Maġistrati jaqtgħu l-kawżi bis-sewwa u la jibżgħu mill-Gvern, u mit-theddid u t-tgħajjir, la tal-politiċi u lanqas tal-ġurnalisti.  Kif lanqas mill-kritika inġusta tal-avukati.  Konna nippretendu li fl-isptarijiet, l-amministrazzjoni u t-tobba jimxu skont kif imiss; li l-impjegati tal-Gvern jaqdu dmirhom fil-ħin u ma jkunx hemm bżonn li jixxaħħmu.  Konna nippretendu l-ġustizzja mingħand il-magna tal-Istat.  Konna ċertament nippretendu li l-politiċi tagħna jkunu ndaf.  Il-pajjiż kien jistenna li l-politiċi tiegħu, anke meta jkunu partiġġjani ħafna, ma jaqbżux dik il-linja tas-sewwa.  Dik il-linja ċara, miktuba fil-qalb, li trid tiġi rispettata.

Preferenzi u nġustizzji

6.    Qed nikteb “konna nippretendu” u “konna nistennew”.  Nuża l-passat, imma f’moħħi għandi l-preżent.  Għax il-poplu hekk għadu jippretendi u jistenna.  Iżda issa kibru wisq id-dubji: dwar ċerti nies fil-politika, dwar il-maġna taċ-Ċivil, dwar ħafna oħra.  Naqset ir-reliġjon, li tibqa’, jingħad x’jingħad, l-ikbar pilastru tas-sewwa.  Naqset il-fiduċja.  It-tgħajjir bejn il-politiċi ma jgħinx; iżda l-iktar li jitfgħuna lura huma numru ta’ fatti.  Anzi, aħjar, rapporti ċari u evidenti.  Rapporti tal-Awditur Ġenerali, bħalma kellna tul din il-ġimgħa, fuq il-kwistjoni tal-visas fil-Konsolat tal-Alġerija.  Rapporti fil-gazzetti dwar xmara ta’ kuntratti u ħatriet lill-ħbieb tal-ħbieb.

Responsabbiltà politika

7.    In-nies tħares lejna: Malta u Għawdex żgħar, u l-inġustizzji jinkixfu.  Issa, wkoll, m’għadniex ngħixu bil-meraq u l-ftietaq tagħna biss.  Sirna ngħixu f’għajn id-dinja: naħdmu mal-barranin, u jeħtieġ inkunu ġelużi għall-fama ta’ pajjiżna f’għajn il-barranin.  Bħalissa iktar importanti, għax l-ikbar responsabbiltà biex nibżgħu għall-fama tajba tagħna taqa’ fuq il-Gvern.  Aħna għandna wkoll ir-responsabbiltà partikolari tagħna.  Kull wieħed minna, f’kull qasam.  Anki aħna, mill-Oppożizzjoni, għandna d-dmirijiet tagħna.  Iżda l-Gvern għandu responsabbiltà wisq ikbar.  Waħda li jaħrab minnha.  Anzi, minflok, jipprova jixħet il-piż kollu fuqna.

Żomm is-serjetà

8.    Il-Gvern għandu s-setgħa biex iżomm is-serjetà u biex iħares u jġiegħel lil min iħares ir-regoli.  Kull Ministru qiegħed f’għajn in-nies, kif ukoll kull deputat.  Iżda l-eżempju ta’ min għandu s-setgħa għandu iktar piż: l-opinjoni pubblika ta’ Malta u Għawdex, kif ukoll ta’ barra, tiddependi ħafna mill-imġieba fil-gvern tan-nies tas-setgħa.  Pajjiżna, għal ħafna għexieren ta’ snin bħala indipendenti, kien igawdi fama tajba.  M’għandniex inħallu li din il-fama tintilef.  Nippretendu mingħand il-Gvern li jgħasses din il-fama u li ma jħallix is-suspetti jkunu “inkurunati” b’ċerti fatti.  Nippretendu, ċertament, li kull membru tal-Kabinett jkun serju, u jżomm is-serjetà.

Vuċi fis-soċjetà

9.    Naħseb ukoll li l-fibra morali tal-pajjiż għandna naħdmu biex insaħħuha lkoll kemm aħna.  U naħseb li min jattakka lill-Isqfijiet meta jitkellmu kontra l-qerq, il-malizzja, il-frodi, l-immorali u n-nuqqas ta’ etika jkun qiegħed idgħajjef il-vuċi tas-sewwa.  F’dan mhux ser nipprova nkun il-vuċi puritana, jew dak li jiġġudika lil ħaddieħor għan-nuqqasijiet tiegħu.  Iżda rridu naċċettaw li ċerti nuqqasijiet għandhom riperkussjonijiet fuq il-pajjiż kollu.  In-nuqqasijiet ta’ min la jrażżan lilu nnifsu, u lanqas lil dawk li dmiru hu li jrażżanhom.  Għandi nħoss dmir li nfakkar li l-korruzzjoni, id-diżordni, l-abbuż tal-poter huma ta’ ħsara għall-pajjiż kollu, u mhux biss għall-kuxjenza tal-korrott, tal-qarrieq, ta’ min jonqos minn dmiru f’dak li hu tal-pubbliku kollu, jew anki biss ta’ għajru.

Fejn qegħdin?

10.  Wara dawn is-snin ta’ dan il-Gvern Laburista ġdid, wieħed irid jistaqsi: fejn qegħdin fil-fama, fir-reputazzjoni ta’ pajjiżna?  Fuq naħa nidhru li għandna suċċess ekonomiku, u fuq l-oħra anki dawk li moħħhom fil-flus qed jitkellmu fuq il-korruzzjoni u l-istat tad-demokrazija tagħna.  Irridu naċċettaw li l-affarijiet mhumiex kif għandhom ikunu.  Irridu naċċettaw li nxerdet l-aħbar li hawn qegħdin naraw amministrazzjoni li qed tħaddem is-sistema tal-ħbieb tal-ħbieb.  Inxterdet il-fama li qed jingħataw kuntratti qawwija lil dawk li ser ikabbru sew il-but tagħhom.

Ħidmietna

11.  Hemm bżonn riflessjoni.  Hemm bżonn għarfien u azzjoni sabiex dan jinbidel.  Il-Partit Nazzjonalista jagħraf dan.  Proprju għalhekk li nibqgħu nħossu għas-sewwa ta’ pajjiżna.  Nibqgħu dawk determinati li jaħdmu biex ibiddlu din il-fama.  Dan bi preparazzjoni għal dak li ġej.  Dan b’viżjoni għal kif irridu nbiddlu lil pajjiżna.  B’attenzjoni, b’moderazzjoni, bir-raġuni.  Imma fuq kollox billi nipproteġu l-fama tajba li għandu jkollna dejjem.





No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...