21.6.18

Is-Sewwa.

 
1.   F’ċerti mumenti narani li nħoss li naqset wisq il-fiduċja fis-sewwa.  Niftakar meta wieħed neguzjant, fiż-żmien meta konna fl-Oppożizzjoni u kien Mintoff fil-Gvern, kien ġie u qal lil missieri: “Xi tridu tgħidu biha, din li vvinta Fenech Adami, li s-Sewwa jirbaħ żgur?  Bis-sewwa tmorru l-Ġenna, forsi, imma mhux Kastilja!”  Fil-fatt, kif nafu, Eddie Fenech Adami spiċċa biex mar Kastilja bis-Sewwa, u dam hemm mhux ħażin.  Ra ma’ wiċċu.  La rebaħ bil-qerq, u lanqas tilef bil-qerq.  Rebaħ fil-fier u, meta tilef, tilef ukoll bil-fier, u mbagħad reġa’ rebaħ bil-fier.  Għal xi żmien, il-pajjiż kien reġa’ ġieb ruħu jemmen fis-Sewwa.

2.   Bil-kelma ‘sewwa’, nifhmu biha l-verità, u nifhmu biha ir-rett.  Is-sewwa kontra l-gideb, kontra l-qerq, kontra t-tgħawwiġ, kontra t-tbagħbis.  Timxi rett tfisser timxi b’ġustizzja.  Tagħmel dmirek sewwa jfisser tagħmlu kif suppost, kif tgħid ir-regola.  Ħadd ma jippretendi li l-bniedem ma jiżbaljax, jew li jagħmel dejjem kollox bil-perfezzjoni.  Jekk anki l-magni kultant imorru żmerċ, aħseb u ara l-bniedem, li jibdel fehemtu l-ħin kollu, u jsib it-tentazzjoni tiġri warajh.  Iżda jekk bniedem idaħħal f’moħħu li jeħtieġ li jżomm l-ordni u jagħmel dak li huwa mitlub minnu, almenu jiżgarra inqas.  Diżgrazzjatament, hawn min jemmen li ma jirbaħx ħlief bil-qerq.

3.   Kien hawn għorrief li għallmu hekk: Macchiavelli wieħed minnhom.  Iżda wkoll hawn ħafna iktar numru ta’ injoranti li jaħsbu dan.  U hawn iktar minn dawn, għaliex il-qerq iqarraq: ħafna jaraw it-trijonf tal-qarrieq, u jitqarrqu.  Mhux l-injorant biss jaqa’ fit-tentazzjoni.  Il-qarrieq jidħol fir-radda u jibda jaħseb li ma hemmx triq oħra.  Jibda jara lil min jemmen fis-sewwa bħala imbeċilli.  U tispiċċalu l-fiduċja li huwa jista’ jasal għas-suċċess bis-sewwa.

4.   Meta pajjiż jibda jitlef il-fiduċja fis-sewwa, toktor il-korruzzjoni.  Anzi, il-korruzzjoni tibda ssir normali, anke fl-affarijiet iż-żgħar.  Il-laxk jidħol f’kollox.  Id-dritt jidher skruplu żejjed, ir-rett jibda jinħass strett għall-eċċess.  Ma tista’ tafda xejn.  Kulħadd jissuspetta f’kulħadd.  Kulħadd jitgħajjar.

5.   Fil-ħajja politika tibda tidħol l-idea li ħadd, lanqas ħadd, ma jagħmel xejn għax dmir tiegħu, jew għax jaħseb li hekk huwa sewwa.  Biex tinqeda tkun trid tħallas, biex jivvutawlek trid tixtri lin-nies bil-favuri.  Ngħid il-verità kultant id-deputat (u anki l-Ministru, kif kont jien għal numru ta’ snin), ikollu jindaħal biex iċ-ċittadin jieħu dak li ħaqqu, mingħand l-amministrazzjoni pubblika.  Id-deputat kultant jiddefendi liċ-ċitadin kontra l-inġustizzja, kultant kontra t-traskuraġni jew id-dewmien inutli.  Ġieli tiddefendi anki lil min ma jivvutalekx, jew għax hu ta’ fehma kontra, jew għax m’għandux vot, jew jivvota band’oħra.  Ngħid is-sewwa, kultant ikollok tgħid lil min jippretendi xi inġustizzja, li inti ma tgħinx l-inġustizzja.  Mhux id-deputati kollha jagħmlu dan.

6.   F’pajjiżi oħra, fosthom fl-Italja, din jgħidulha l-kwestjoni morali.  Frażi li beda juża Berlinguer, li kien il-Kap tal-Partit Komunista Taljan.  Jekk tużaw il-poter b’ġustizzja u għall-ġid komuni, jew jekk tużahx għall-gwadann inġust, tiegħek u ta’ sħabek.  Dan jgħodd għal kull żmien u għal kull Gvern.  U min ikun Kap ta’ Gvern, jew anki Kap ta’ partit, jidħol ukoll fir-responsabbiltà għal sħabu.

7.   Fl-Istati Uniti saru jgħidulha l-arti ta’ manufacturing consent.  Aktarx din hi s-sengħa ta’ kif tippreżenta r-realtà biex iġġibha qrib tiegħek.  Il-politika tuża l-propaganda.  Iżda hemm limiti għall-gideb u għat-tgħawwiġ.  Limiti morali, barra minn limiti prattiċi.  Il-qerq ġieli jitwemmen.  Ġieli le.  Hawn esperti ta’ din il-kwalità ta’ preżentazzjoni.  Ġieli jinkrew, daqqa minn naħa, u daqqa minn oħra.  Fiha battalja biex tneħħi l-maskra tal-qerq.  Kienu jgħidu, ċinikament: “vulgus vult decipi”.  Il-poplu  jrid min iqarraq bih.  Mela qarraq bih.  Jiena ngħid li l-poplu huwa mxennaq għall-verità: għajb għal min iqarraq bih biex jisraqlu l-vot.  U mbagħad juża l-poter, flok għall-ġid tal-poplu, għall-interess ta’ xi ħadd partikolari.

8.   Il-problema morali m’għandhiex tinteressa biss lill-Kapijiet tal-partiti Komunisti (għall-iskopijiet tagħhom), jew lill-Arċisqfijiet biss (għax dak xogħolhom u dmirhom).  Għandha tinteressa lil kulħadd, iżda l-iktar lil min bħalissa għandu r-responsabbiltà ta’ dan il-pajjiż. 

No comments:

DIRETTIVI TAL-UNJONI EWROPEA LI ĠEW IMPLIMENTATI

18540. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: Jista’ l-Ministru jgħid x’dire...