5.6.18

Fissazzjonijiet politiċi.

 
1.   Min jaqra u jifli ħajjet il-politiċi li għaddew u li għandna, numru ta’ drabi jsib fejn jiltaqa’ ma ripetizzjonijiet.  Ma’ dak li nsejħu ‘fissazzjonijiet’.  Dik li fil-preżent tidher li qegħda f’ras it-tmexxija tal-Gvern, li moħħu dwar x’ser ikun postu fl-istorja ta’ dan il-pajjiż.  Fi kwantità ta’ diskorsi, dan joħroġ mill-iktar ċar.  Mhux biss, imma dawk li hemm madwaru, li forsi jridu jinċensawh u jogħġbuh, ukoll jirrepetu kemm ser ikollu siġġu sod u mimli iktar dawl, ferm aktar ‘il quddiem.  Hemm strateġija li hija mill-iktar evidenti.  Iqabblu.  Iġibu viċin dawk ta’ qabel biex, minn issa, waqt li għaddejjin, jikber iktar dak li ngħarfu lkoll bħala l-‘kult tal-personalità’.

Mhux b’kumbinazzjoni

2.   Tul dawn l-aħħar ġimgħat, ma kinitx kumbinazzjoni li fuq naħa sibna ktieb mimli, u dan kif kien assolutament mistenni, b’tifħir kbir fuq l-għaxar snin tat-tmexxija ġdida Laburista.  U fuq l-oħra, li dan sar fl-istess ħin li l-Ħamis kellna l-kxif tal-monument dedikat lil dak li, taqbel jew ma taqbilx miegħu, kien il-Prim Ministru Duminku Mintoff.  Huwa ċar li hemm min qiegħed jipprova jqabbel, jew aħjar, imexxi lis-segwaċi jqabblu bejn wieħed u ieħor.  Biss, fuq wieħed l-istorja tista’ titkellem u tagħmel il-ġudizzji tagħha għax għadda għal ħajja aħjar.  Kien bniedem li jaf x’inhuwa jwettaq u kien, bil-metodu tiegħu, jaqbeż għall-baxx.  U l-partit riedu fuq kollox ikun xellugi sew fil-politika sħiħa tiegħu.

Spiċċat fix-xejn

3.   Ngħid iktar dan għax il-pajjiż fehem iktar, tul din il-ġimgħa, li l-kritika li kienet qegħda titressaq fil-konfront tal-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Adrian Delia kienet spiċċat fix-xejn.  L-intervista investigattiva li saret mill-gazzetta The Malta Independent tal-Ħadd li għadda neħħiet, u ċċarat, l-oġġezzjonijiet li kienu qegħdin jitressqu.  L-ispjega diretta, fattwali dwar it-taxxa u n-nuqqas ta’ ħlas tagħha tneħħiet kompletament minn kull dubbju.  Mhux biss, imma dak li għadda minnu, bih irnexxilu jistabbilixxi preċedent, u l-iktar importanti, konfort.  Sewwa kkonkludiet il-gazzetta: li kellu bżonn, il-Gvern, jimxi u jgħaddi minn dak li l-Kap tal-Partit, volontarjament, wettaq.  Għax kif sewwa ddikjara: il-verità hija sempliċi, mhix komplikata.  Imma mhux kulħadd jaffrontaha.

Vuċi tagħna

4.   Ngħid iktar dan għax, għal min insibuh iffissat fuq l-immaġini tiegħu, jew il-perċezzjoni tagħha, jew il-post li ser jokkupa fl-istorja ta’ għada pitgħada, qiegħed fl-istess waqt jispiċċa jaħrab mill-verità.  Jaħrab mill-problemi li hawn.  Idum anki biex jifhem, u wara jipprova joħroġ b’soluzzjonijiet li huma tal-għaġġla sew.  Anki persuni li jiktbu regolari fil-gazzetti li mhumiex Nazzjonalisti, bdew jaraw li hemm ix-xquq.  Għax jifhmu li aħjar jibdew jitkellmu huma wkoll u ma jħallux biss ‘l-Oppożizzjoni twassal il-messaġġ ta’ dak li hemm bżonn isir.  Dan, iktar, għax ħafna minn dawn il-bnedmin qed jagħrfu li jekk qabel il-vuċi tal-Oppożizzjoni ma kinetx qegħda tinstema’, wara l-Kunsill Ġenerali din qegħda.

Il-pożizzjoni qed tinbidel

5.   Anki dawk li raw bħala vantaġġ li l-Prim Ministru attwali biddel lill-Partit Laburista sew.  Dak li ma ħalliehx demoralizzat u sarrfu f’messaġġ ta’ tama għal soluzzjoni ta’ problemi soċjali kbar qegħdin, b’attenzjoni, jgħidu dak li qabel ma setax jingħad.  Dan il-Gvern m’għadux fis-sena 2013.  Illum għandu r-responsabbiltà ta’ żewġ leġislaturi.  Il-wirt tad-dokumenti li ħarġu mill-Panama Papers u tal-mewt tas-Sinjura Daphne Caruana Galizia huma l-ewwel xkiel li ma ġewx, u lanqas huma jiġu indirizzati, minkejja d-diversi ta’ rieda tajba fil-poplu li semmgħu leħinhom.  Bħalma anqas ma huwa legat tajjeb dak li qiegħed iseħħ fid-distruzzjoni tal-ambjent u l-wirt storiku tagħna.

Distruzzjoni tal-ambjent

6.   Tul din il-ġimgħa, qrajt kitba li hija ċertament Laburista, moderata u ġenwina, li qalet hekk lill-Prim Ministru: “He has to be careful that he will not be remembered for such things as the destruction of Malta’s beautiful environment, including our historial Heritage.”  U jkompli: “The rampant overdevelopment that there is at present in Malta has to be stopped.”  Il-bnedmin fuq dawn il-gżejjer raw diversi politiċi jiġu u jmorru.  Jafu jagħrblu, janalizzaw u jibgħatu l-messaġġ tagħhom.  Hemm min kapaċi jeħodhom, u hemm min le.  Mhux biss fuq dak li għaddej illum, imma fuq dak li ġej għal għada.

Il-ġustizzja soċjali

7.   Iċ-ċirkostanzi politiċi tallum mhumiex dawk li sejrin ikunu għada.  Il-futur jista’ jurina li waqt li xi ħadd baqa’ mwaħħal, ħaddieħor mexa ‘l quddiem.  Mhux biss, imma waqt li hemm min irid ikompli jqabbel ruħu mal-passat, għandu preżent li diġà qiegħed jitqabbel miegħu.  Il-bnedmin fit-triq dan diġà jwettquh.  Diġà l-kelma hija diretta lejn min qiegħed jiġi b’pakkett u esperjenza ġdida u min għadu jhewden fuq meta ħa t-tmexxija f’idejh.  Hemm min qiegħed juri li huwa ffissat f’kif ser ikun fl-istorja, u min moħħu biex iwettaq is-sewwa u jibdel dak li mhuwiex.  Għax għalkemm hemm dawk li għandhom il-fissazzjonijiet politiċi tagħhom, mhux kollha jagħrfu jaqbżu, jibdlu u jġibu l-ġustizzja soċjali.


No comments:

IL-FURJANA – TRIQ ĠNIEN DANTE ALIGHERI – SIĠAR TAĊ-ĊITRU

17508. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba tal-m...