21.6.18

Il-bidliet huma importanti

 
1.   Iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar nara kemm il-bniedem, għalkemm jiddikjara li jrid il-bidla, meta jiġi għaliha jsibha diffiċli biex jagħmilha.  Hawn min jibqa’ jippersisti, jgħid kemm hemm bżonn tagħha, imma jagħmel minn kollox biex ma sseħħx.  Hawn persuni mimlija b’forom varji ta’ għebusija tar-ras.  Oħrajn li jaslu f’dan sforz is-suppervja, il-preġudizzji u l-opinjoni għolja tagħhom infushom.  Il-fatt jibqa’ li fl-appuntament importanti li fih jaċċettaw, u huma wkoll isiru parti u l-bidla nnifisha, jieqfu.  Jeħlu biex isiru parti minn proċess li permezz tiegħu wieħed jimxi ‘l quddiem lejn l-ordni fil-ġustizzja u l-paċi.

Xenarju internazzjonali

2.   Proprju f’dan irridu nistaqsu lilna nfusna kemm, fil-fatt, aħna qed nifhmu u naċċettaw dak li hu għaddej fid-dinja ta’ madwarna.  Ngħid dan għax, f’dawn l-aħħar ġimgħat, rajna tibdiliet u passi fix-xenarju internazzjonali li jitolbu riflessjoni.  Hemm politiċi li qed jaffermaw ruħhom, uħud jiggarantixxu l-istabilità mondjali u l-paċi, u oħrajn le.  Uħud juru dak li qed iwettqu b’dikjarazzjonijiet, daqqa ċari, u ħafna iktar drabi, le.  Oħrajn jaħdmu u determinati li jimxu ‘l quddiem mingħajr ħafna diskors żejjed, imma b’iktar attenzjoni konkreta.  Oħrajn b’taħlita interessanti li tmur naħa jew oħra, skont il-mument.

Il-bidliet fiċ-Ċina

3.   Id-dinja, f’dawn l-aħħar xhur, rat dawn il-passi.  L-ewwel: il-konsolidazzjoni fil-linja politika li ċ-Ċina qabdet f’dawn l-aħħar snin.  Il-fatt li l-President attwali, Xi Jinping, ingħata mandat politiku aktar fit-tul mill-Partit Komunista għandu l-effett pożittiv tiegħu.  Pajjiż kbir, li qed jikber iktar b’bidliet li jġibu attenzjoni fil-politika kummerċjali u soċjali.  Dan il-pajjiż kbir, li qiegħed joħroġ dejjem iktar b’saħħtu fix-xenarju politiku u huwa forza ta’ stabilità qawwija fir-reġjun.  Ma hemmx dubju li ħidmietu servew fil-kwistjoni mal-Korea ta’ Fuq.  Kif l-istess għandu jingħad għar-rigward tal-proġett li qiegħed, biċċa biċċa, jsir f’dak li huwa marbut li jibni mill-ġdid “The Silk Road”.  Mezz ta’ komunikazzjoni li qasmet diġà liċ-Ċina u ser tasal sal-bibien tal-Ewropa.  Bidliet li qed iseħħu, imma li ma nafx kemm qed naċċettaw.

Il-bidliet fir-Russja

4.   L-istess għandu jingħad b’dak li seħħ fil-Federazzjoni Russa.  L-elezzjoni mill-ġdid ta’ Vladimir Putin biex imexxi dak il-pajjiż għas-snin li ġejjin huwa fatt li għandna nikkunsidraw.  Dan ċertament independentement mill-kwistjonijiet li għaddejjin preżentement ma’ pajjiżi oħra u mal-kwistjoni pendenti mal-Ukrajna qegħdin ikomplu jġibu stabilità.  Diversi pajjiżi fl-Unjoni Ewropea qed insibuhom f’linji politiċi differenti.  Uħud iridu jiftħu lura u jiddiskutu; oħrajn, minħabba esperjenza passata, joqogħdu lura.  Dawn huma bidliet ġodda li għaddejjin, li rridu nifhmu u nagħrblu tajjeb biex niddixxernu liema linji politiċi preżenti u futuri ser nieħdu.  Dan huwa l-pajjiż u l-poplu li ser ikollu l-attenzjoni tagħna tul dan ix-xahar tat-Tazza tad-Dinja.

Il-bidliet ta’ Donald Trump

5.   Irridu napprezzaw, f’dan il-ftehim li ġie ffirmat fil-bidu tal-ġimgħa bejn il-President tal-Istati Uniti tal-Amerika Donald Trump (li huwa fattur ta’ bidla fih innifsu), u Kim Jong Un, il-President tal-Korea ta’ Fuq (li sar parti minn forza ta’ bidla), li dak li ġie msejjaħ u definit bħala: “La real-politik trumpiana accetta questo patto col diavolo” fetaħ il-bieb għall-possibilità qawwija ta’ paċi u stabilità fir-reġjun.  Il-fatt li l-pajjiż immexxi minn Kim ser jieqaf mill-użu tal-armi nukleari, u l-fatt li ser tonqos it-tensjoni bejn iż-żewġ partijiet ta’ danil-pajjiż maqsum għal iktar minn nofs seklu, huma pożittivi.  Minnhom ser naraw bidla fix-xenarji u l-bilanċi fil-pajjiżi kollha.  Ser ikun hemm proċess ta’ bidla li huwa, għal diversi li kienu qed jgħixu fid-dell ta’ dik it-theddida, qawwi daqs il-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin fl-Ewropa.

Il-bidliet fl-Unjoni Ewropea

6.   F’dan wieħed irid joqgħod attent, speċjalment meta wieħed jisma’ diskors bħal dak tal-Kummissarju Frans Timmermans fil-Parlament Ewropew fi Strasbourg.  Dan għax, tul din il-ġimgħa ddikjara li r-relazzjonijiet mal-Istati Uniti tal-Amerika nbidlu.  Il-kliem li ġie rappurtat li qal: “I am not one to declare that the rules-based international system, so carefully built after the Second World War, is now collapsing before our very eyes.  Howevr, it is the first time since 1945 that an American President has not seen it as an American strategic interest to work hard to ensure a vibrant and unified Europe and a robust transatlantic relationship.” jitolbu l-attenzjoni tagħna.  Ma naħsibx li dan il-pajjiż, li kien u, fl-opinjoni ta’ ħafna għadu alleat u garanti ewropew, ser jiċħadna.

Il-vantaġġ tal-bidla

7.     Anqas ma naqbel ma’ dawk l-uħud li qed jaraw li hemm xi morsa fil-ħidma bejn Trump u Putin kontra l-Unjoni Ewropea.  Il-fatt li ma hemmx qbil fuq numru ta’ punti u li hemm politika ekonomika l-kuntrarju ta’ dak i bnejna bejn l-Unjoni u l-Istati Uniti ma jfissirx li ser nintelqu.  Jistgħu dejjem, jekk inħarsu lejn il-pożittiv tal-bidla, juru li din hija opportunità iktar ta’ trasformazzjoni għall-Unjoni Ewropea, li għandha toħroġ minnha aktar b’saħħitha.  Iktar u iktar f’dak li ser tgħaddi minnu bil-ħruġ tar-Renju Unit.  Għax għalkemm nafu li dan huwa iebes għal dawk li sejrin, hemm sfidi qawwija li ma jinix ċert li qed inwieġbu għalihom f’dawk li jridu jibqgħu parti.

Aħna fil-PN parti mill-proċess ta’ bidla

8.     Id-dinja, huwa mill-iktar ċar, hija mimlija bi proċessi ta’ bidla.  Kemm qed nifhmuhom aħna, u lesti nkunu parti minnhom jiddependi minna.  Għalhekk hemm bżonn ta’ iktar attenzjoni u preparazzjoni min-naħa ta’ pajjiżna, kif ukoll minna fil-Partit Nazzjonalista.  Bħalma konna f’diversi mumenti fil-passat, hekk ser nibqgħu fil-mument.  Għax il-ġid ta’ pajjiżna huwa għal qalbna.  Il-ġid nazzjonali, l-interessi tagħna huma dak li naħdmu għalihom.  Proprju għalhekk li f’dan il-partit nemmnu li l-bidla hija importanti.

No comments:

DIRETTIVI TAL-UNJONI EWROPEA LI ĠEW IMPLIMENTATI

18540. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: Jista’ l-Ministru jgħid x’dire...