21.6.18

Aldo Moro.

 
1.   Erbgħin sena ilu nqatel bniedem li nittama li llum, diversi minnkom, jieqfu jiftakru fih.  Aldo Moro kien politiku Taljan.  Membru importanti ta’ partit politiku li x-xenarju Taljan għadu jħoss in-nuqqas tiegħu, dak Demokratiku-Kristjan.  Fid-dinja tagħna, fejn qegħdin niġu influwenzati minn ideat u politika li mhix kontinentali, dan ma napprezzawhx.  Insib ħafna li, la jafu dwar dan l-ideal politiku li għamel ħafna ġid lill-Italja u lil pajjiżna, u wisq inqas dwar min kienu l-protagonisti tiegħu.

2.   Moro kien bniedem mimli intelliġenza, umiltà u onestà.  Meta taqra ħajtu u kitbietu tintlaqat mill-abbiltà u l-kapaċità tiegħu li jaħdem biex jifhem lil min ma jaqbilx miegħu.  Kien demokratiku ffurmat fl-għeruq u l-għerf li l-Knisja Kattolika għadha toffri lid-dinja.  Minn meta kien student, kellu moħħu ċar dwar ħidmet in-Nisrani fis-servizz tal-bniedem.  Daqshekk ieħor meta, wara t-Tieni Gwerra Dinjija, ġie elett fil-Parlament Taljan.  Għad għandna kitbietu u l-interventi parlamentari li huma uniċi, speċjalment dawk marbuta mal-bini tal-Kostituzzjoni tal-Italja.

3.   Il-karriera politika tiegħu kienet unika.  Għadda minn ħafna.  F’mumenti kien is-Segretarju Ġenerali tal-Partit.  F’oħrajn il-Ministru tal-Ġustizzja, tal-Edukazzjoni, tal-Affarijiet Barranin, kif ukoll il-Prim Ministru tal-pajjiż; f’oħrajn ġie mwarrab kompletament.  Kellu, però, l-abbiltà li jistenna, minkejja dubji kbar dwar jekk kemm-il darba kellux jibqa’ fid-dinja politika.  Maż-żmien, kliemu, ħsibijietu, l-għerf li jiddibatti fit-tul u fid-dettall ma’ dawk li ma kinux fl-istess partit tiegħu, irrendewh lura bħala protagonist ewlieni.

4.   Kien fil-mumenti meta l-partit warrbu fil-ġenb li kien ittentat iħalli kollox biex jiddedika ruħu għall-istudenti universitarji.  Kien professur tad-Dritt Penali.  Wieħed li kemm jista’ jkun ma kienx ifalli l-lezzjonijiet.  Miftuħ għall-istudent.  F’dak li jaħseb, f’dak li jikteb, u f’dak li jagħmel.  Għad għandna wkoll f’idejna n-noti tiegħu dwar dan is-suġġett.  Kien impenjat sew, imma baqa’ impenjat sal-aħħar jiem ta’ ħajtu.

5.   Biss, kien sar protagonist minħabba fir-realtà politika li żviluppat.  Iż-żewġ partiti prinċipali f’dak iż-żmien kienu d-Demokrazija Kristjana u l-Partit Komunista.  Għalkemm tal-ewwel kellu iktar saħħa parlamentari, però ebda wieħed ma kellu, jew seta jifforma waħdu, il-Gvern.  Proprju fil-bidu tas-sena 1978, kien qiegħed fi proċess ta’ diskussjoni ma’ Enrico Berlinguer, il-kap tal-Partit Komunista fil-linja politika magħrufa bħala l-‘Compromesso Storico’.  L-abbiltà tiegħu wasslitu għall-konklużjoni ta’ Gvern Demokratiku-Kristjan bl-appoġġ estern ta’ dak Komunista.

6.   Għadda minn ħafna diffikultajiet, u kien kontestat ħafna.  Biss, kien persuna li jagħraf ir-realtà politika u li hemm interess nazzjonali li jirbaħ pożizzjonijiet politiċi riġidi.  Għaraf jibni pontijiet u toroq li ħadd ma kien jimmaġina li setgħu jinbnew.  Illum l-Italja, fil-pożizzjoni politika li għandha, ċertament tixtieq li kellha bniedem ieħor bħalu, kapaċi jwassalhom għal gvern li ma jistax jitwieled minħabba r-riġidità u l-kondizzjonalità.

7.   Proprju minħabba din il-kapaċità li, bħala Nisrani, irnexxielu jwettaq li fil-jum li kien sejjer il-Parlament, fis-16 ta’ Marzu 1978, ġie misruq minn grupp terrorista magħruf bħala l-‘Brigate Rosse’.  Dak li ġara f’dawk il-jiem u għala huma suġġett ta’ diversi kotba.  Żgur mhux forsi, il-grupp Komunista ried jolqot direttament lill-Istat demokratiku Taljan.  Waqt li kien għaddej proċess legali u kriminali kontra numru ta’ membri tal-Brigate Rosse għal diversi omiċidji li wettqu riedu jaħtfuh, jipproċessawh u joqtluh.

8.   F’dik il-ġurnata mietu erba’ membri tal-forza tal-ordni li kienu miegħu.  Wara, il-pajjiż inqasam, u sa ċertu punt għadu, bejn dawk li riedu jaslu fi ftehim mal-Brigate Rosse, u dawk li ma riedux.  Moro, waqt li kien miżmum, kiteb numru ta’ ittri lil diversi politiċi.  Min jerġa’ jaqrahom jifhem iktar il-martirju li għadda minnu.  Ftehim ma kienx hemm.  Moro ġie esegwit u nstab mejjet fid-9 ta’ Mejju 1978.

9.   Għadda minn ħafna f’dawk il-jiem.  Illum, wara erbgħin sena, inħoss li għandna nieqfu niftakru fil-valur ta’ bnedmin li servew bħalu.  Ta’ dawk l-Insara li daħlu fil-politika u baqgħu leali lejn l-ideal tagħhom.  Ta’ dawk li nħossni politikament viċin.  Ta’ dawk li aktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar naqbel magħhom.

10.  Nagħlaq proprju, għalhekk, b’dawn il-kliem tiegħu: “Perché io credo nella Democrazia Cristiana; io amo la DC; io penso che in essa, come in un ambiente del tutto naturale, come nel luogo della mio vocazione giovanile e della mia multiforme e sofferta esperienza, io sono posto al servizio del paese.  Il dialogo politico, che diventa ogni giorno più serrato e più complesso, parte da qui.  La DC non è tutto, certo, ma è molto per me.  Se bene che bisogna andare innanzi, capire, parlare, ricevere e dare, cambiare, trovare equilibri di giustizia e di libertà adatti al paese.  Ma, per fare tutte queste cose, si parte da qui, da questo dato fondamento della vita politica.”

No comments:

DIRETTIVI TAL-UNJONI EWROPEA LI ĠEW IMPLIMENTATI

18540. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: Jista’ l-Ministru jgħid x’dire...