13.6.18

Fil-ġbir Nissudaw.




1.    Illum, tul il-jum, il-partit ser ikun qiegħed jiġbor fondi sabiex jissoda iktar lilu nnifsu.  Jiġbor mingħand dawk ta’ rieda tajba, imma fuq kollox mingħand dawk li jridu jaraw li l-partit ikollu l-mezzi neċessarji sabiex ikun vuċi li tinstema’.  Il-messaġġ tagħna huwa kontinwament wieħed rilevanti.  Huwa wieħed dirett lejn il-punti importanti fis-soċjetà.  Biss, kif ilkoll nifhmu u nirrealizzaw, hemm bżonn li dak li aħna ngħidu jasal f’widnejn l-eletturi ta’ dan il-pajjiż.  Mingħajr iktar fondi f’idejna ma nistgħux, l-ewwel, naslu fl-irkejjen ta’ dawn il-gżejjer; u t-tieni, inkomplu nipperswadu.



Nipperswadu



2.    Nipperswadu li għall-kuntrarju tal-propaganda qawwija u kostanti tal-Gvern, hemm diversi punti li fuqhom il-pajjiż qiegħed ifalli.  Nuru biċ-ċar li hemm ħafna li bħalissa għaddej qisu ma huwa xejn, u li għandu jieqaf.  Infehmu li għandna opinjoni differenti minn tal-Gvern, li għandha piż u rilevanza.  Waħda li trid tittieħed inkonsiderazzjoni.  Għax kif qed naraw, it-tmexxija tal-poter tiċċaqlaq biss mhux għax hemm argumenti loġiċi li jitressqulha, imma skont kemm ir-riżultati tal-opinjoni pubblika jirreġistraw.  Fuq dan biss l-affarijiet jimxu; il-bqija jibqa’ għaddej minn fuq kollox, anki jekk dak propost jew implimentat huwa ħażin.



Infehmu



3.    L-aġenda nazzjonali mhix dik tal-poplu, imma dik li l-Gvern tal-ġurnata, bil-mezzi tal-propaganda tiegħu, qiegħed jipprova jittrasformaha f’waħda popolari.  Il-politika mhix issir minn isfel għal fuq, imma l-kontra.  Il-prijoritajiet mhumiex bażati fuq dak li għaddej mal-bniedem, imma ma’ dak li l-poter irid jaljena fuqu.  Jum wara jum, il-linja tal-ħidma mhix bażata fuq il-problemi soċjali, imma fuq kif il-Gvern jidher li qiegħed jagħmel ħafna.  Għall-kuntrarju, l-Oppożizzjoni, bil-Kap tagħha Dr Adrian Delia, ilha għal dawn ix-xhur għaddejja b’linja kuntrarja.  Tmur tmiss man-nies, bħal ma seħħ tul din il-ġimgħa fil-Gżira, titkellem magħhom fi djarhom u tifhem x’inhuwa dak li l-poplu verament għandu bżonn u jrid.



Ideat u proposti



4.    F’soċjetà bumbardata bl-inutli, aljenata bil-ħmerijiet u injorata fit-talbiet leġittimi tagħha, hemm bżonn bilanċ u proċess effettiv lejn bidla.  Hemm bżonn li jkun hemm il-vuċi tas-sewwa, tar-raġuni u tas-sens komun li tneħħi dan kollu.  Vuċi li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jirrappreżenta fil-mument storiku tagħha.  Għax fi ħdan dan il-partit hawn ġabra ta’ bnedmin li jifhmu dak li għaddej, li huma kapaċi jimxu lejn programm differenti.  Però, kif qed naraw, għandhom diffikultà biex ifehmu dan kollu.  Il-partit mhuwiex nieqes mill-ideat u l-proposti.  Anzi, huwa dak li diġà qiegħed jipprepara l-programm elettorali tiegħu.  Biss, nafu li hemm min, hemm barra, għandu aġenda u linja politika li ma tridx tħalli dan joħroġ.



Raġuni, sens komun, kuxjenza



5.    Għandna f’dan nifhmu u naċċettaw li fl-Istat hemm min jiddejjaq bil-verità, bl-użu tar-raġuni, mis-sens komun u mill-ħidma li l-kuxjenza twettaq.  Proprju għalhekk li hemm min għandu propaganda għaddejja kontra tagħna biex jippruvaw jiddenigrawna u jċekknuna biha.  L-ewwel: għax aħna suppost ‘negattivi’ u mhux ‘pożittivi’.  It-tieni: għax aħna suppost ‘għedewwa’ tal-pajjiż.  It-tielet: għax aħna suppost ‘konservattivi’ u mhux ‘progressivi’.  Ir-raba: għax suppost li m’aħniex bnedmin ‘onesti u integri’ u ma nikkumbattux kontra l-korruzzjoni.  Hemm lista ta’ “fake news” li kontinwament trid toħroġ proprju biex iżżommna milli nwettqu u naslu direttament.



Dritt għall-verità



6.    Imma aħna ningħarfu mhux biss mill-ideat tagħna, imma wkoll mill-konsegwenza tagħhom: ħidmietna.  Dak li qed jingħad fuqna qed isir apposta, però huwa żbaljat.  Proprju għalhekk li qed niġbru.  Qed niġbru għax aħna m’għandniex niddependu iktar, kif konna, fuq jekk ħaddieħor iwassalx dak li qed ngħidu u nagħmlu verament.  Ma jistax ikun li nibqgħu niġu ġudikati fuq dak li ħaddieħor jgħid li għamilna jew wegħdna.  Nemmnu li l-poplu għandu dritt għall-verità.  Proprju għax għandu dan id-dritt għall-informazzjoni diretta u ċara li rridu nassiguraw li jkollna l-mezzi tal-komunikazzjoni sodi tagħna.



Għandna l-mezzi tagħna



7.    Proprju f’din il-linja ta’ ħsieb li ta’ qabilna ġiebu fis-seħħ politika li tassigura bilanċ demokratiku importanti.  Aħna għandna l-gazzetti tagħna, u l-istazzjonijiet medjatiċi proprju biex il-verità tingħad u ma tiġix assoġġettata għall-esiġenzi politiċi ta’ ħaddieħor, jew għall-bżonnijiet ta’ operaturi ekonomiċi.  Politika li qed tingħata iktar u iktar raġun illum, meta qed naraw li ġew għad-dawl tax-xemx rabtiet qawwija bejn dawn l-interessi.  Rabtiet li assiguraw li l-vuċi u l-ħidma tagħna jew ma jiġux għall-attenzjoni tal-qarrejja, inkella li jingħataw daqqa denigratorja.  Ħidma żbaljata li ma ninsewx.



Determinat li jibdel



8.    Għalhekk, illum qed norganizzaw dan il-jum biex niġbru ftit iktar biex nissudaw ftit iktar.  Għax waqt li ħaddieħor iħares, janalizza u jiġbed il-konklużjonijiet tiegħu mill-istatistika tal-‘vox-pop’, li fi Ħdud strateġiċi nsibu pubblikati, aħna għandna nżommu quddiemna li dan jiddependi fuq kemm qed inwasslu l-vuċi tagħna fis-soċjetà u għas-soċjetà.  It-triq tagħna bħala Oppożizzjoni mhix fit-tajjar bħal ma hija tal-Gvern, imma għat-telgħa.  Ftit jifhmu l-kumplikazzjonijiet u l-isfumaturi varji li nseffqu wiċċna magħhom.  Imma naħseb li diversi qed jifhmu li l-Kap tal-Partit Adrian Delia huwa determinat li jibdel u jegħleb dan.  Proprju għalhekk li ngħid li, bil-ġbir, aħna nissudaw.





   

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...