2.8.16

F’Salib it-Toroq?



1.      Ma naħsibx li hemm ħafna politiċi fi Franza jew fl-Ewropa li huma mimlija b’għira għal dak li għaddej minnu l-President tar-Repubblika Franċiż François Hollande.  Kemm ilu fil-poter l-affarijiet marru mill-ħażin għall-agħar.  Il-mewġa ta’ attakki terroristiċi mill-iktar kundannabbli rajnihom jieħdu dimensjonijiet qawwija.  Il-livell ta’ sigurtà, għoli kemm hu għoli, xorta waħda qed naraw imwiet ta’ persuni innoċenti.  Ma hemmx regoli, la fuq l-istrumenti, la fuq il-metodi u anqas fuq il-vittmi.

Baqa’ impenjat fuq quddiem

2.      Waqt li l-każ ta’ Nizza kien u għadu frisk magħna, b’qattiel li b’vettura tat-trasport għadda u ra kif joqtol tfal, anzjani u nisa indiskriminatament, rajna ieħor tul din il-ġimgħa.  Il-martirju ta’ saċerdot kattoliku Jacques Hamel waqt li kien fuq l-artal jiċċelebra l-quddies mess tastiera oħra.  Proprju dan il-bniedem anzjan li, ta’ sitta u tmenin sena, baqa’ jservi u jgħin lill-kappillan tal-post.  Proprju għax kien jaf li ma kienx hemm biżżejjed saċerdoti u għax ħassu għadu jista’ jservi baqa’ mpenjat fuq quddiem.

Ried jolqot servitur umli

3.      Min daħal għalih għamel hekk mhux għax ma sabx it-triq imma għax ried jolqot lil servitur umli tal-Knisja Kattolika u tas-soċjetà.  Is-saċerdoti, li anke f’pajjiżna naqraw u nisimgħu b’min jattakkahom u jipprova jkerraħhom fil-front line tal-ġlieda kontra l-ħażen, qegħdin għas-servizz tas-sewwa b’għemilhom, bi kliemhom u bl-impenn sħiħ tagħhom.  Ma jdurux it-toroq armati bl-azzarini; anqas ma għandhom xi skorta magħhom.  Iduru waħdehom, jagħtu xiehda għall-ġustizzja u verità bis-sempliċi preżenza tagħhom.

Altruwiżmu u solidarjetà

4.      Dan is-saċerdot kien ilu ħamsin sena jgħix u jwettaq il-ġid komuni.  Għalhekk, meta dawn il-qattiela daħlu għalih riedu joqtluh f’mument u bi skop partikolari.  Waqt li kien qiegħed iqaddes għażlu li joqtluh, bl-istess mod li ħaruf tas-sagrifiċċju kien jinqatel.  Għalina l-kattoliċi ma hemmx dubju li huwa l-mod ċar u dirett li bih wieħed għandu jagħti xiehda ta’ dak li jemmen fih.  Iservi fil-Knisja Kattolika, fil-komunità sħiħa ta’ soċjetà li trid tħares lil kull persuna umana, fid-dinjità tagħha, fl-altruwiżmu, is-solidarjetà, l-onest u l-ħniena.  Wieħed għandu jirrimarka kif proprju f’dak il-pajjiż fejn din ir-reliġjon għaddiet minn ħafna, illum qed tkompli turi li għadha ħajja u rilevanti.

Abbandun tal-wirt nazzjonali

5.      Waqt li f’numru ta’ pajjiżi, tagħna nkluż, nara l-iżball li diversi li jabbandunaw il-wirt li l-valuri kristjani għaddew lid-demokrazija, lill-ekonomija, lill-edukazzjoni, lill-kultura u d-diversi setturi oħra, dawn il-qattiela kienu jafu x’inhuma jwettqu.  L-attakk tagħhom kien dirett għal dak li huma jikkunsidraw l-għadu dirett tagħhom.  L-intenzjoni kienet ċara, speċifika u diretta.  Immirata sabiex tbeżża’ lid-diversi saċerdoti u reliġjużi li, minkejja s-sofferenzi, l-età u żvantaġġi jibqgħu xhieda għas-sewwa.  Il-ħażen jobqgħod il-forzi tad-dawl.  Jippreferi jkun fid-dlam.
Liġijiet żbaljati

6.      Nifhmu b’dan il-vantaġġ li aħna, b’mod partikolari għandna, u li issa f’mument żbaljat qegħdin inżarmaw ruħna minnu.  Il-valuri nsara huma mibnija fuq ir-raġuni.  Mhumiex kontra, anzi favur il-bniedem.  Favur il-ħajja u d-dinjità.  Meta min għandu l-poter f’idejh ma jsibx diffikultà li jmur kontra tagħhom ikun qiegħed inaqqas mit-tessut soċjali u demokratiku tiegħu.  Jiftaħ ruħu għal attakki u estremiżmi fix-xejn.  U dan jaggrava ruħu iktar u iktar meta diversi tibdiliet mhumiex aċċettati mill-poplu.  Diversi liġijiet li għaddew tul din il-leġislatura ma ntlaqgħu tajjeb xejn.

Il-martirju ta’ Jacques Hamel

7.      Aħna qegħdin, bħal soċjetajiet oħra, f’salib it-toroq.  Għandna quddiem l-attakki ta’ min għandu aġenda differenti għażliet.  Nistgħu mmorru lejn linji materjalisti, li huma anti-nsara u nistgħu nikkonsolidaw dak li jagħmel minna pajjiż daqshekk speċjali.  Jekk ħaddieħor xeħet barra l-melħ tajjeb li kellu, ma jfissirx li aħna għandna nagħmlu l-istess.  Il-martirju ta’ Jacques Hamel għandha sservina biex nifhmu iktar dan kollu.  Sigurtà materjali għandna nżidu, biss m’għandniex nitilfu dik il-ħajja interna ma’ kull bniedem.  Dik l-istabilità li tagħmlu forza għas-sewwa fl-avversità u t-tbatija.

Il-boxxla li jrid jimxi biha

8.      Minkejja dak li jista’ jingħad, in-nisrani jibqa’ ċittadin eżemplari ta’ kull Stat.  Jibqa’ dak li jibqa’ jaħdem fit-triq għall-bniedem.  Il-valuri nsara huma għalih il-boxla li jrid jimxi biha.  Hija dik li tagħtih direzzjoni u skop veru f’ħajtu.  Hija dik li permezz tagħha, minkejja kull min ikasbru, jibqa’ rilevanti u strument għas-sewwa.  Kull persuna fis-soċjetà għandha din l-għażla: jew tkun mas-sewwa, għad-dawl jew inkella tmur il-kontra.  Il-pożizzjoni tagħna hija ċara.  Ma naqsitniex anzi, għal min għandu s-sabar, tibqa’ fonti ta’ għerf.  Nittama li dak li ġara f’Saint Etienne du Rouvray m’għandux jgħaddi fix-xejn, imma jservi biex nifhmu dak li aħna u ma nitilfuhx.




      

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...