24.8.16

L-Enċikliċi – għodda soċjali.




1.      Ftit ġimgħat ilu mmarkajna l-mija u ħamsa u għoxrin anniversarju minn meta ġiet pubblikata l-enċiklika “Rerum Novarum”, ikkunsidrata bħala l-ewwel u l-aqwa dokument li jibda jispjega u jiċċara d-dottrina soċjali tal-Knisja Kattolika.  Anzi aħjar, dak li l-Knisja sejħet għall-analiżi ta’ “The State of the Social Question”.  Kien proprju fil-15 ta’ Mejju 1891 li Papa Ljun XIII, wieħed mill-iktar progressivi, beda dan il-proċess ta’ għarfien, aġġornament u direzzjoni f’soċjetà fejn il-vuċijiet tal-marksiżmu u l-liberaliżmu kienu dominanti.  Sistemi li għalkemm jidhru bħala alternattivi għal xulxin, it-tnejn fl-aħħar tal-ġurnata jassiguraw diżugwaljanzi.  U terġa’, dak iż-żmien id-dinja kienet għadha ma ġarrbitx fis-sħiħ l-effetti negattivi li rajna u ġarrabna tul l-aħħar seklu meta dawn tqegħdu fil-prattika mill-kotba tat-teorija.



Kliem ċar u dirett

2.      Minn eżami tal-istess dokument, minkejja t-trapass taż-żmien, il-bniedem ta’ rieda tajba ma jistax ma jħossux imqanqal mill-ġdid bih.  Dan huwa iktar interessanti meta wieħed jikkonsidra li għalkemm Ljun XIII dam Papa għal ħamsa u għoxrin sena, u jibqa’ wieħed fost l-ixjeħ, dan id-dokument ħarġu lejn in-nofs tal-papat tiegħu, wara tlettax-il sena.  L-enċiklika kienet diġà, dak iż-żmien, dawl kbir u att ta’ kuraġġ.  Fetħet il-bibien lejn involviment dirett tal-kattoliċi fil-ħajja soċjali, ekonomika u politika.  Uriet li n-nisrani ma jgħix f’dinja għalih, imma huwa wkoll impenjat sabiex jagħmilha aħjar u jissielet għal dawk minn taħt: l-armla, l-iltiema, il-fqar.  Din l-ittra li ntbagħtet mill-Papa lill-Isqfijiet misset direttament ma’ problemi li kienu u għadhom magħna sal-ġurnata tallum. 



Favur id-dinjità tal-bniedem

3.      Il-kliem użat huwa dawl, anki llum.  Għax meta wieħed jaqra “all trace of the religion of our fathers was stripped from government and the law.  And so it comes about that working men are now left isolated and helpless, betrayed to the inhumanity of employers and the unbridled greed of competitors” u “the hiring of labour and the management of industry and trade have become concentrated into the hands of the few, so that a tiny group of extravagantly rich men have been able to lay upon a great multitude of unpropertied workers a yoke little better than that of slavery”, jifhem iktar u fl-istess ħin jimmotiva ruħu iktar għall-ħidma favur il-proxxmu.  Għalhekk, kliemha ma kienx biss vuċi differenti mill-komuniżmu jew il-kapitaliżmu imma triq mibnija fuq is-sewwa, alternattiva soda.  Fuq dak li huwa ġust u parti integrali mill-bniedem, mhux limitat għall-materjaliżmu storiku imma ferm iktar fil-fond.



L-intelliġenza kbira

4.      Papa Ljun kien bniedem intelliġenti u, għall-kuntrarju ta’ oħrajn daħal u daħħal lill-Knisja fejn ħadd ma kien qiegħed jippretendi li ser tidħol.  Kien hemm, verament, diġà kitbiet tajba bħal dawk tal-illum Beatu Giuseppe Toniolo.  Biss, b’dak li nkiteb ġiet stabbilita l-linja tat-tagħlim tal-Knisja dwar il-kundizzjoni tax-xogħol tal-ħaddiem, in-natura tal-paga ġusta għalih, id-dritt li jingħaqad f’union u li jieħu dawk il-miżuri biex itejjeb u jiddefendi l-impjieg, il-bżonn u l-użu tajjeb tal-proprjetà privata għall-bnedmin.  Enċiklika li serviet ta’ bażi nisranija għall-kunċett demokratiku tal-Istat.  Stat li qiegħed hemm mhux biex jindaħal fejn ma jesgħux, iżda sabiex jassigura l-ġid komuni, it-tqassim aħjar tiegħu u li min huma minn taħt jiġi mgħejjun direttament.



Minjiera ta’ għerf

5.      Fir-realtà, kienet u għadha minjiera ta’ għerf.  Waħda li serviet ta’ bażi għall-ħidma ta’ bnedmin f’partiti politiċi fl-Ewropa u fid-dinja.  Għax hemm diversi partijiet li jimmeritaw attenzjoni, anki llum il-ġurnata.  Għax wieħed għandu jgħid li, sfortunatament, qegħdin f’dinja fejn il-messaġġ huwa dominat mill-vuċi ta’ dawk li jriduna nimxu fil-ħajja soċjali u ekonomika tagħna fuq id-dettami tal-kapitaliżmu u n-neo-liberaliżmu u ninjoraw dan it-tagħlim.  Mhux biss, imma għandu wkoll isir il-punt li dak li nkiteb sekli ilu, għalkemm seta’ ġabar it-trab fuq xi xkaffa għadu mimli ħajja u direzzjoni llum.



Għadu rilevanti

6.      Dak li nkiteb, dak li baqa’ magħruf għalih il-Papa Ljun XIII għadu rilevanti għalina.  Jonqos biss li niddedikaw ftit ħin biex naqraw u nifhmu mill-ġdid.  Hemm bżonn, lok li kitbet bnedmin ta’ intelliġenza jerġgħu jinqraw u jerġgħu jagħtu tama u ħajja llum.  Hija ħasra u żball li ninsew dan is-sens u sustanza.  Hemm żgur lok sabiex kull sena jiġu organizzati laqgħat, diskorsi u anki jkunu parti mill-omeliji u l-priedki tul il-quddies.  Irridu, anzi għandna dmir, li nibqgħu nifhmu li ħidmet in-nisrani fis-soċjetà hija rilevanti għax ispirata minn għerf kbir.  Għax għalkemm infakkru dawn l-anniversarji, nagħmlu aħjar jekk nagħrfuhom mill-ġdid sabiex nagħmlu użu minnhom fil-ħajja tagħna, illum li trid b’għemilha tiċħad is-sewwa magħruf.







No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...