10.8.16

Taħwid iġib taħwid ieħor.





1.      F’dan is-sajf, fejn il-Parlament tagħna nxeħet lura fil-prijoritajiet tal-Gvern għall-aġġornament rekord twil, hemm żviluppi għaddejja.  Hemm anzi proċess elettorali li beda jsir ‘il-bgħid minn xtutna li ser ikollu effett direttissimu fuqna.  L-għażla tal-President futur tal-Istati Uniti tal-Amerika huwa determinanti għalina wkoll.  Il-politika barranija, ħafna drabi hija ferm iktar influwenti minn dik li tkun qed issir fl-intern.  Ma hemmx dubju fuq dan u daqshekk ieħor li għandna raġunijiet gravi li jmexxuna biex ninkwetaw fuq dak li qed iseħħ f’dik l-art, li tibqa’ għal ħafna tad-demokrazija, tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u, fuq kollox, liberatriċi.

Ħidma anti-demokratika

2.      L-għażla fil-Partit Repubblikan tal-kandidat Donald Trump hija mill-iktar żbaljata u perikoluża għalihom u għad-dinja.  Partit li iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar qiegħed joħroġ bħala wieħed maqsum.  Wieħed fejn il-parti demokratika u raġjonevoli qed issib ruħha maqtugħa ‘l barra mill-poter intern.  Fi ħdan din il-ġabra ta’ nies għandna bniedem li qiegħed jitkellem u jaġixxi bl-istess mod li rajna dittaturi oħra jimxu qablu.  Dawk li d-dinja kienet tisma’, ma tagħtix kas tagħhom, taħseb li mhux ser iwettqu dak li kienu jgħidu u li sabet minflok ruħha ffaċċjata bi bnedmin li ħadmu kontra d-demokrazija u l-bniedem.

Il-fatti jgħoddu

3.      Jista’ jkun li jkun hemm min jista’ jintilef fit-triq biex jidentifika min huwa fuq il-lemin estrem jew le.  Biss, il-kejl għalija jibqa’ dak ta’ kemm il-bniedem li qed jirrappreżenta lill-poplu f’isem is-sistema demokratika jaġixxix demokratikament jew le.  Meta dan jibda jitkellem bil-mod li bħalissa għaddej dan il-kandidat Trump, allura mingħajr ma trid tifhem li l-valuri demokratiċi mhumiex proprju għal qalbu.  Meta nisimgħu r-retorika dwar l-immigrazzjoni, l-ordni pubbliku, it-terroriżmu u li dak il-pajjiż m’għandux jibqa’ d-difensur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem fid-dinja, wieħed jibda’ jifhem li hemm elementi estremisti qawwija.

Nikkumbattu għaliha

4.      Id-demokrazija għalina hija valur li ma tistax tixħet ‘il barra u għandna, anzi, nikkumbattu għaliha.  Diversi fil-passat, meta sabu ruħhom jisimgħu d-diskorsi ta’ Mussolini u Hitler, ħasbu li mhux ser ikun hemm theddida diretta għalihom.  Ħasbu li kienu xi żewġ eżaltati, jew vuċijiet ta’ nazzjonaliżmu populista.  Biss, ir-realtà kienet differenti.  Kienu bnedmin li mplimentaw miżuri li waslu mid-diskors għall-azzjonijiet mill-iktar ħżiena, u mimlija ħdura.  Il-bnedmin li tilfu ħajjithom fl-aħħar konflitt mondjali huma ħtija, l-ewwel tal-fatt li ħafna qagħdu lura u ppermettewlhom jieħdu l-poter; u t-tieni għax dawk li fehmu xi ħaġa damu ma ċċaqilqu u jsemmgħu leħinhom u jaġixxu kontra dawn id-dittaturi.

Tessut mondjali

5.      Hemm tessut mondjali li fih, jekk trid, proċess ta’ globalizzazzjoni li ser jolqot u jaffettwa lilna lkoll.  Pajjiżna gawda minn sekli sħaħ ta’ stabilità, paċi u ġustizzja li l-Istati Uniti esportaw.  L-eżempji tajba tagħhom kaxkru lilna wkoll fuq diversi punti.  Kienu u sallum huma dawk għal dawk li jemmnu fil-libertà u d-demokrazija.  M’għandniex ma nitkellmux, għalhekk, meta naraw li dak li qed jgħid Trump huwa l-kontra ta’ dan kollu.  Meta qed jitkellem fuq iktar infiq fil-kamp militari, meta qed jgħid li ser jibni ħajt biex jifirdu mill-Messiku, meta qed jerġa’ jmiss l-istabilità u l-bilanċ neċessarju maċ-Ċina allura nkunu qed nitilfu aħna minflok, jekk naħsbu li dan huwa biss diskors.

Diskors gravi

6.      Diġà diskorsu llum huwa gravi.  Biss, il-mod ta’ kif irreaġixxa, l-ewwel lejn il-ġenituri tal-Kaptan Humayun Khan, li ssagrifika ħajtu għal pajjiżu; u t-tieni, lejn il-fatt li ma jridx jagħti l-appoġġ tiegħu lejn Paul Ryan, bħalissa Speaker u s-Senatur John McCain.  Kliem Khizr Khan u martu sammruh.  Kienu ċari, diretti u esponew il-ħmerijiet kollha li ilu jgħid dwar il-Musulmani Amerikani.  L-istess għal Ryan, esponenti prominenti tal-partit li huwa żgur demokratiku u McCain, kandidat presidenzjali preċedenti Repubblikan.  Biex tkun kontra dawn il-bnedmin ifisser li inti stess ma tħossokx komdu mgħahom għax ma tħaddanx l-ideali demokratiċi.

Lejn diżastru mondjali

7.      In-nażiżmu, il-faxxiżmu u kull forma ta’ estremiżmu jiġi bl-istess toroq li qed naraw bħalissa f’dak il-pajjiż li huwa għal qalbna.  Jiġi elett taħt il-proċess demokratiku, bħala rappreżentant ta’ vuċi tal-poplu.  Biss, appena fil-poter, jibda jaġixxi ta’ kollox, barra minn demokratiku.  Għal min irid jinħeba minn din ir-realtà, illum jista’.  Biss, għada jrid iħallas il-prezz tagħha.  Estremiżmu lemini fl-Istati Uniti huwa formola għal diżastru mondjali.  Id-dinja timxi ‘l quddiem, tikber u tiżviluppa fuq iktar ordni bażata fuq il-ġustizzja, id-demokrazija u l-libertà.  Meta tmur il-kontra, tiżbalja.  Kif jgħidu missirijietna: naħsbu l-ħażin sabiex it-tajjeb ma jonqosx.  Għax it-taħwid, fl-esperjenza umana, taħwid ieħor iġib.



No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...